Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li social worker tara l-każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li applika biex jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul u minkejja li qiegħed fuq il-lista ta' prijorità, ħadd m'għadu kkuntatjah?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat fid-19 t’Ottubru 2006 fejn il-Bord tal-Ammissjoni irrifjuta l-applikazzjoni kemm fit-13 ta’ Settembru 2007 kif wkoll fit-18 ta’ Awwissu 2009 fejn reġa evalwa din l-applikazzjoni. Fil-każ li l-applikant imsemmi għandu xi ċertifikati mediċi ġodda minħabba li l-istat mediku idetterjora huwa jagħmel tajjeb jekk jerġa jimla applikazzjoni mill-ġdid biex b’hekk terġa tidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni.

talba ta' anzjana biex terġa' tmur lura d-dar

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintabgħtu separatament, li tinsab ġewwa l-Isptar Mater Dei u issa li qed tmur għal physiotherapy tixtieq li appena tkun tajba biżżejjed terġa' tmur lura d-dar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmata li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, hija bħalissa pazjenta ġo l- Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech. Ġiet mill-isptar Mater Dei fit-13 t’Awissu 2012, wara li hemmhekk ġiet eżaminata minn Konsulent tal-Ġerjatrija, w aċċettata għal aktar kura. Din il-persuna qed issegwi programm ta’ rijabilitazzjoni, li jinkludi l-fiżjoterapija, u jibqa’ l-pjan li tirritorna d-dar meta l-kundizzjoni medika tagħha tkun stabbli, u hija tkun laħqet l-għola livell tal-abilità tagħha.

Sptar Mater Dei — nefqa fuq manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa tal-manutenzjoni li jonfoq id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Isptar Mater Dei kull xahar, u allura kemm nefaq f'manutenzjoni matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu xahar b'xahar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tinghata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Saħħa — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif mar l-eżerċizzju tal-organizzazzjoni tal-waiting list li kienet qed issir fid-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm fil-fatt kien hemm pazjenti li kienu fuq iktar minn lista ta' stennija waħda u allura jista' jgħid kemm huma l-pazjenti li issa qegħdin jistennew fuq il-listi ta' stennija li għadhom kif ġew organizzati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tinghata f’xi seduta oħra.

sptarijiet u fid-djar tal-anzjani — kuntratturi il jipprovu carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kuntratturi li jipprovdu carers fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani? Liema huma dawn il-kumpaniji u kemm tipprovdi impjegati kull kumpanija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm kuntrattur wiehed li jipprovdi servizz ta Care Workers. Il-kumpanija hija Support Services Ltd li tipprovdi servizz kemm fl-isptarijiet, kif wkoll fid-djar tal-anzjani. Din il-kumpanija tipprovdi komplessivament 826 carer lid-Dipartiment tas-Saħħa.

Ingaġġ ta' paramediċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala fl-applikazzjonijiet li qegħdin jinħarġu għall-ingaġġ ta' ċertu paramediċi qiegħed jingħad li l-applikanti jridu jkunu jaħdmu l-isptar u mhuwiex meħtieġ li jkun SRN? Ma jidhirlux li din it-tip ta' kundizzjoni tista' tfisser li anke ħaddiema barranin (mhux mill-Unjoni Ewropea) jistgħu japplikaw għal dawn il-pożizzjonijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sejħiet għall-postijiet paramediċi jinħarġu skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kollettiv relevanti. Mhuwiex mifhum kif qed jiġi ddikjarat li dawn is-sejħiet għandhom jispeċifikaw li persuna tkun State Registered Nurse meta dawn jappartjenu għal klassi totalment differenti.

ikliet u riċevimenti organizzati l-ministeru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32445 u jgħid matul is-sena 2011 u matul Jannar u Frar 2012 kemm ikliet u riċevimenti organizza l-ministeru, fejn ġew organizzati dawn l-ikliet u r-riċevimenti? Kemm swew kull wieħed u min kien mistieden għalihom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — serqiet rapportati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Saħħa — operazzjonijiet lill-sptarijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jikrix apparat u strumenti tal-operazzjonijiet lill-sptarijiet privati? Jekk iva, liema huma dawn l-istrumenti u kemm-il darba inkrew matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

prezzijiet ta' mediċini mraħħsa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-prezzijiet tal-mediċini, li ġew imraħħsa fil-prezz fl-aħħar lista ppubblikata hawn Malta fid-19 ta’ Settembru 2012? Kif qegħdin jinbiegħu f’dawn il-pajjiżi, stati-membri tal-Unjoni Ewropeja: Portugall, Spanja, Sqallija/Italja, Greċja u Polonja?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jaġħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

kwestjoni dwar prezz ta' mediċina

Question

Jista' l-Ministru jispjega d-differenza enormi li teżisti fil-prezz kif jinbiegħu l-pilloli Tamoxifen, 20mg. Pakkett ta’ 30 pillola, li fil-Polonja (Krakow) inxtraw għall-prezz ta’ 14.34 ZLT, equivalenti għal madwar €3.5. filwaqt li f’Malta, jekk persuna jkollha bżonn tixtri dawn l-istess pilloli, per eżempju, jekk dawn il-pilloli jkunu out-of-stock (għax normalment, dawn jingħataw b’xejn fis-sistema tal-Iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek.), ċittadini Maltin ikollhom iħallsu l-prezz ta’ madwar €19? Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra b’liema prezz qiegħed jixtri dawn l-istess pilloli mingħand l-importatur?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jaġħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema mediċini kienu out of stock mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek matul ix-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-lista tal-mediċini out of stock hija waħda dinamika u tvarja minn ġurnata għal oħra. Għaldaqstant, il-lista mhux neċċessarjament tirrifletti l-pożizzjoni tal-istess stokk fil-160 spiżerija fil-kommunita’ li qed tipparteċipa fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Barraminhekk, mhux bilfors li l-mediċina out of stock tkun nieqsa mill-ispiżeriji kollha fl-istess ħin. F’dan ix-xenarju Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek jgħamel dak kollu possibbli biex jittrasferixxi dik il-mediċina partikolari minn spiżerija fl-Iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek għall-oħra sabiex il-pazjent jkun jista jinqedgħa. Ta’ minn jgħid li l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek tipprovdi biex meta mediċina tkun out of stock mill-ispiżeriji tal-kommunita’, il-pazjenti li jibbenifikaw mill-Iskema ikunu jistgħu jinqdew mill-lokalitajiet l-oħra fil-Qasam tas-Saħħa. Minħabba din il-varjazzjoni u d-dinamika kbira fil-parametri, huwa diffiċili li wieħed jikkwantifika u jiddentifka kemm kienu dawk il-mediċini li attwalment kienu out of stock matul dan il-perijodu.

Nurses barranin — eżami ta' kwalifika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in-nurses barranin li qegħdin jinġiebu jaħdmu f'Malta huwiex isirilhom xi tip ta' eżami sabiex jikkwalifikaw bħala State Regulated Nurses?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuni kollha, kemm Malatin kif ukoll barranin, li jaħdmu mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità huma kollha reġistrati mal-Kunsill ta’ Malta għall-Infermiera u Qwiebel, u li sabiex jingħataw din ir-reġistrazzjoni jgħaddu minn proċess ta’ skrutinju.

Sptar Mater Dei — żjara mill-Università ta' Louvain

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x'kien ir-riżultat minn dik il-viżita li għamlet id-delegazzjoni mill-Università ta' Louvain xi tliet snin ilu hawn Malta rigward is-settur tas-saħħa u l-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid għadx hemm xi kuntatti mal-University Hospital ta' Louvain? Jekk fl-affermattiv, f'liema settur u fuq liema livell?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-sena 2010 gie iffirmat ftehim bejn il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita` u l-Universita Kattolika tal-Leuven. Permezz ta’ dan il-ftehim żewg tobba Maltin fil-livell postgraduate, wieħed fil-kirurgija u l-ohra fl-anesteżija ibbenefikaw minn taħriġ intensiv fl-isptar ta’ din l-Universita`. Iż-żewg tobba temmew it-taħriġ tagħhom b’success. Fl-2013, l-ispeċjalita` tal-Anesteżija ser tibgħat trainee ieħor għall-perjodu ta’ taħriġ. Tul l-2011, żewġ delegazzjonijiet mill-kirurġija u anki mill-anesteżija żaru ukoll dan l-isptar tal-Universita’ Kattolika ta’ Leuven bħala parti mill-istess ftehim.

Skema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm s'issa spiżeriji involuti fl-Iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u kemm minn dawn għandhom l-aċċess għall-persuni b'diżabilità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm 162 spiżerija privata li qed tipparteċipa fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Il-POYC ma żżomx informazzjoni fuq aċċess għall-persuni b’diżabilità fl-Ispiżeriji li qegħdin jipparteċipaw fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.