Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kull kemm żmien għandhom jitqiegħdu fuq is-sistema tal-gvern, il-minuti tal-laqgħat tal-kunsilli lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li skont Artiklu 14A (8) tal-Ordinijiet Permanenti elenkati fis-Sitt Skeda “Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-minuti approvati jiġu mdaħħla sew fil-file u jkun responsabbli għall-kustodja tagħhom. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-minuti approvati jitpoġġew fuq il-website uffiċjali tal-Kunsill.” Dwar dan ukoll il-Kunsilli Lokali huma gwidati permezz ta’ Memo 36/2011, li kopja tiegħu qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-liġi u l-ordinijiet permanenti ma jsemmu xejn dwar terminu ta’ żmien.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-reġjuni (skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali) li għandhom staff vacancies fir-reġjun tagħhom? Kemm minnhom, u liema minnhom għandhom xi impjegati temporanji biex jaqdu l-funzjonijiet li suppost iwettaq ir-reġjun partikulari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu talba għal impjegati klerikali mir-Reġjun tat-Tramunata, liema talba kienet approvata u l-istess Reġjun qiegħed jipproċessa s-sejħa tal-ingaġġ ta’ skrivan. L-istess Reġjun għandu wkoll talba pendenti għal impjegat ieħor. Ir-Reġjuni kollha għandhom impjegati temporanji biex jaqdu l-funzjonijiet li suppost iwettaq ir-Reġjun, ossija dawk relatati mal-funzjonijiet tat-Tribunali Lokali.
kunsilli lokali — applikazzjonijiet għal toroq residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35500 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kitbu lill-awtoritajiet kkonċernati rigward it-toroq li qatt ma saru fil-lokalitajiet tagħhom u li l-Gvern Ċentrali hu responsabbli għalihom? Huwa possibli li tibgħat meta saru t-talbiet minn kull kunsill lokali għal kull triq residenzjali li qatt saret? X'kienet ir-risposta tal-awtoritajiet ikkonċernati fuq kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali u bħalissa qiegħed jevalwha sabiex l-informazzjoni tkun korretta.
San Pawl il-Baħar — Tenders biex isir xogħol ta' achorage fit-telgħa tal-Wardija
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kenux sottomessi tenders biex isir xogħol ta' anchorage jew issudar tal-blat li hemm fit-telgħa tal-Wardija f'San Pawl il-Baħar, wara li l-kunsill kien ħareġ tender għal dan ix-xogħol xi ġimgħat ilu? Jek kien hemm, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi forma ta' rispons għal dan it-tender, kif ukoll jekk l-istess tender ġietx allokata? Fil-każ lil min ingħata x-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-baħar li rċieva żewġ offerti. Intgħażlet l-offerta ta’ Terracore Ltd. li kienet l-orħos u skont l-ispeċifikazzjonijiet kollha mitluba. Ix-xogħlijiet mistennija li jibdew fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.
Kunsilli Lokali — massimu ta' flus allokati għall-direct orders
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali għandhomx xi massimu ta' flus li jistgħu jallokaw għal dawk li huma nefqiet b'direct order, bħala parti mill-budget globali? Jekk iva, kif jiġi assigurat li dan il-massimu jiġi osservat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-Regolamenti dwar Kunsilli Lokali (Finanzi) – A.L. 155 tal-1993, ma jistipulawx xi massimu ta’ flus li l-Kunsilli Lokali jistgħu jallokaw għal dawk li huma nefqiet b’direct order. Madanakollu, meta jsir nfieq ta’ dan it-tip, ma jistgħux jinxtraw oġġetti ta’ l-istess xorta f’perjodu ta’ erba’ xhur konsekuttivi.
Jista' l-Prim Ministru jara li x-xogħol meħtieġ fuq il-moll żgħir li hemm taħt it-telgħa tax-Xemxija, fid-direzzjoni ta' bejn il-bajja u l-Knisja tal-Kappuċini jiġi rranġat, għaliex jinsab fi statħażin wara l-ħsarat li sofra riċentament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-kunsill jinsab fil-proċess li jara x’inhuma x-xogħlijiet rikjesti biex jagħmel it-tiswijiet fuq il-moll imsemmi.
talbiet pendenti għal stallazzjoni ta' dwal pubbliċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti għal stallazzjoni ta' dwal pubbliċi f'kull waħda mil-lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali? F'kull lokalità kemm hu n-numru ta' dwal li huma diġà approvati, li iżda għadhom ma ġewx stallati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
kunsilli lokali — permessi għall-umbrelel, imwejjed u siġġijiet fuq art tal-gvern
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex intitolati li jipprovdu xi forma ta' permessi jew xi forma ta' kunsens lil dawk li japplikaw biex joħorġu imwejjed, siġġijiet u umbrelel fuq art tal-gvern fil-lokalità tagħhom? Jekk iva, mis-sena 2010 sena b'sena, lokal b'lokal kemm daħħal kull kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Kunsilli Lokali huma intitolati li jipprovdu permessi għal ħruġ ta’ mwejjed u siġġijiet skont kif stabbilit fl-Avviż Legali Nru 119 tal-2002 li kopja tiegħu qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li wieħed għandu jkollu l-permessi meħtieġa mill-kunsill lokali biex jorganizzaw BBQ fil-lokalitajiet tagħhom? Kemm daħħal fi flus kull kunsill mis-sena 2010 b'din il-miżura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm żewġ Kunsilli Lokali li għandhom fis-seħħ bye-law li tirregola tali attività. Dawn huwa l-Kunsilli Lokali ta’ Birżebbuġa u tal-Mellieħa. Waqt l l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa wieġeb li ma daħħal xejn b’din il-miżura, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa daħħal €5,060 matul l-2010, €6,006 matul l-2011 u €758 matul l-2012 (sa Mejju).
Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin (Jannar 2002 sa Ġunju 2012) kemm kien hemm persuni li "waqgħu" mis-sur għal isfel tliet sulari għoli fin-naħa ta' wara tad-depot magħrufa bħala tal-klandestini? Kemm minn dawn il-persuni kienu barranin? Kemm kienu Maltin? F'kull każ xi ġralhom wara li "waqgħu"? Kemm minnhom mietu, kemm minnhom weġġgħu iżda fiequ u baqgħu ħajjin, kemm minnhom ma fiequx u mietu u kemm minnhom ma ġralhom xejn? F'kull każ saret investigazzjoni mill-pulizija x'kien ġara?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk xi ħadd fil-Korp tal-Pulizija jew xi taqsima bħal Internal Affairs Unit għamel/għamlet inkjesta interna dwar l-inċident li fih l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament waqa' tliet sulari mis-sur għal isfel fin-naħa ta' wara tad-depot tal-pulizija nhar id-9 ta' April 2008? Jekk iva jista' jpoġġi kopja tar-rapport ta' inkjesta interna fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi, wara li kienu saru allegazzjonijiet ta’ swat mill-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant, waqt li kien arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, kienet saret investigazzjoni interna dwar il-ħin li l-imsemmi persuna kien miżmum fil-lock up fil-Kwartieri
Ġenerali tal-Pulizija.
Minħabba l-kontenut sensittiv ta’ dan ir-rapport, ma jidhirlix li għandi nagħmlu pubbliku, u dan fl-interess tal-persuna innoċenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati każijiet ta' pedestrians li ttajru minn vetturi matul din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perjodu għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija li kien hemm 97 persuna li ttajru minn vetturi. Infurmat ukoll illi matul l-istess perjodu fil-ħames snin ta’ qabel kien hemm:
2007
2008
2009
2010
2011
97
68
59
75
75
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm baqa' pulizija stazzjonati f'Għawdex fl-iskwadra tas-CID? Peress li jidher li l-unika tnejn li baqa' fl-iskwarda tas-CID f'Għawdex se jispiċċaw mill-korp, jista' jgħid kemm pulizija beħsiebha tkun komposta din l-iskwadra tas-CID?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm żewġ membri tal-Korp li jagħmlu xogħol ta’ CID f’Għawdex. Infurmat ukoll illi t-tqassim tal-membri tal-Korp isir skont l-esiġenzi tal-Korp u n-neċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza rigward ERDF funds bejn il-PPCD u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, ir-Rabat, Ħ’Attard u Ħal-Lija bejn l-1 ta’ Frar 2010 u t-30 ta' Ġunju 2010?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35727, ladarba skont ir-risposta li ngħatat, dawk kollha li armaw imxew mal-kundizzjonijiet imposti fil-permess, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif kien hemm stqarrijiet, uħud minnhom pubbliċi, biex jikkundanaw id-diżorganizzazzjoni li kien hemm fuq il-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ma ħareġ l-ebda stqarrijiet ta’ kundanna imma stqarrija fejn b’dispjaċir innota li l-influss ta’ klijenti f’dan il-party ħoloq ħafna problemi fosthom fit-tmexxija u l-parkeġġ tal-vetturi apparti wkoll li l-ħoss tal-mużika urtat bil-kbir lir-residenti fl-inħawi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-sistema li entità governattiva inkluż kunsilli lokali, jitħallsu lura xi flejjes li l-istess entità li tkun ħallset żejjed lil xi kumpanija kummerċjali dak li tissejjaħ refund, li l-entità li tkun tħallset żejjed, tagħti lura l-ammont li tkun irċeviet żejjed, jew tħallset żejjed għal xi servizz li tkun għamlet, flok fi flus, tħallas lura b'oġġetti jew affarijiet oħra, iżjed u iżjed jekk dawk l-affarijiet jew oġġetti ma jkunux manifatturati minnha, dak li fis-sistema kummerċjali tissejjaħ bartering hijiex skont ir-regolamenti finanzjarji? Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sistema bħal din hijiex fit-termini tar-regolamenti finanzjarji u jekk xi dipartiment tal-gvern, kumpaniji governattivi u kunsilli lokali, jaddottaw din il-proċedura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt illi nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat għal dak li jirrigwarda regolamenti finanzjarji applikabbli għad-dipartimenti tal-gvern u kumpaniji governattivi, ninsab infurmat li, fil-każ ta’ kunsilli lokali, il-Proċeduri dwar Kunsilli Lokali (Finanzi) tal-1996, jikkontemplaw l-użu ta’ credit notes bħala parti minn transazzjonijiet ta’ xiri.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm qed jalloka flus ghas-sena 2012 sabiex jiġi finanzjat is-SATU? Mil-liema vot qed joħorġu dawn il-fondi? Kemm intefqu flus f’dawn l-aħħar erba’ snin mis-sena 2008 sas-sena 2011 sena b’sena? Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huwa s-suċċess tas-SATU sabiex priġunieri jiġu riabilitati mill-vizzju tad-droga? Kif jinterpreta u x’jikkummenta l-Prim Ministru fuq stqarrija li qal uffiċjal pubbliku li jaħdem mall-Aġenzija Seqda fejn stqarr li l-ħabs mhux post fejn persuni bi problema ta’droga jiġu riabilitati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul is-snin indikati mill-Onorevoli Interpellant in-nefqa komplessiva fir-rigward ta’ programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga taħt il-Vot tad-Dipartiment li jipprovdi speċifikament għal dan it-tip ta’servizz kienet kif jidher hawn taħt:
2008: €260,000
2009: €290,000
2010: €325,000
2011: €257,687
Dawn ma jinkludux spejjeż oħra li jkunu ġew koperti taħt il-Voti ġenerali tad-Dipartiment, u dan japplika b’mod speċjali għal-manteniment u żamma tas-SATU, li flimkien mas-SEDQA u l-Caritas jipprovdu l-programmi ta’ rijabilitazzjoni li jipparteċipaw fihom numru ta’ ħabsin.
L-għan tar-rijabilitazzjoni hekk kif jista jikkonferma kull professjonist fil-qasam, huwa li tagħti lura il-valuri li l-persuna tkun warrbet mill-ħajja tagħha. F’dan il-kuntest id-dmir tal-Faċilità huwa li tipprovdi l-meżżi sabiex persuna tiġi kkurata, u hekk qed isir. Madankollu, l-Onorevoli Interpellant japprezza li ġewwa l-Faċilità hemm priġunieri li ghandhom dipendenza fuq id-droga li ħafna drabi ma jinsabux hemm biss għax kellhom fil-pussess tagħhom droga għal użu personali, iżda għax ikkommetew reati oħra ukoll. Filwaqt li huwa essenzjali li dawn il-persuni jingħataw l-opportunità għar-rijabilitazzjoni, u għalhekk il-Facilità tippromwovi dawn il-programmi kif inhu dmir tagħha li tagħmel, huwa wkoll meħtieġ li dawn jiskontaw ukoll is-sentenza tagħhom li hija propju r-raġuni ewlenija għaliex qegħdin hemm.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li preżentament għandhom funzjoni ta' internal audit? Jista' jgħid liema minn dawn l-entitajiet irrikorrew għas-servizz ta' ditti tal-awdituri biex jingħatalhom dan is-servizz? F'kull każ, jista' jgħid:
a) liema ditta tal-awdituri ġiet mqabbda;
b) kemm qed tiġi mħallsa kull sena tal-funzjoni tal-internal audit;
ċ) f'kull każ, min huma l-awdituri esterni u jekk l-awdituri interni humiex l-istess ditta? F'każ li l-istess, kemm qed jitħallsu tal-funzjoni tal-awditjar estern;
d) kemm huwa t-turnover tal-entità li taqa' taħt il-Ministeru; u
e) kemm għandha impjegati l-entità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma hemm ebda entita’ jew awtorità li taqa’ taħt dan il-Ministeru li għandha funzjoni ta’ internal audit jew li rrikorriet għal servizz ta’ ditti tal-awdituri biex jingħatala dan is-servizz. Tajjeb ukoll infakkar lill-Onor Interpellant illi d-Dipartimenti u l-entitatijiet kollha, b’mod partikulari fejn ma hemmx internal audit ad hoc, jagħmlu użu mill-Internal Audit and Investigations Department.