Tista' l-Ministru tispjega x'inhu jiġri fil-każ ta' peripatetic teachers u l-interviews li qed isirulhom kull tliet snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-interviews li qed isiru għall-Peripatetic Teachers huma skont il-ftehim kollettiv bejn l-MUT u l-Gvern tal-2010 fejn hemm indikat li karigi bħal dawn jiġġeddu mill-inqas kull sentejn (schedule IV Art. 4.3).
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-iskola tal-mużika? Fejn se tiġi rilokata u meta se jibda x-xogħol? Meta mistenni jintemm ix-xogħol? X'konsultazzjoni qed issir mal-għalliema kkonċernati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada identifikaw sit fil-limiti ta’ Ħal Qormi li jista’ jservi ta’ post fejn jinbena l-Kulleġġ tal-Arti. Bħalissa qegħda tiġi ppreparata d-dokumentazzjoni teknika sabiex titressaq formalment il-proposta lill-MEPA għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Sadanittant, inbeda l-proċess sabiex kull kors offrut f’dawn l-iskejjel ikun konformi mal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Il-Kulleġġ tal-Arti ser ikun qed joffri korsijiet minn Livell 1 sa Livell 4 u f’xi ftit każi sa Livell 5. Studenti fil-qasam tal-Arti li jridu jkomplu jispeċjaliżżaw minn Livell 5 ’l fuq ser ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fl-MCAST u fl-Universitá ta’ Malta.
Il-proċess ta’ validazzjoni qed isir bis-sehem tal-għalliema.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hi s-success rate tal-istudenti li qagħdu għall-eżamijiet tas-sena kurrenti 2011/2012 tal-Kors tal-Mcast li jismu Maintenance Technician Course (leading to part 66 cat b 1.1)?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Bulebel — ħinijiet tax-xogħol ta' ħaddiema f'fabbrika
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi arranġement speċjali mal-Labour Office biex fabbrika partikulari f’Bulebel li timpjega għadd kbir ta' ħaddiema barranin li nifhem li qegħdin jaħdmu f’mod regolari f’pajjiżna, bl-awtorizazzjoni tad-dipartiment ikkonċernat, fejn dawn spiss jaħdmu mis-sebgħa ta' filgħodu sas-sebgħa u nofs ta' filgħaxija kuljum inklużi s-Sibtijiet u l-Ħdud u fejn dawn jingħataw jum wieħed biss off li minkejja t-talbiet tagħhom biex ikun il-Ħadd, ħafna drabi jispiċċa jkun is-Sibt, darba kull ħmistax? Huwa aċċettabbli li dawn spiss jiġu sfurzati wkoll jaħdmu overtime sad-disgħa u nofs ta' filgħaxija b’ €0.75 fis-siegħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Mistru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-viżjoni tal-gvern għas-settur tat-tagħlim fl-qasam artistiku cioè arti, mużika, drama, żfin eċċ.?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellenat li l-viżjoni tal-Gvern għas-settur tat-tagħlim fil-qasam artistiku cioè arti, mużika, drama, żfin hi spjegata fid-Dokument ta’ Politika Kulturali Nazzjonali li ġie ppubblikat s-sena l-oħra. Kapitlu 3 hu speċifikament fuq hekk.
Barra minn hekk, aktar dettalji ser jitħabbru fl-Abbozz ta’ Strateġija għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li għandu jiġi ppubblikat dalwaqt.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie terminat għax spiċċaw redundant mill-1999 sa Diċembru tal-2011? Kemm minn dawn il-ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie terminat, spiċċaw redundant għax l-entità fejn kienu jaħdmu ġiet privatizzata? Kemm minnhom sabu xogħol fl-entità privata li twaqqfet minflok l-entità fejn kienu jaħdmu oriġinarjament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif għal Malta u Għawdex separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie terminat għax spiċċaw redundant mill-1999 sa Diċembru 2011 kien ta’ 82,736 persuna, li 75,272 kienu Maltin filwaqt li 7,464 kienu Għawdxin. Skond l-informazzjoni li ghandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta’ ħaddiema li l-impjieg tagħhom ġie terminat u spiċċaw redundant għax l-entita fejn kienu jaħdmu ġiet privatizzata kien ta’ 6,756 persuna li 6,248 kienu Maltin filwaqt li 508 kienu Għawdxin. Minnhom 4,962 persuna (4,460 – Maltin, 502 Għawdxin) sabu xogħol fl-entita privata li twaqqfet minflok. L-1,794 persuna l-oħra sabu xogħol f’postijiet alternattivi.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li għandhom degree mill-Università? Tista' tgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Tista' tgħid jekk humiex nisa jew irġiel?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid fuq liema kriterju ntgħażel l-istitut Fraunhofer-Gesellschaft biex l-MCAST stabbiliet il-korsijiet tat-top-up degree courses? Dawn it-top-up degree courses se jissarfu f'li l-istudenti jikkwalifkaw għall-warrant tal-inġiniera bħal dawk li spiċċaw il-kors fl-inġinerija tal-Università?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Fraunhofer Gesselschaft hija l-akbar istituzzjoni tar-riċerka fl-Ewropa b’aktar minn 10,000 impjegat li bosta minnhom huma inġiniera, xjentisti u professuri minn universitajiet. Fraunhofer taħdem mill-qrib ma’ bosta universitajiet u kulleġġi fil-Ġermanja u pajjiżi oħra filwaqt li taħdem ma’ kumpaniji mis-setturi kollha tal-ekonomija. Fraunhofer kienu magħżulin propju għal dawn ir-raġunijiet iżda dan wara kuntatti li kienu saru ma’ istituzzjonijiet oħra, l-aktar fir-Renju Unit.
Għalhekk il-kuntatti ta’ Fraunhofer mad-diversi istituzzjonijiet akkademiċi fissru li l-MCAST setgħa jkopri l-aspetti varji fil-bżonnijiet tat-tgħallim. Fl-istess ħin il-kuntatti li kellha Fraunhofer mal-industrija għenu sabiex il-korsijiet ġew imfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet sew preżenti kif ukoll dawk futuri tal-Industrija.
Sallum il-programmi tad-degree offruti kienu mifruxa fuq perjodu ta’ tlett snin; sentejn Higher National Diploma u sena top-up għal degree, li jammontaw għal total ta’ 180 ECTS. Programmi ta’ degrees fl-engineering li għandhom 180 credits m’humiex eliġibbli għall-warrant. L-MCAST qegħda tagħmel diskussjonijiet biex tara kif tista’ tipprovdi aċċess għall-warrant.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskills audit tan-nies li qed jirreġistraw għax-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskills u l-kwalifiki tan-nies li qed jirreġistraw għax-xogħol jingabru permezz tal-profiling li l-Employment Advisors jagħmlu ma’ kull persuna li qed tirreġistra fuq l-ewwel parti tar-reġistru. Ma sar l-ebda skills audit partikulari mar-reġistranti għax il-profil tar-reġistranti jiġi aġġornat b’mod regolari fuq bażi individwali.
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika iktar għal xiex qed tirreferi biex inkun f’pożizzjoni li ngħaddi l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33891, tista' l-Ministru tgħid x'iridu jkunu l-kriterji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-ewwel ma jingħata post huwa għat-tfal mil-lokalità. Ma jistgħux jiddaħħlu tfal minn lokalitajiet oħra li ma jħallux post għal tfal mil-lokalità. Jekk ikun hemm post jintużaw dawn il-kriterji, f’din l-ordni;
1. Problemi ta’ saħħa.
2. Aħwa li jkunu diġa’ jattendu fl-istess skola
3. Ulied l-iStaff tal-iskola konċernata
4. Ġenituri li jkunu ġabu prova uffiċjali li huma impjegati u li ma jkun hemm ħadd li jiġbrilhom it-tfal mill-iskola
5. Raġunijiet oħra validi.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-figuri ta’ kemm irriżenjaw lecturing staff kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time, eskluż irtirar bl-età, mill-MCAST, sena b’sena, minn meta twaqqaf il-kulleġġ sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — direttivi tal-Unjoni Ewropea
Question
Tista' l-Ministru telenka d-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropeja flimkien mal-korrispettiv Att Malti li bih dawn id-direttivi ġew introdotti fis-sistema legali Maltija? Tista' tinkludi dawk id-direttivi li ġew transposed kemm fl-Atti Parlamentari, avviżi legali jew atti oħra, inklużi dawk amministrattivi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 35239 tas-Seduta 486.
settur tal-Edukazzjoni — informazzjoni dwar ħaddiema
Question
Tista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu fis-settur tal-Edukazzjoni f'Għawdex u f’Malta separatament fl-aħħar ta’ Ġunju 2011 u fl-aħħar ta’ Diċembru 2011 bħala: 1) full-time; 2) part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom; u 3) part-time bħala x-xogħol sekondarju tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 35084.
ILM Diploma in Management — assignments tal-istudenti
Question
B'referenza għall-istudenti li jattendu t-tieni sena ILM Diploma in Management fl-Mcast (part-time), tista' l-Ministru tgħid għaliex minkejja li bejn Diċembru 2010 u Diċembru 2011 l-istudenti intavolaw disa' assignments u sal-lum għadhom ma rċevewx ir-riżultati ta' dawn l-assignments? Huwa sew li dawn l-istudenti bdew it-tieni sena mingħajr ma jafu jekk għaddewx mill-assignments tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-MCAST ilu joffri l-kors li jwassal għad-Diploma in Management tal-Institute of Leadership and Management (ILM) għal diversi snin. Diġa kien hemm żewġ gruppi ta’ studenti li temmew b’suċċess dan il-kors ‘part-time’. F’Ottubru 2010, 19-il student ieħor bdew dan il-kors ta’ sentejn. Il-ħruġ tar-riżultati proviżorji ta’ dawn l-istudenti oriġinarjament tfixkel xi ftit minħabba l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ġodda meħtieġa minħabba l-fatt li l-ILM bidlet il-‘qualification mode’ ta’ dan il-kors minn International Management Qualification għal Vocationally Related Qualification.
Fi Frar 2012, l-ILM awtorizzat lill-MCAST biex toħroġ ir-riżultati proviżorji tas-seba’ modules li l-istudenti ssottomettew fl-ewwel sena, flimkien ma’ l-ewwel module tat-tieni sena. Dawn ir-riżultati nħarġu minnufih u hekk kif titlob il-proċedura tal-MCAST u tal-ILM, dawk l-istudenti li ma kienux ġabu l-marka meħtieġa biex jgħaddu minn dawn il-modules ingħataw informazzjoni dwar kif jistgħu itejbu l-marka tagħhom meta jissottomettu x-xogħlijiet tagħhom għat-tieni u l-aħħar darba (‘resit’). Fil-fatt, ħlief għal student wieħed li għad baqagħlu jagħti xi xogħol, l-istudenti l-oħrajn diġa ħadmu fuq l-informazzjoni li ngħataw u ssottomettew ix-xogħol mill-ġdid. Għalhekk, l-istudenti jafu jekk għaddewx jew le minn dawn il-‘modules’.
Sadanittant, din is-sena l-istudenti issottomettew ukoll ix-xogħlijiet marbutin ma’ tliet ‘modules’ oħrajn, fil-25 ta’ Jannar, u fis-17 u l-20 t’April. Waqt li wieħed minn dawn ix-xogħolijiet kien ikkoreġut u jinsab għaddej fl-aħħar fażi tal-proċess tal-verifikazzjoni interna biex ikunu jistgħu jinħarġu r-riżultati, it-tnejn l-oħra qed jiġu ikkoreġuti u se jitlestew dalwaqt.
F’Lulju, hekk kif isir normalment fl-aħħar ta’ kull kors ta’ dan it-tip, għandu jasal Malta l-
external verifier
mibgħut mill-ILM, biex itemm il-verifikazzjoni esterna fuq ix-xogħlijiet kollha tal-istudenti u b’hekk ikunu jistgħu jinħarġu r-riżultati uffiċċjali u finali ta’ dan il-kors.
Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti li kienu form 5 din is-sena akkademika fl-iskejjel sekondarji tal-gvern, tal-knisja u indipendenti, li m'għamlux O'levels? Tista' taqsam it-tweġiba tagħha skont l-iskejjel?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm dropouts mill-MCAST din is-sena fil-livellli kollha? Tista' taqsam it-tweġiba tagħha skont il-livelli li fihom waqfu mill-kors l-istudenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ħax il-performance bonus kif stipulat? Jekk iva, kemm kien jammonta u liema perjodu kien ikopri? Jekk ma ngħatax, għaliex ma ngħatax?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi għad irid jingħata il-performance bonus kif stipulat fil-kuntratt tiegħu. L-ammont li ser jingħata ikopri minn Jannar 2011 sa Diċembru 2011.
B'referenza għall-Klawżola 32 tal-Avviż Legali 131 tal-2012, tista' l-Ministru tiddefinixxi l-ħinijiet normali ta' tgħallim fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Studenti full-time minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea huma eżentati mill-ħlas l-istess bħala studenti Maltin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-kuntest tat-tagħlim li jsir fl-ITS, il-ħinijiet normali tat-tagħlim ikopru s-sigħat kollha stabbiliti skont it-timetable tal-korsijiet full-time. Studenti minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja huma eżentati mill-ħlas.
Tista' l-Ministru tgħid b'liema proċedura l-persuna li sa ftit ġimgħat ilu kienet fil-kariga ta' Deputat Direttur tal-Istitut għall-Istudji Turisti qabel irriżenjat minn din il-kariga, marret lura fil-kariga tal-lecturerfl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? X'inhuwa s-salarju u l-kundizzjonijiet ta' xogħol li qed japplikaw għal din il-persuna bħalisa bħala lecturer? L-impjieg tagħha huwa mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi dirett jew mas-Servizz Pubbliku?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna li sa ftit ġimgħat ilu kienet fil-kariga ta' Deputat Direttur tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi marret lura fil-kariga ta’
lecturer
fl-istess Istitut għax kienet fuq perjodu ta’ unpaid leave skont il-ftehim kollettiv iffirmat bejn l-MUT u l-MTA. L-impjieg tagħha huwa mal- Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta. Il-kundizzjonijiet ta' xogħol li qed japplikaw bħalissa għal din il-persuna huma l-istess bħal dawk ta’
lecturers
oħra skont il-ftehim kollettiv
in vigore
. Is-salarju tagħha huwa ta’ € 22,208.24.