Urban Improvement Fund u Development Planning Fund
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2906 u jgħid kemm daħlu flus fl-Urban Improvement Fund u fid-Development Planning Fund, fond b’fond u sena b’sena, mill-1 ta' Jannar 2013 sal-aħħar ta' Diċembru 2022, u liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati minn dawn il-fondi? X'kien l-ammont ta' finanzjament proġett proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9495, jista' l-Ministru jgħid x'passi oħrajn tista' tikkonsidra l-Awtorità tal-Ippjanar fejn jinstab żvilupp li mhux kopert b’permess ta’ żvilupp ma jitneħħiex u fiex tikkonsisti l-proċedura stabbilità li tintuża f’dawn il-każijiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn jinstab żvilupp li mhux kopert b’permess ta’ żvilupp u dan ma jitneħħiex wara li l-Awtorità tkun ħarġet Avviż ta’ Waqfien u ta’ Twettiq u wara li jiġi verifikat li r-rimedji kolla mogħtija mil-liġi ġew eżawriti, l-Awtorità tal-Ippjanar tikkomunika mas-sid jew mal-persuna li tokkupa l-art sabiex jiġi stabbilit jekk l-iżvilupp illegali hux ser jitneħħa mis-sid jew mill-persuna li tokkupa l-art u li jekk dan ma jseħħx l-Awtorità għandha d-dritt skont il-liġi li tneħħi l-iżvilupp illegali hi mingħajr ebda preavviż, f’dik li tissejjaħ azzjoni diretta, liema azzjoni ssir a spejjeż ta’ min huwa responsabbli tat-tali żvilupp mhux kopert b’permess.
Il-proċedura li tintuża f’dawn il-każijiet, hija dik li hemm fl-Att prinċipali Kap. 552 artikolu 100.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9494, jista' l-Ministru jispjega x'għandu jinftiehem meta jingħad abbozz ta' studju tal-'Urban Development Capacity Study' li fir-rapport annwali tal-Awtorità tal-Ippjanar għas-sena 2022 (pg. 9) huwa rrapportat li tlesta u x'jista' jinbidel fl-istudju bejn l-abbozz u dak finali?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-‘Development Capacity Study’ tlesta fi stadju t’abbozz, liema abozz huwa suġġett għal studji u konsultazzjoni interna addizzjonali.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9493 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista eżawrjenti tal-applikazzjonijiet kollha, inkluż dawk fil-waiting list, illi l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet fl-aħħar sejħa tal-Iskema 'Irrestawra Darek' illi turi mhux biss in-numru tal-applikazzjoni, il-Perit li applika f'isem il-klijent u l-Kunsill Lokali, imma wkoll it-timestamp ta' meta l-applikazzjoni rreġistrat ruħha fis-sistema?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 9784 u 9446 li ngħataw fis-seduta 132.
Raħal Ġdid – Knisja Santa Ubaldeska – restawr tal-faċċata
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, f’Raħal Ġdid, isir tul din is-sena u jekk le jgħid għaliex ma jistax isir?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8197 u jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġitx permess biex ikun hemm id-demolizzjoni totali ġewwa Kordin proprju fejn seħħet il-mewta traġika ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena u kien hemm persuni oħra li sofrew xi ġrieħi? Jekk l-Awtorità ħarġet tali permess, jista’ jgħid min kien responsabbli għall-ħruġ ta’ dan il-permess?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ma rċeviet ebda applikazzjoni ta’ dan it-tip fir-rigward tas-sit imsemmi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7834 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7052, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermatx li l-iżvilupp tal-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament huwiex earthquake proof? Fid-dawl ta’ numru ieħor ta’ żviluppi high rise, jista' jgħid jekk hemmx xi policy fuq is-sigurtà ta’ dawn il-binjiet fl-eventwalità ta’ terremot? Jekk le, jista’ jgħid jekk huwiex iż-żmien li nkunu proattivi u jkollna policy/guidelines/regoli fuq dan?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kompitu tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġi stabbilit id-disinn strutturali tal-bini.
Jista’ l-Ministru jgħid, sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kull kunsill lokali separatament f'Malta u Għawdex, kemm għandu fondi tal-Urban Improvement Fund/Planning Fund disponibbli għalih biex b’dawn il-fondi jkun jista’ jagħmel proġetti fil-lokalità rispettiva?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi disponibbli, ibbażati fuq introjtu kalkulat sal-bidu ta’ April ta’ din is-sena u li jieħdu wkoll kont ta’ proġetti diġà kuntrattati biex jibbenefikaw minn fondi ta’ l-Awtorità tal-Ippjanar u jew proġetti diġà sottomessi biex similarment jikkwalifikaw imma fejn għadu ma sarx kuntratt huma indikati fit-Tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid, kemm ibbenefika minn fondi mill-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS)/kontribuzzjoni favur l-Urban Improvement Fund/Planning Fund kull kunsill f'Malta u Għawdex separatament, sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'tip ta' proġetti saru b'dawn il-fondi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar – ħruġ ta’ permessi biex jitneħħew spazji ta’ parkeġġ għal siġġijiet u mwejjed
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta l-'Policy Guidance and Standards for Outdoor Catering Areas on Public Open Spaces' ġiet ippubblikata f'Ġunju tal-2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija palamentari, kemm-il permess inħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jitneħħew spazji ta' parkeġġ lokalità b’lokalità u sena b'sena f'Malta u Għawdex għal siġġijiet u mwejjed? X'fees inġabru mill-Awtorità tal-Ippjanar, inkluż għall-'car parking provisions' relatati mat-tneħħija ta' dawn il-parkeġġi? X'inhu n-numru tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar f'kull każ? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet id-deċiżjoni jinħariġx il-permess jew le għadha pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar – barrieri — tfigħ ta’ materjal ta’ kostruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-barrieri li għandhom il-permessi neċessarji kollha tal-Awtorità tal-Ippjanar li fihom, bħalissa, jista’ jintefa’ materjal tal-kostruzzjoni? F'liema lokalità tinsab kull barriera?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Awtorità tal-Ippjanar – ordni ta’ twaqqigħ ta’ bini
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi fejn l-Awtorità tal-Ippjanar (MEPA qabilha) ħarġet ordni ta' twaqqigħ ta' bini mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, lokalità b'lokalità? X'kien in-numru tar-referenza tal-infurzar f'kull każ?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Avviż ta’ Twettiq maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar ma jispeċifikax ordni ta’ twaqqigħ ta’ bini, għalhekk l-Awtorità ma għandhiex u ma tistax tiġbor l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir il-Local Plan Review peress li l-Local Plans eżistenti suppost ġew reveduti madwar seba’ snin ilu? X'inhi r-raġuni li l-Gvern għadu jkaxkar saqajh biex jagħmel ir-reviżjonijiet neċessarji tal-Local Plans? Jista’ jgħid jekk dawk l-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar li qed jaħdmu fuq ir-reviżjoni tal-Local Plans ingħatawx xi linji gwida, direzzjoni jew prijoritajiet sabiex isegwu fil-ħidma tagħhom? Jekk dawn il-linji gwida ngħataw, jista’ jgħid minn min ingħataw u jista’ jqiegħed dawn il-linji gwida u prijoritajiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9186 fejn ingħatat l-informazzjoni li l-permess DN 648/22 ġie rrevokat skont l-artikolu 80 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, Kap. 552 tal-Liġijiet ta’ Malta, u fejn ġejt informata li dan il-permess ġie revokat "in view that the application contained the submission of information, declaration or plan which is incorrect or does not reflect the situation on site", jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'kienet l-informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanti li hemm referenza għalihom f'dan l-istatement li ntbagħat sabiex il-Kunsill Lokali jiġi informat li dan il-permess ġie revokat?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proposta għad-DNO 648/22 kienet ‘Proposed installation of outdoor ground fixed percussion exhibits’ mentri fil-fatt dawn kienu instrumenti li setgħu jindaqqu f’kull ħin tal-ġurnata u anke matul il-lejl u mhux ‘exhibits’. Għalhekk il-proposta ma kinitx qed tirrifletti eżattament dak li kien qed jiġi propost. Kien ċar li din il-proposta ma kinitx tikkwalifika biex tiġi pproċessata taħt l-ebda Klassi tal-L.S. 552.08 tal-Kap. 552 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Il-Kunsill Lokali ġie infurmat b’din is-sitważżjoni fil-5 ta’ April 2023 fejn kien anke infurmat li se ssir laqgħa pubblika biex tiġi diskussa din it-talba ta’ Artiklu 80. Il-laqgħa pubblika saret fis-27 ta’ April 2023 fejn il-Kunsill Lokali kien preżenti. Kemm qabel u anke waqt is-seduta, il-Kunsill iddikjara li wara li matul il-laqgħa annwali li nżammet fit-13 ta’ April 2023 ġew imressqa lmenti mir-residenti, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ħa deċiżjoni li l-percussion exhibits installati fi Ġnien il-Millenju jiġu mneħħija.
Awtorità tal-Ippjanar — Skema ‘Irrestawra Darek’ – sit elettroniku ma jaħdimx
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9298 u jagħti r-raġuni teknika u jgħid għalfejn is-sit elettroniku ma kienx qed jaħdem meta fetħet l-iskema tal-Awtorità tal-Ippjanar bl-isem "Irrestawra Darek” nhar it-30 ta' Mejju 2023 f'nofsinhar, tant illi numru ta' periti ma setgħux jaċċessaw u jissottomettu l-applikazzjonijiet? Jista’ wkoll jgħid għal kemm (f'terminu ta' ħin) dam mhux aċċessibbli dan is-sit?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9380 u jipprovdi l-lista ta’ dawk li rnexxielhom jissottomettu applikazzjoni sabiex jikkwalifikaw għall-fondi mill-iskema li ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar bl-isem "Irrestawra Darek" li fetħet nhar it-30 ta' Mejju 2023 f'nofsinhar, u jipprovdi rendikont spjegat, fl-ordni skont kif ġew sottomessi, ta’ min kien il-Perit sottomettenti, f’liema lokalità tinsab il-proprjetà, il-ħin li ġiet sottomessa, u l-istatus tal-applikazzjoni fiex qiegħda, ċjoè jekk ġietx aċċettata jew qiegħda fuq il-waiting list jew rifjutata?
Dipartiment tax-Xogħlijiet – spazji miftuħa eżistenti
Question
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7516 u 8036, jista' l-Ministru jgħid meta bdew, meta se jkunu kompluti u kemm se jiswew ix-xogħlijiet fuq Ġnien Bir l-Iljun fir-Rabat, Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa u Ġnien Ġorġ Zarb f’San Ġwann? Jista' jgħid jekk hux se jkun hemm kuntratturi ingaġġati u jekk iva, x'xogħol se jkunu qed jagħmlu u fuq liema proġett?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq Ġnien Bir l-Iljun bdew fi Frar 2022 u ser ikunu kompluti fil-ġimghat li ġejjin. F’dan il-proġett, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għamel diversi xogħlijiet li ammontaw għal €26,267 eskluż il-pagi tal-ħaddiema. Il-Kunsill Lokali ħa ħsieb l-installazzjoni tal-play equipment, il-bankijiet u l-landscaping. Fuq dan il-proġett, id-Dipartiment ingaġġa kuntrattur għall-għorik tal-pavimentar.
Ix-xogħlijiet fuq Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa bdew f’Diċembru 2022 u ser ikunu kompluti għal aktar tard din is-sena. Fuq dan il-proġett, id-Dipartiment tax-Xogħljiet Pubbliċi ser ikun qed jiffinanzja x-xogħlijiet kollha ħlief l-installazzjoni tal-play equipment. S’issa n-nefqa min-naħa tad-Dipartiment tammonta għal €26,202 eskluż il-pagi tal-ħaddiema. Id-Dipartiment ser ikun qed jingaġġa kuntrattur biex tiġi installata sistema ta’ CCTV.
Ix-xogħlijiet fuq Ġnien Ġorġ Zarb f’San Ġwann bdew fi Frar 2023 u ser ikunu kompluti għal aktar tard din is-sena. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħljiet Pubbliċi waqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann ser joħrog l-ispejjez kollha tal-materjal u l-makkinarju li s’issa jammontaw għal €6,248. Min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi m’hemmx il-ħsieb li jiġu ngaġġati kuntratturi fuq dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tar-reviżjoni tal-policies tal-iSPED 2015, x'inhuma l-istadji li jmiss u x'inhu t-timeline biex dan l-eżerċizzju jkun lest?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità aktar tard din is-sena se tkun qed tippubblika aktar dettalji partikolarment meta se tkun qed titħabbar konsultazzjoni pubblika.
Wara li ġiet posposta l-iskema 'Irrestawra Darek' għal binjiet skedati grad 1 u 2, jista' l-Ministru jgħid meta din se tinfetaħ u x'se jkunu t-termini u l-kondizzjonijiet, inkluż il-limitu tal-fond?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
L-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tħabbar din l-iskema fiż-żmien li ġej u l-fond allokat huwa dak li diġà ġie mħabbar ta’ €1 miljun.
Xogħol fuq il-ħitan tat-triq bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi dipartiment jew entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu hux qed tagħmel xogħol fuq il-ħitan tal-ġnub tat-triq li mix-Xemxija twassal sa Għajn Tuffieħa? Jekk iva, min qed jagħmel dan ix-xogħol?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi mhux qed jagħmel xogħol fuq il-ħitan tal-ġnub tat-triq li mix-Xemxija twassal sa Għajn Tuffieħa.