Legislature:
Category:
Reset
Active:

Infrastructure Malta – ħlas għal bollards fi Triq il-Kbira fil-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li ħallset Infrastructure Malta għall-bollards tal-irħam li tqiegħdu fil-Mosta f’partijiet differenti ta’ Triq il-Kbira?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra

Infrastructure Malta – ħlas għal irħam fil-Pjazza tal-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ispiża li se tħallas Infrastructure Malta għall-irħam li se jitqiegħed fil-parti pedonali tal-proġett fil-pjazza tal-Mosta? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett hux qed isir bejn Infrastructure Malta u l-Kunsill Lokali tal-Mosta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tiffinanzja biss xogħolijiet infrastrutturali sa wicc it-triq.

Mosta – xogħol – nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10062, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li ġej jiswa x-xogħol li qed isir fil-Pjazza tal-Mosta u fi Triq il-Kostituzzjoni, Triq il-Kungress Ewkaristiku, Triq il-Bażilika u Triq il-Kbira?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira diġà tlestew. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu sistema ġdida tal-ilma tax-xita, sistema ġdida ta’ drenaġġ u konnessjonijiet ġodda tad-drenaġġ ta’ kull residenza fit-triq, dual potable mains u konnessjonijiet tad-djar ġodda, kejbils ġodda tat-telekomunikazzjoni, kejbils tal-elettriku ġodda tal-Enemalta, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, inklużi l-mogħdijiet tal-hard stone fin-naħa t’isfel tat-triq, it-tisħiħ tas-sotto-bażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa kif ukoll aġġornament tal-infrastruttura l-antika u bil-ħsarat, li kienu eżistenti taħt it-triq minn entitajiet oħra. Il-kont finali għal dawn ix-xogħlijiet kollha nġabar flimkien mal-entitajiet l-oħra u li l-ispiża totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ġiet ta’ madwar 1.95 Miljun ewro. Fir-rigward tar-rikostruzzjoni tal-Pjazza u parti minn Triq il-Kostituzzjoni, Infrastructure Malta, qed timplimenta l-bini mill-ġdid ta’ din it-triq. Bħal Triq il-Kbira, il-pjazza u parti minn Triq il-Kostituzzjoni għaddejjin minn titjib ġenerali tas-servizzi kollha ta’ taħt l-art u flimkien mal-entitajiet ikkonċernati, il-kuntrattur qed jimplimenta xogħlijiet li jinkludu sistema ġdida tal-ilma tax-xita biex tiġbor it-tnixxija tal-wiċċ tal-maltemp, konnessjonijiet ġodda tad-drenaġġ, mains u konnessjonijiet tad-djar ġodda għal ilma potabbli, servizzi ġodda ta’ telekomunikazzjoni taħt l-art, cables tal-elettriku ġodda biex tissaħħaħ l-infrastruttura eżistenti tal-Enemalta u sistemi ġodda tat-traffic lights għal qsim aħjar fost ħafna xogħlijiet oħra. Ta’ min jinnota wkoll li Infrastructure Malta qed isaħħaħ il-pedamenti tat-triq bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-pavimentar, maħsub għall-pjazza, li għandu jiġi implimentat flimkien ma’ Ministeri u entitajiet oħra, wara talba ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ tal pjazza b’art ta’ pavimentar, imressqa mill-Kunsill Lokali tal-Mosta. Fid-dawl li x-xogħlijiet fi ħdan il-pjazza u parti minn Triq il-Kostituzzjoni għadhom għaddejjin u jinvolvu ħafna entitajiet u Ministeri, ma tistax tingħata spiża totali finali tax-xogħlijiet f’dan l-istadju.

Dħul minn miżati mħallsa minn operaturi tal-avjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi ċ-ċifri li juru d-dħul minn miżati mħallsa minn operaturi tal-avjazzjoni għas-snin bejn l-2010 u l-2022, taħt is-Civil Aviation (Route Charges for Navigation Services) Regulations?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9481, 5153 u 10314 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom, wara r-ruling li rrakomanda l-Ispeaker??

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta — parkeġġi għal e-scooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta approvatx xi spazji li fihom jipparkjaw l-e-scooters? Jekk iva, f’liema lokalitajiet u fejn jinsabu dawn l-ispazji approvati għal dan il-għan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9692, ninformaha illi Transport Malta bħalissa qiegħda tilqa’ u tevalwa l-applikazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali għall-parkeġġi tal-e-kick scooters u ser tkun qiegħda toħroġ l-ewwel awtorizzazjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin.

Ħ’Attard – Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jispiċċaw ix-xogħlijiet fuq Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga, f’Ħ’Attard, u jgħid ukoll kemm se jiġu jiswew?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru fi Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga jinkludu s-sostituzzjoni tal-ilma tax-xorb u l-konnessjonijiet tad-djar, żidiet fin-netwerk ta’ telekomunikazzjoni taħt l-art u mogħdijiet ġodda. Issa l-aġenzija qed tipproċedi biex tikkonkludi sistema ġdida ta’ ġbir tal-ilma tax-xita u formazzjoni u wiċċ ġdid bl-asfalt. Ix-xogħlijiet huma stmati li jitlestew sal-aħħar ta’ Lulju, bidu ta’ Awwissu. Peress li x-xogħlijiet għadhom ma ġewx konklużi, l-ispiża totali għad trid tiġi kwantifikata, madanakollu qed tiġi stmata li l-ispiża biex jinbnew mill-ġdid Triq il- Linja u Wied Rmiedi se tammonta għal madwar €800,000 filwaqt li l-ispiża għal Triq id-Dorga hija stmata li se tammonta għal madwar €220,000.

Bini ta’ bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inbnew bus shelters ġodda mill-2013 sal-2022? Jista’ jgħid ukoll kemm inbnew bus shelters ġodda fl-2023? Jista’ jgħid fejn inbnew u kemm sewa kull bus shelter?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Vetturi bil-“Y” plates

Question

B’referenza għar-regolamenti li jgħidu li vetturi bil-“Y” Plates m'għandhomx jiġu pparkjati barra u għandhom jinżammu ġewwa garaxx, jista' l-Ministru jgħid min għandu l-awtorità li jimmulta dawn il-vetturi LPTV u lil min għandhom isiru rapporti meta dawn il-vetturi ma jinżammux ġewwa garaxxijiet skont l-imsemmija regolamenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar tar-Regolamenti li qed issir referenza għalihom preżentement għandu jsir mill-uffiċjali tal-Infurzar ta’ Transport Malta.

CPD, LESA u Transport Malta — radjijiet diġitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti għax-xiri ta' radjijiet diġitali għas-CPD, LESA u Transport Malta u jekk iva, min ingħata l-offerta u meta ngħatat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma ħarġitx sejħa għall-offerti għax-xiri ta’ radijiet diġitali.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — tenders dwar xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali u xogħol ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-offerti tenders pubbliċi kollha aġġudikati u mirbuħa għax-xogħol ta' tindif, xogħol klerikali, xogħol ta' sigurtà, jew kwalunkwe xogħol estern ieħor li jsir minn aġenziji li ngħataw matul is-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Construction and Extension of Marsamxett Ferry Landing Place

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar is-sejħa IMT014/2022 'Construction and Extension of Marsamxett Ferry Landing Place including the Construction of the Breakwater, Slipway, Jetty, Boat Hardstanding Area, Waiting Facilities, Gangways and Fenders' u jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni? Jista’ jgħid ukoll minn min huma fformati t-tliet Joint Ventures li tefgħu l-offerta? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett huwiex se jkun iffinanzjat minn xi programm tal-Unjoni Ewropea u jekk iva, minn liema programm u minn liema Baġit u meta hu ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Spazji ta’ parkeġġ li kienu assenjati lil kumpanija

Question

Billi l-kumpanija tal-GoTo m’għadhiex tiffunzjona ġewwa pajjiżna, iżda f’numru ta’ postijiet il-parking spaces li kienu assenjati lil din il-kumpanija għadhom miżbugha bit-tabelli b’kollox, tant li f’xi każijiet qed jinħarġu wkoll ċitazzjonijjet lil min ikun ipparkjat f’dawn l-ispazji, jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatatx direzzjoni biex din iż-żebgħa u t-tabelli jitneħħew sabiex dawn l-ispazji ta’ parkeġġ jintużaw mill-pubbliku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tinsab f'diskussjonijiet mal-operatur biex iż-żewġ naħat jaqblu dwar l-obbligi li jeħtieġ jonoraw. Dawn il-parkeġġi kienu u se jibqgħu dedikati għal vetturi elettriċi hekk kif pajjiżna kompla jirreġistra żieda f’dawn il-karozzi.

Transport Malta — spazji ta' parkeġġ ta' kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali għamlu talba formali lil Transport Malta biex l-ispazji li kienu allokati għall-parking tal-kumpanija Go To jitneħħew, wara li din il-kumpanija ma baqgħetx tagħti servizz? Kemm minn dawn it-talbiet ġew aċċettati u l-ispazji reġgħu saru pubbliċi? Kemm hemm talbiet li għadhom pendenti u kemm ma ġewx aċċettati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 10734, ninfurmah illi l-Awtorità kellha talbiet mill-kunsilli lokali hekk kif ġej: Tarxien Siġġiewi Gudja Balzan Iklin Għargħur Swieqi San Ġiljan

Tas-Sliema – Triq il-Kbira – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta eżatt se jkunu lesti x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira (High Street), Tas-Sliema, peress li ilhom għaddejjin għal ħafna xhur? Jista' jgħid ukoll min se jerfa' r-responsabbiltà tal-ħsara li kkawżaw dawn ix-xogħlijiet lill-proprjetajiet tar-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ skavar tal-ewwel fażi fi Triq il-Kbira f’Ta’ Sliema, instab ġibjun u kellu jsir survey, kif ukoll proposta ta’ struttura fuq is-saqaf tal-ġibjun sabiex jissaħħaħ u jiġi ppreservat u protett. Għaldaqstant, kien hemm dewmien mhux previst fuq ix-xogħlijiet f’din it-triq. Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi ta’ Triq il-Kbira, f’Ta’ Sliema huma mistennija li jitlestew sat-tielet gimgħa ta’ Lulju, bit-tieni fażi tibda fix-xahar ta’ Ottubru 2023. Dan sabiex jittaffa l-inkonvenjent matul ix-xhur tas-sajf kif ukoll kif mitlub minn bosta awtoritajiet u partijiet oħra interessati.

Aċċess ta’ toroq għat-traffiku qabel ma jsir aċċess pedonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex aċċettabbli li t-toroq jinfetħu għat-traffiku qabel ma jsir aċċess pedonali adegwat, jekk tali prassi hijiex in linja mal-obbligi favur is-saħħa u s-sigurtà u jekk taqbilx mal-policy nazzjonali li tħeġġeġ tnaqqis fl-użu tal-karozza privata u li tinċentiva n-nies jużaw mezzi ta' trasport oħrajn?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-awtoritajiet konċernati jagħmlu xogħol infrastrutturali kemm jista' jkun bl-inqas inkonvenjent possibbli għal kull min juża tali toroq, jiġifieri kemm dawk li jgħaddu bil-karozza u kemm dawk li jimxu. Hu f’dan il-kuntest li l-aċċess pedonali f’xi drabi ma jkunx miftuħ jew ikun ristrett jew limitat u dan biex tiġi mħarsa is-sigurtà ta’ kulħadd. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet jintroduċu miżuri temporanji inkluż permezz ta’ rotot oħra li jservu bħala alternattiva. Kull aċċess pedonali li jkun hemm qabel il-bidu tax-xogħlijiet, sakemm ma’ jkunx qiegħed jinbidel permanentament minħabba xi disinn ġdid tal-proġett innifsu, jerġa' jiġi mogħti lura malli s-sigurtà tiġi aċċertata.

Ħal Luqa – Vjal l-Avjazzjoni – traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu t-traffic lights fi Vjal l-Avjazzjoni, Ħal Luqa, sabiex in-nies jerġa' jkollhom aċċess pedonali sigur għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (ritratti tal-arbli vojta jinsabu annessi ma’ din il-mistoqsija)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x xogħol ta’ installazjoni beda u jkun lest sal-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.