Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal – konsulenti maħtura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu, mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista' jgħid min huma dawk il-konsulenti, x'tip ta' servizzi jagħtu, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s'issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li diġa’ tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 19217.

Proġett “Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups.”

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tar-riċerka għall-proġett bl-isem “Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups dwar persuni b’diżabilita u l-impjieg li ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett għadux għaddej jew jekk intemmx?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kopja tar-riċerka dwar is-sitwazzjoni kurrenti ta’ persuni b’diżabilita’ u x-xogħol f’Malta, li ġie kkummissjonat minn dan il-Ministeru, qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (referenza għar-rapport li jġib l-isem ‘Research into the Current Situation of People with Disabilities and Employment in Malta’). Tajjeb li wieħed jirrimarka li ir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ ġie ikkofinanzjat minn fondi Ewropej, mill-proġett msemmi mill-Onor. Interpellant. Il-proġett ‘Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups’, immexxi mill-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, huwa proġett vast, li jikkonsisti f’diversi komponenti. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-komponenti ġew implimentati u fi tmiemhom.

Applikazzjonijiet għall-adozzjoni tat-tfal minn pajjiżi terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-addozzjoni tat-tfal minn pajjiżi terzi fl 2020?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2020, kien hemm 12 -il applikazzjoni għall-adozzjoni tat-tfal minn pajjiżi terzi.

Riċerka fost persuni b’diżabilità u l-ġenituri tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx saret riċerka fost persuni b'diżabilità u l-ġenituri tagħhom, u jekk iva, tista' titpoġġa kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant, jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19253.

Review Board – kriterji tal-professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kriterji ntużaw meta ġew identifikati l-professjonisti li għandhom iservu fuq ir-Review Board preżenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-kriterji li bihom ġew identifikat l-professjonisti li għandhom iservu fuq ir-Review Bord (il-Bord ta’ Reviżjoni għall-Ħarsien tal-Minuri), joħorġu mill liġi tal-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv) Kap 602. Il-kompożizzjoni tal-Bord qiegħda kwotata f’Artikolu 31 (1) (a) (b) (c) (d) (e) (f) (g), flimkien ma’ punt (2) (3) (4) (5) dwar il-karigi ta’ ħatra ta’ kull membru u t-terminu tal-bord, kif qed ikun preċiżament kwotat mill-liġi, hawn taħt: 31.(1) Għandu jitwaqqaf bord li jkun magħruf bħala l-Bord ta’ Reviżjoni għall-Ħarsien tal-Minuri, li jkun magħmul minn seba’ persuni maħturin mill-Ministru u li għandu jkun magħmul kif ġej; a) Chairperson li jkollu warrant ta’ avukat u jkollu mill-inqas ħames (5) snin esperjenza professjonali fil-liġi tal-familja jew tal-minuri, jew professjonist ieħor bil-warrant li jkun espert fil-qasam soċjali u li jkun ħadem f’dan il-qasam għal minn tal-anqas ħames (5) snin, liema ħatra għandha tiġi komunikata lill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali jew lil xi kumitat ieħor li jissostitwixxih sabiex tiġi diskussa mill-istess Kumitat; (b) membru wieħed (1) li jkun psikjatra li jkollu warrant bħala tali, bi preferenza tingħata lill-persuni li jkollhom mill-inqas ħames (5) snin esperjenza; (ċ)membru wieħed (1) li jkun ħaddiem soċjali reġistrat u li jkollu mill-inqas ħames (5) snin esperjenza professjonali fix-xogħol soċjali; (d) membru wieħed (1) li jkun kwalifikat fit-terapija tal-familja, bi preferenza tingħata lill-persuni li jkollhom mill-inqas ħames snin esperjenza; u (e) membru wieħed (1) li jkun psikologu li jkollu warrant bħala tali; (f) persuna b’esperjenza professjonali f’xi qasam relatat mal-ħarsien tat-tfal li tkun nominata mill-Kummissarju għat-Tfal; (g) persuna li tkun reġistrata fir-reġistru għall-ispeċjalisti fil-qasam tal-pedjatrija skont l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa. (2) Il-membri tal-Bord ta’ Reviżjoni għandhom iżommu l-kariga għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data tal-ħatra u membru jista’ jinħatar mill-ġdid. (3) Membru tal-Bord ta’ Reviżjoni jista’ jitneħħa mill-kariga mill-Ministru jekk dak il-membru ma jkunx tajjeb biex ikompli fil-kariga jew ma jkunx kapaċi biex jaqdi, jew ma jkunx qed jaqdi b’mod xieraq, id-dmirijiet tiegħu bħala membru. (4) Il-ħatra ta’ xi persuna bħala membru tal-Bord ta’ Reviżjoni u t-terminazzjoni tal-ħatra jew ir-riżenja ta’ dik il-persuna, kif ukoll kull funzjoni addizzjonali oħra mogħtija lill-Bord ta’ Reviżjoni mill-Ministru, għandha tkun notifikata fil-Gazzetta, u għandha tiġi fis-seħħ minnufih. Iżda n-nuqqas li jiġu ppubblikati l-ħatra jew it-terminazzjoni,skont il-każ, m’għandhomx jippreġudikaw il-validità ta’ dik il-ħatra jew it-terminazzjoni. (5) F’kull każ, l-għadd ta’ membri preżenti meħtieġ biex ikun hemm quorum ikun ta’ ħamsa u d-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza

Minuri li tpoġġew ġo djar residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm minuri li tpoġġew ġo djar residenzjali matul is-snin 2013 – 2021 u kemm kellhom età? Kemm kien hemm minuri f’kull dar residenzjali tat-tfal (kemm tal-knisja u tal-istat) matul is-snin 2013 – 2020?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnu huwa hekk kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Childrens House

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19639, jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-timeline biex iċ-Children's House tibda tintuża skond il-liġi Kap 569 u Kap 602?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, Kap 569 li rreferiet għaih fil-mistoqsija tagħha ġie sostitwit permess tal-Kap 602. Dan jikkonferma li l-użu taċ-Children’s House huwa regolat biss minn Kap 602. Sabiex tibda topera ċ-Children’s House se jkun meħtieġ li jinbidlu ċertu liġiijiet u regolamenti dwar kif isiru proċeduri li jinvolvu is-smiegħ tat-tfal quddiem il-Qrati tagħna. Waqt li l-Gvern huwa impenjat bi sħiħ li nonoraw l-obbligi internazzjonali tagħna f’dan ir-rigward, u huwa għalhekk li inkludejna dan il-provvediment f’ Kap 602, madanakollu dan kellu jorbot ukoll ma’ tħejjijiet u konsultazzjonijiet dwar kif dan għandu l-aħjar li jsir. F’dan il-kuntest, huwa pjaċir tiegħi li ninforma lill-Onor. Kollega, li l-pjan tagħna huwa li l-emendi u r-regolamenti li hemm bżonn isiru f’ Kap 602 u liġijiet oħra li jorbtu ma’ dan, ser ikunu qed isiru wara l-Għid li ġej. Kif jgħaddu dawn l-emendi u r-regolamenti, nkunu nistgħu sussegwentament, nibdew nużaw iċ-Children’s House.

Tfal u żgħażagħ li bdew il-kuntatt mal-ġenituri tagħhom wara numru ta’ snin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal u żgħażagħ li kien ilhom numru ta’ snin ma jkollhom kuntatt mal-ġenituri tagħhom u li reġgħu bdew dan il-kuntatt matul is-snin 2013 – 2021?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-prinċipju tad-dritt li t-tfal jkollhom aċċess mal-ġenituri tagħhom joħroġ kemm mill-kodiċi ċivili ta’ pajjiżna u minn sentenzi anki riċenti tal-Qrati tagħna. Is-servizz tal-Looked After Children meta kien jagħmel parti mill-Aġenzija Appoġġ u issa li jagħmel parti mid-Direttorart għall-Ħarsien (Kura) Alternattiv, minn dejjem ħadem biex jiffaċilita dan l-aċċess. Dan b’ mod partikolari fil-każijiet fejn dan l-aċċess kien waqaf għal xi żmien.

Servizz tal-Protezzjoni tat-Tfal – rapporti ta’ abbuż fuq minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta’ abbuż fuq minuri, lis-Servizz tal-Protezzjoni tat-Tfal matul is-snin 2013-2020? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew investigati matul dawn l-istess snin? Kemm minn dawn l-investigazzjonijiet ġew imressqa l-Qorti matul dawn is-snin? Kemm minn dawn l-investigazzjonijiet, li dehru quddiem il-Qorti, irriżultaw fl-infurzar ta’ Ordni ta’ Ħarsien matul dawn is-snin? Kemm kien hemm minuri li tpoġġew taħt Ordni ta’ Ħarsien matul dawn is-snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nibda biex ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-servizz illi illum hu magħruf bħala t-tali Direttorat, stabilixxa ruħu bħala direttorat indipendenti fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali fl-1 ta’ Jannar 2020. Qabel din id-data is-Servizz għall-Protezzjoni tat-Tfal kien jifforma parti integrali mis-servizzi li joffru għajnuna lil minuri taħt il-kappa tal-Aġenzija Appoġġ. Id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal jagħmel riferenza ukoll għall-fatt illi l-Att 602, ossia l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2020, u b’hekk skattaw it-termini tal-liġi li jirrikjedu li l-każijiet tal-minuri jidhru quddiem Qorti tal-Maġistrati. Bejn is-sena 2013 u s-sena 2020 is-Servizz għall-Protezzjoni tat-Tfal kif kien magħruf fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ u, mill- l-1 ta’ Jannar 2020 ’l hawn, id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri, irċievew total ta 6,838 rapport. Ir-rapporti kollha elenkati f’dan il-perjodu ġew investigati u ma hemm l-ebda każ illi ma ġiex meqjus mis-Servizz / Direttorat in kwistjoni. Sena, sena l-għadd ta’ rapporti li daħlu u ġew investigati kienu kif ġej: i. 2013 – 784 każ ii. 2014 – 821 każ iii. 2015 – 874 każ iv. 2016 – 790 każ v. 2017 – 628 każ vi. 2018 – 549 każ vii. 2019 – 1,174 każ viii. 2020 – 1,218 -il każ Id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri ressaq quddiem l-Onorabbli Qorti tal-Minorenni ai termini tal-artikolu 19 tal-Kap 602, 13 il-każ u dawn kollha tressqu quddiem il-Qorti bejn Lulju 2020 sa Diċembru 2020. Preċedentament, ir-rimedju tas-Servizzi tal-Protezzjoni tal-Minuri ma kinux ġudizzjarji, iżda kien hemm mekkaniżmu differenti fejn il-professjonisti kienu jressqu applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħarsien quddiem il-Ministru hekk skont id-disposiżżjonijiet tal-Att 569, illi illum m’għadux in vigore. Biss, skont l-istess Att 569, il-ġenituri in causa kellhom il-fakultà illi jappellaw, quddiem l-Qorti tal-Minorenni, id-deċiżjoni tal-Ministru, u minn dawn l-appelli kien hemm total ta’ 120 dehra quddiem il-Qorti. Dawn id-dehriet jinqasmu bil-mod sussegwenti: i. 2013 – 29 appell quddiem l-Qorti tal-Minorenni ii. 2014 – 21 appell quddiem l-Qorti tal-Minorenni iii. 2015 – 11 appell quddiem l-Qorti tal-Minorenni iv. 2016 – 4 appell quddiem l-Qorti tal-Minorenni v. 2017 – 6 appell quddiem l-Qorti tal-Minorenni vi. 2018 – 20 appell quddiem l-Qorti tal-Minorenni vii. 2019 – 39 appell quddiem l-Qorti tal-Minorenni viii. 2020 – 15 appell quddiem l-Qorti tal-Minorenni (dan in-numru jwassal sal-aħħar ta’ Ġunju 2020). Sabiex tingħata risposta ġusta u korretta għall-mistoqsija, “kemm minn dawn l-investigazzjonijiet li dehru quddiem il-Qorti irriżultaw f’infurzar ta’ Ordni ta’ Ħarsien”, wieħed irid jiddistingwi l-istatitika li kienet ai termini tal-Att 569 li kellu ġurisdizzjoni ċivili, u l-istatistika ai termini tal-Att 602 li s’issa għandha ġurisdizzjoni Kriminali. Dawk il-każijiet kollha, illi dehru għall-appell quddiem il-Qorti tal-Minorenni bejn is-sena 2013 u Ġunju tas-sena 2020, ossia 120 każ, kollha ġew ikkonfermati għall-Ordni ta’ Ħarsien. Tajjeb li wieħed jirrimarka illi din il-Qorti ma assenjatx l-Ordni ta’ Ħarsien, iżda il-Qorti kellha l-inkargu li tirrevedi l-mertu tal-każ u b’hekk tikkonferma l-ordni. Sussegwentement, wara li daħal fis-seħħ l-Att 602, id-Direttorat ippreżenta total ta’ 13 -il każ, u minn dawn ġew ordnati li jinħarġu 2 Ordnijiet ta’ Ħarsien. Sal-lum, il-maġġor parti ta’ dawn il-każijiet huma sub judice. It-total akkumulattiv tal-Ordnijiet kollha ta’ Ħarsien li nħarġu bejn Jannar 2013 sa Diċembru 2020, kien ta’ 209, li huma mqassma kif indikat tajjeb hawn taħt; i. 2013 – 33 ii. 2014 – 27 iii. 2015 – 21 iv. 2016 – 9 v. 2017 – 15 vi. 2018 – 50 vii. 2019 – 39 viii. 2020 – 15

Foster carers u tfal fostered

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm foster carers u tfal fostered matul is-snin 2013-2020 (kemm fostered ma’ membri tal-familja u anke ma’ familji oħrajn)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li diġa’ tajt, għall-mistoqsijiet parlamentari 18887, 18888 u 18889, fejn kont diġà preżentajt l-istatistika kollha għas-snin 2000 – 2020, dwar is-suġġett tal-fostering.

Minuri li tpoġġew ma’ foster families

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm minuri li tpoġġew ma’ foster families matul is-snin 2013 – 2021?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnhu huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Sena Tfal li ġew placed fil- foster care 2013 26 2014 28 2015 16 2016 7 2017 26 2018 50 2019 39 2020 31 2021 Il-figuri jiġu rrappurtati wara 30 ta’ Ġunju u 31 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Mill Fostering jirriżulta li kien hemm żieda fl-aħħar snin.

Minuri li kienu qed jistennew biex jiġu fostered

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm minuri li kienu qed jistennew biex jiġu fostered matul is-snin 2013 -2021?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnhu huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Sena Numru ta’ tfal jistennew fostering placement sal-aħħar ta’ kull sena 2013 2 2014 3 2015 20 2016 41 2017 46 2018 37 2019 41 2020 35 2021 Tagħrif jiġi ppublikat wara t-30 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

Review Board – servizz lill-minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizz qed jiġi mogħti lill-minuri meta dawn jiġu mitluba biex jidhru quddiem il-Review Board?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Bord ta’ Reviżjoni (Review Board) huwa mwaqqaf skont id-diżposizzjonijiet ta’ Artiklu 31 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-funzjonijiet ta’ dan il-Bord ta’ Reviżjoni huma dettaljati f’ Artikoli 32 – 35 tal-istess Att. Mil-lat operattiv, imbagħad, il-minuri jkunu assititi b’mod komprehensiv, u professjonali, mill-professjonisti varji li jaħdmu kemm mad-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri u kemm mad-Direttorat għall-Ħarsien Alternattiv. Fost l-oħrajn: · Jitħejja l-Pjan ta’ Kura ( Care Plan ) wara li tkun ħarġet l-Ordni ta’ Ħarsien u jsiru l-aġġornamenti meħtieġa għall-Bord ta’ Reviżjoni kif dettat mill-liġi; · Bi tħejjija għall-Bord ta’ Reviżjoni, isiru laqgħat msejħin Case Reviews , fejn il-pjan ta’ kura tal-minuri kkonċernat/a jiġi diskuss mal-partijiet involuti. Il-minuri huwa parti integrali minn dawn il-laqgħat sabiex il-pjan ta’ kura li jkun ser jiġi preżentat waqt il-laqgħa tal-Bord ta’ Reviżjoni jkun wieħed ibbażat fuq ix-xewqat tal-istess minuri; · Hekk kif tgħid il-Liġi ta’ Malta rigward Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva), Kapitlu 602, il-Bord ta’ Reviżjoni jitlob lill-minuri sabiex jattendi għall-laqgħa, wara li jkun iltaqa’ mal-professjonisti involuti, u n-nies li jieħdu ħsieb lill-minuri kemm jekk jirrisjedu ma’ Foster Carers , u kif ukoll jekk jirrisjedu ġewwa dar residenzjali. F’ dawn il-laqgħat, ikun preżenti l-minuri flimkien mal-ħaddiema soċjali tiegħu mis-servizz tal- Looked After Children . · Meta tkun ser tasal din il-laqgħa mal-Bord ta’ Reviżjoni, il-ħaddiem soċjali ewlieni/ewlenija mis-servizz tal- Looked After Children jiltaqa’ mal-minuri sabiex jagħtuhom is-sapport kollu qabel waqt u wara l-laqgħa mal-Bord. Il-preżenza tal-minuri hija importanti, ‘l għaliex il-vuċi tal-minuri għandha tinstema’ u tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Barra minn hekk, il-ħaddiema soċjali jinvolvu wkoll lill-persuni li jieħdu ħsieb lit-tfal bħal foster carers u care workers , sabiex ikomplu jippreparaw lit-tfal b’mod adekwat sakemm tasal il-ġurnata tal-Bord. Dan isir minħabba l-fatt illi l-ħaddiema soċjali ikunu bnew relazzjoni kemm mal-minuri li huma jsegwu u kemm ma’ dawk li jieħdu ħsiebhom u b’hekk dan kollu jgħin biex il-minuri jħossuhom aktar komdi meta jidhru quddiem il-Bord. Aktar importanti minn hekk, huwa l-fatt li kull deċiżjoni li tittieħed u / jew tkun proposta min-naħa tal-professjonisti tagħna ssir dejjem abbażi tal-prinċipju li dejjem għandu jiġi mħares l-awqa interess tal-minuri.

Childrens House

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ċ-Children's House kienet inawgurata mill-predeċessur tiegħu l-Onor. Michael Farrugia ftit qabel l-Elezzjoni Ġenerali f'Mejju 2017? X'kienet ir-raġuni għalfejn ma ntużatx tul dawn l-aħħar kważi erba’ snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, ċ-Children’s House kienet infetħet wara li kienet għaddiet il-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal (Kap 569) fil-bidu tal-2017 u dan biex it-tħaddim ta’ din il-liġi jkun jinkludi l-użu ta’ dan il-post li huwa child friendly. Kif taf l-Onor. Interpellanta, il-liġi Kap 569 inbidlet wara ħafna konsultazzjoni mal-partijiet kollha kkonċernati u saret l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602. Din kienet approvata mill-Parlament f’ Lulju, 2019. Il-pjan kien li l-liġi tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 imma, minħabba ċ-ċirkostanzi li lkoll nafu bihom, il-liġi daħlet fis-seħħ fl- 1 ta’ Lulju, 2020. Dejjem kien preċiżat li se jkun hemm partijiet tal-liġi li ma jidħlux fis-seħħ mill-ewwel. Fosthom dik li s-smiegħ tal-minuri jsir fiċ-Children’s House. Ninsabu fl-aħħar fażi ta’ konsultazzjonijiet biex jiġu ppublikati r-regolamenti ta’ kif għandha tintuża din il-faċilità li hija maħsuba skont standards internazzjonali biex tagħti aktar vuċi lit-tfal.

Childrens House

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni ta' Children's House?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-funzjoni taċ-Children’s House toħroġ minn Artiklu 15 (1) u 15 (2) tal-Att Dwar Il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dan l-artikolu jgħid hekk: “15. (1) Il-Qorti għandha tisma’ l-każijiet kollha miġjuba quddiemha bis-saħħa ta’ dan l-Att f’dawk il-postijiet preskritti mill-Ministru permezz ta’ regolamenti sabiex iservu bħala Children’s House. (2) Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-Ministru jista’ wkoll b’regolamenti jippreskrivi l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-każijiet kollha li jinstemgħu ġewwa Children’s House .” Dan il-provvediment daħal fil-liġi għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, Malta hija firmatarja tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal Minn Sfruttament Sesswali u Abbuż Sesswali magħrufha aħjar bħala l-Lanzarote Convention. Inter alia, din il-Konvenzjoni tispeċifika, f’ Artiklu 35.1, li, nikwota; b. “interviews with the child take place, where necessary, in premises designed or adapted for this purpose; c. interviews with the child are carried out by professionals trained for this purpose; d. the same persons, if possible and where appropriate, conduct all interviews with the child.” It-tieni raġuni hija li fejn jidħol il-ħarsien tal-minuri irridu li l-prinċipju tal-aqwa interess tal-minuri jkun mħares anki f’termini tal-mod, ta’ kif u dwar l-post fejn il-minuri jiġu biex jgħidu l-istorja tagħhom. Għaldaqstant, iċ-Children’s House hi ntenzjonata illi tkun estensjoni tal-bini tal-Qorti illi tieħu, f’ambjent san għall-minuri. Aktar minn kollox, għalhekk, apparti mill-binja, iċ-Children’s House hi fl-ewwel istanza, proċedura ġudizzjarja illi tkun binja addattata għat-tfal. Din il-proċedura, waqt li ma tnaqqas xejn mid-dritt għas-smiegħ xieraq ta’ kull allegat aggressur f’ każijiet li jinvolvu t-tfal, timmanifesta lilha nfisha b’mod li hu child friendly. Iċ-Children’s House tista’ tintuża ukoll minn korpi investigattivi illi jistgħu jagħżlu illi jiġbru l-materjal kollu li għandhom bżonn minn post wieħed illi hu komdu u sikur għal minuri. Filwaqt li l-iskop prinċipali hu li din tintuża bħala awla tal-Qorti, b’ambjent sikur u denju fejn tlaqqa’ l-minuri, il-binja ser tintuża ukoll biex waqt rapport, kull istituzzjoni illi għandha bżonn tinvestiga, tiġi fiċ-Children’s House u tagħmel ix-xogħol li għandha tagħmel f’darba, u b’hekk il-minuri ikun ukoll franka l-iskariġġ ta’ ħafna visti repetuti ġo postijiet differenti. Fl-aħħar nett, dan kollu jgħin ukoll ‘l għaliex il-minuri ma jkollux għalfejn jirrepeti l-istorja trawmatika tiegħu.

Servizz tal-fostering – turnover ta’ ħaddiema soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm turnover ta’ ħaddiema soċjali fis-servizz tal-fostering mis-sena 2000 sal-lum?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnu huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Turnover ta' Ħaddiema Soċjali 2010-2020 FOSTERING Riżenji Ingaġġati 2010 0 1 2011 0 0 2012 0 2 2013 0 2 2014 0 0 2015 2 0 2016 0 0 2017 1 9 2018 1 3 2019 1 1 2020 0 3 TOTAL 5 21 N.B. Minħabba raġunijiet ta’ Data Protection (GDPR), tagħrif għas-snin preċedenti, qabel l-2010, mhuwiex aktar disponibbli.

Servizz Looked After Children – turnover ta’ ħaddiema soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm turnover ta’ ħaddiema soċjali fis-servizz tal-Looked After Children mis-sena 2000 sal-lum?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnu huwa skont kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Turnover ta' Ħaddiema Soċjali LOOKED AFTER CHILDREN Riżenji Ingaġġati 2010 0 0 2011 0 3 2012 1 4 2013 1 1 2014 0 0 2015 0 0 2016 0 0 2017 0 19 2018 0 5 2019 0 5 2020 0 5 TOTAL 2 42 N.B. Minħabba raġunijiet ta’ Data Protection (GDPR), tagħrif għas-snin preċedenti, qabel l-2010, mhuwiex aktar disponibbli.

Servizz tal-Protezzjoni tat-Tfal – ħaddiema soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm turnover ta’ ħaddiema soċjali fis-servizz tal-Protezzjoni tat-Tfal mis-sena 2000 sal-lum?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnhu huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Turnover ta' Ħaddiema Soċjali PROTEZZJONI TAT-TFAL Riżenji Ingaġġati 2010 2 7 2011 7 2012 6 2013 1 4 2014 1 8 2015 6 2016 5 2017 5 2018 2 12 2019 7 2020 1 4 TOTAL 7 71 N.B. Minħabba raġunijiet ta’ Data Protection (GDPR), tagħrif għas-snin preċedenti, qabel l-2010, mhuwiex aktar disponibbli.