Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta – Kunsill Lokali u Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex l-uffiċini tal-Kunsill Lokali tal-Mosta jiġu rilokati biex jitkabbar iċ-Ċentru tas-Saħħa? Jekk iva, jista’ jgħid jekk sarux diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Mosta u jekk hemmx pjanijiet għal postijiet alternattivi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 33742.

Procedure for the Provision of Air Ambulance Service for Gozo General Hospital (GGH) NP014-6148/25 [CPSU10225/2025]

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order permezz ta’ Negotiated Procedure: ‘Negotiated Procedure for the Provision of Air Ambulance Service for Gozo General Hospital (GGH) NP014-6148/25 [CPSU10225/2025]’? Kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa pubblika biex jiġi pprovdut dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-Negotiated Procedure imsemmija tikkonsisti fil-ġarr ta’ pazjenti permezz ta’ ħelikopter f’każ ta’ emerġenza mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lejn l-Isptar Mater Dei u viċi versa.

Clinical Trials – Għajnuna mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jgħinx lill-persuni kollha li jkollhom bżonn ta’ clinical trials barra minn Malta? Jekk le, dawn jintgħażlu b’mod arbitrarju?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-assitenza hija provduta lil każijiet fuq bażi ta’ rakkomandazzjoni min-naħa tal-konsulent.

Sptar Mount Carmel - Proġetti ta’ manutenzjoni u modernizzar - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fondi ġew allokati u kemm effettivament intefqu fl-aħħar tliet snin fuq il-proġetti ta’ manutenzjoni u modernizzar tal-Isptar Mount Carmel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul is-snin imsemmija mill-interpellant, kif anke weġibt f’numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari, jkunu għaddejjin diversi xogħlijiet ta’ rinovazzjoni u manutenzioni fl-Isptar Mount Carmel. Kif jista’ jifhem l-Onor Interpellant, sakemm din il-faċilità tilqa’ fiha pazjenti biex jingħataw servizzi ta’ kura, hemm obbligu ċar li jiġi ipprovdut ambjent sigur, dinjituż u modern li jsaħħaħ il benesseri tal-pazjenti u li jiffaċilita r-rijabilitazzjoni u l-irkupru tagħhom. Għaldaqstant, l-Onor Interpellant jista’ japprezza li l investiment fl-infrastruttura ta’ dan l Isptar tibqa’ essenzjali. Infurmat li dan l-investiment kontinwu sabiex issir il-manutenzjoni u l-immodernizzar neċessarju fl-Isptar Monte Karmeli tilħaq is-€7,465,000.

Sptar Mount Carmel - Pjan ta’ ħames snin għall-modernizazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tal-pjan ta’ ħames snin għall-modernizazzjoni tal-Isptar Mount Carmel, liema swali ġew rinnovati diġà, u meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet li fadal?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-PQ 32428.

Kura tas-Saħħa Primarja - Programmi ta’ prevenzjoni u screening

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kura tas-Saħħa Primarja qed tintuża bħala punt ta’ kuntatt primarju għall-programmi ta’ prevenzjoni u screening sabiex titnaqqas id-domanda fuq l-Isptar Mater Dei għall-kura aktar kumplessa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Iskrining fi ħdan id-Dipartiment tal-Kura Primarja jikkoordina erba’ programmi nazzjonali ta’ skrining maħsuba biex jiskopru mard fl-istadju bikri u jiffaċilitaw referiment fil-ħin għall-kura qabel ma jkun hemm komplikazzjonijiet. Dawn il-programmi jkopru kanċer tas-sider, kanċer tal-musrana l-kbira, kanċer ċervikali u aneurysm tal-aorta addominali. L-identifikazzjoni bikrija tnaqqas kemm il-kumplessità tal-interventi meħtieġa kif ukoll il-pressjoni fuq is-servizzi terzjarji. Tnaqqas ukoll il-preżentazzjonijiet fid-dipartiment tal-emerġenza u l-admissjonijiet fl-isptar billi tgħin fit-trattament tal-pazjenti qabel ma jevolvu sintomi u mard avvanzat. Barra milli jiskopru l-mard fil-bidu tiegħu, il-programmi ta’ skrining kolorettali u ċervikali jinkludu komponent prevenzjonali. L-iskrining kolorettali jidentifika adenomi li jitneħħew waqt interventi endoskopiċi, u b’hekk jipprevjenu l-progressjoni tagħhom għal kanċer. L-iskrining ċervikali jiskopri lesjonijiet prekanċerużi u bidliet displastiċi li jiġu trattati fil-kolposkopija, u b’hekk inaqqas l-inċidenza tal-kanċer ċervikali. Permezz ta’ dawn il-mekkaniżmi, il-programmi jikkontribwixxu biex jitnaqqas il-piż totali tal-kanċer li normalment jidher fil-livell tal-isptar. Fl-2025, fl-erba’ programmi ta’ skrining, total ta’ 53,000 individwu ġew skrinjati. Minn dawn, 2,000 persuna ġew mgħajta għal valutazzjoni ulterjuri. Ġie dijanjostikat 135 każ ta’ kanċer, filwaqt li 1,335 individwi oħra kellhom bżonn investigazzjonijiet u trattament addizzjonali wara l-identifikazzjoni bikrija.

Kura tas-Saħħa Primarja - Modernizzazzjoni tal-infrastruttura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-pjanijiet għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-Kura tas-Saħħa Primarja, inkluż tagħmir u refurbishments, sabiex il-faċilitajiet fil-komunità jkunu tal-istess livell ta’ kwalità bħal dawk fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Kura tas-Saħħa Primarja (KSP) qiegħda tippjana u twettaq diversi proġetti ta’ rinnovar u żvilupp fil-faċilitajiet tagħha. Fost dawn hemm li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla ser ikun qed jgħaddi minn rinnovar sħiħ, li ser jitwettaq f’fażijiet sabiex is-servizzi jibqgħu jingħataw. Fir-rigward taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, is-servizzi tiegħu qed jiġu rilokati fl-Isptar Boffa, filwaqt li l-ippjanar tar-rinnovar tal-bini tal-Furjana diġà beda. L-Isptar Boffa, fi żmien opportun, ser jospita wkoll iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Iskrining. Barra minn hekk, il-KSP qiegħda tippjana l-ftuħ ta’ kliniċi komunitarji ġodda f’numru ta’ lokalitajiet.

Kura tas-Saħħa Primarja - Riallokazzjoni ta’ riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tintuża d-data u d-dashboards real time tal-Kura tas-Saħħa Primarja biex tittieħed deċiżjoni dwar riallokazzjoni ta’ riżorsi fejn ikun hemm domanda ogħla?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Dashboard Real Time tal-Kura tas-Saħħa Primarja tuża data mis-Sistema Elettronika tar-Rekord tal-Pazjent kull 5 minuti biex juri l-ħinijiet ta’ stennija tal-pazjenti f’kull Ċentru tas-Saħħa. Il-ħin ta’ stennija jiġi kkalkulat mill-mument li l-pazjent jasal fiċ-Ċentru tas-Saħħa u jirreġistra għall-appuntament fir-reception, sa meta l-pazjent jintalab jidħol għall-konsulta. Dan il-ħin jitqies medju mal-ħin ta’ stennija ta’ pazjenti oħra sabiex wieħed ikun jista’ jara l-ħin medju li pazjent ikollu jistenna biex jara tabib tal-familja. B’din l-informazzjoni tkun tista tittieħed deċiżjoni dwar ir- riallokazzjoni ta’ riżorsi billi wieħed jikkonsidra kemm id-distanza li pazjent għandu jivvjaġġa biex jasal ċ-Ċentru tas-Saħħa, kif ukoll il-ħin medju ta’ stennija.

San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Anzjani u ħaddiema trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-anzjani u l-ħaddiema li kienu u qed jiġu trasferiti minn Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul ser jerġgħu lura fl-istess ward meta din titlesta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li ladarba din is-sala titlesta, il‑ħaddiema u r‑residenti li ġew trasferiti ser jirritornaw lura fl‑istess ward. Fir‑rigward tal‑pazjenti, kull deċiżjoni tittieħed skont il‑pjan ta’ kura individwali tagħhom, kif stabbilit mill‑konsulent responsabbli.

San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-impjegati li jaħdmu f’Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul ġew infurmati li l-ward ser tkun qed tingħalaq għax-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx infurmati fejn ser ikunu qed jiġu trasferiti fil-frattemp?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-impjegati ġew infurmati bil-għeluq temporanju tal-ward qabel ma beda t-trasferiment tar-residenti. Huma ġew ukoll avżati li matul dan il-perjodu kienu ser jiġu assenjati biex jaħdmu fi swali tad-dimenzja, peress li l-ispeċjalizzazzjoni u l-esperjenza tagħhom tinsab f’dan il-qasam.

San Vincenz de Paul – Pope John Paul II, Ward 1 – Anzjani trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-anzjani u l-familjari tagħhom ġew infurmati li ser jiġu trasferiti minn Pope John Paul II, Ward 1, f’San Vincenz de Paul?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-anzjani u l-familjari tagħhom ġew infurmati dwar it-trasferiment qabel ma dan beda jitwettaq, bl-istess mod kif kienu infurmati minn qabel il-ħaddiema.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħroġ mill-Public Procurement Regulations.

Allokazzjoni ta’ riżorsi bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi determinata l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja sabiex ikun hemm bilanċ ġust u effiċjenti bejn iż-żewġ livelli ta’ kura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi kull sena isir eżerċizzju tal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani f’kull qasam tas-saħħa u l-anzjanità attiva, liema eżerċizzju hu bbażat fuq il-compliment meħtieġ biex jingħataw is-servizzi diġa eżistenti kif ukoll il-ħtiġijiet għall-servizzi ġodda ppjanti.  Jittieħed ukoll inkonsiderazzjoni kemm persuni jkunu mistennija li jirtiraw.  Dan l-eżerċizzju jservi ta’ bażi biex meta jkun hemm intake ta’ professjonisti, l-allokazzjoni tar-riżorsi umani tkun skond dawn il-ħtiġijiet.

Kura tas-Saħħa Primarja - Żieda fit-tobba, infermiera u professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx strateġija biex in-numru ta’ tobba, infermiera u professjonisti oħra fil-Kura tas-Saħħa Primarja jiżdied sabiex jiġi evitat burnout u overloading, u sabiex il-kura primarja tkun aktar effiċjenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm strateġija biex in-numru ta’ GP trainees jiżdied biex eventwalment fil-Kura tas-Saħħa Primarja ikun hemm iktar tobba jaħdmu fi ħdanha. Qed naħdmu wkoll flimkien mal-People Management u mad-Direttorat tan-Nursing biex jintbagħtu aktar infermiera jaħdmu fid-dipartiment tal-Kura Primarja. Fejn jidħol in-numru tal-Allied Health Professionals huwa ppjanat li jiżdied skond il-bżonn u l-eżiġenzi tas-servizzi biex il-ħaddiema jkunu jistgħu joffru l-aħjar servizz għal dawk li jkollhom bżonn il-kura, filwaqt li tkun qed tigi ssalvagwardjata s-saħħa mentali tal-istess professjonisti, kif ukoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.

Electronic Patient Records

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar kif u meta se tkun implimentata bis-sħiħ is-sistema ta’ Electronic Patient Records sabiex ikun hemm kontinwità fil-kura bejn l-Isptar Mater Dei u l-Kura tas-Saħħa Primarja, u b’hekk jiġu evitati testijiet jew referenzi ripetuti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hekk kif deskritt fis-strateġija dwar is-saħħa diġitali u d-dejta tas-saħħa, il-Ministeru tas-Saħħa u -Anzjanità Attiva bħalissa qiegħed fil-proċess li jinkiteb tender għal Sistema waħda ta' Rekords Elettroniċi tal-pazjent fis-Sistema Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika. Ibbażat fuq ir-riżultat ta' dan it-tender, il-Ministeru jkun f'pożizzjoni li jipprovdi dettalji dwar il-perjodu tal-implimentazzjoni.

Servizzi ambulatorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex ċerti servizzi ambulatorji li bħalissa jsiru fil-livell tal-Isptar Mater Dei jiġu trasferiti jew estiżi lejn iċ-ċentri tal-komunità sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq l-isptar prinċipali tal-pajjiż?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li diversi servizzi speċjalizzati li tradizzjonalment kienu jingħataw fl-Isptar Mater Dei qed jiġu estiżi fiċ-Ċentri tas-Saħħa permezz ta’ outreach clinics, bil-għan li l-pazjenti jingħataw kura eqreb lejn id-djar tagħhom u titnaqqas il-pressjoni fuq is-servizzi tal-isptar prinċipali. Fost dawn hemm kliniċi ta’ Newroloġija, Kardjoloġija, Ortopedija u Gastroenteroloġija, fejn speċjalisti jżuru ċentri fil-komunità biex jaraw pazjenti li ma jeħtiġux kura immedjata. Dawn is-servizzi jtejbu l-aċċessibilità, inaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija għall-konsultazzjonijiet speċjalistiċi, u jsaħħu l-kontinwità tal-kura bejn il-livell primarju u dak sekondarju, filwaqt li jippermettu lill-Isptar Mater Dei jiffoka fuq każijiet aktar kumplessi u urġenti.