Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Triq il-Ġublew tal-Fidda - siġar imdawwra bil-concrete

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta saru bankini ġodda fi Triq il-Ġublew tal-Fidda f'Bormla, u meta ngħata l-concrete, is-siġar li hemm iddawwru bil-concrete u b'hekk inqata' kull aċċess għall-ilma għall-istess siġar? Ma jaħsibx li hekk dawn is-siġar se jispiċċaw imutu? X'se jiġri sabiex is-sitwazzjoni tkun irranġata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li x-xogħol fit-triq imsemmija kien proġett ta’ Transport Malta għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni li hu responsabbli mill-imsemmija awtorità.

Bormla — infestazzjoni ta' nemus kbir

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex l-infestazzjoni ta' nemus kbir li hemm f'Bormla, tiġi kkontrollata? Ma jaħsibx li l-ilma qiegħed, li hemm f'vaska li ilu li nbiet u tħalliet fi stat ta' telqa, jista' jkun kaġun ta' dan? Jista' jgħid jekk hux se jsir xi ħaġa sabiex dawn l-ammonti kbar ta' nemus kbira tkun ikkontrollata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

NItlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema vaska qiegħed jirreferi.

Wasteserve — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda mal-Wasteserve minn Awwissu 2011 sal-lum? Kif ġie rreklamat kull impjieg? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull vakanza? Kif saret l-għażla? Minn liema lokalità huma dawk li ntgħażlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwat li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 29832 u 31921, ninfurmah li fil-perjodu Frar sa Mejju 2012 kienu rekultata 8 impjegati ġodda liema għażliet saru kollha permezz ta’ interview wara sejħiet pubbliċi. Waqt li nfakkru f’ dak li kont spjegajt fit-tweġiba mogħtija f’ Mistoqsija Parlamentari nru.29118 li l-istatistika tal-lokalitajiet ma teżistiex peress li l-lokalità mhix kriterju ta’ Bord tal-Għażla, ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Technical Support Officers mal-Paying Agency tal-MRRA fil-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-Technical Support Officers mal-Paying Agency tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fil-Pitkalija qed ikunu mħaddma bħal self-employed? Jista' jgħid jekk dawk it-Technical Support Officers li issa ilhom imħaddma b'dan il-mod għal xi snin humiex se jġeddilhom il-kuntratt, peress li dan l-aħħar ġew impjegati Technical Support Officers bl-istess kundizzjonijiet? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-Paying Agency mhix se tibqa' tikkalkula l-BTEC National Diploma in Agriculture tal-MCAST iżda se tinsisti għad-Diploma mill-Università bħala kwalifika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33604, ninfrumha li l-ħaddiema jintalbu joffru s-servizzi tagħhom b’ mod flessibli skond l-esiġenzi tas-sevizz. Il-Ministeru uża dan il-mod biex studenti li spiċċaw l-Universita u l-MCAST jingħataw l-opportunita li jakkwistaw esperjenza fil-qasam tax-xogħol Din l-inizjattiva ġiet wkoll apprezzata mill-istess persuni li ħadmu mal-Agenzija peress li din isservi biex jingħataw opportunità li jwettqu fil-prattika dak li tgħallmu. Barraminnhekk, it-taħriġ li jieħdu matul tali perjodu mal-Agenzija jservi biex jippreparaw rwieħhom sabiex eventwalment jsibu mpjieg permanenti. Tajjeb ngħid li l-maggoranza tagħhom sussegwentement irnexxielhom jiksbu impjieg permanenti mal-Ministru wara sejħiet pubbliċi li nħarġu. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru kien u għadu jirrikonoxxi ż-żewġ kwalifiki msemmija u skont ir-rilevanza tagħhom għall-vakanzi maħruġa, dawn il-kwalifiki jintalbu bħala rekwiżit.

Marsaxlokk — tindif ta' latrina

Question

Jista' l-Ministru jara li l-latrina pubblika li tinsab faċċata tal-knisja ta' Marsaxlokk fejn jarma l-monti tiġi miżmuma b'mod nadif minħabba li kemm Maltin kif ukoll turisti qed jilmentaw minn ħmieġ kbir fiha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li responsabbiltà ta’ din il-latrina kienet devoluta lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, għalhekk nitolbu jqajjem il-każ ma’ dan il-kunsill lokali.

Riżultati tal-eżamijiet għal-liċenzja tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu r-riżultati tal-eżamijiet għal-liċenzja tan-nar u jekk dan id-dewmien hux minħabba li hemm xi karti tal-eżamijiet li għadhom ma ġewx ikkoreġuti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħruġ tal-liċenzji msemmija hija responsabbiltà tal-Pulizija. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija lill-Onorevoli Prim Ministru li huwa responsabbli mill-Intern.

informazzjoni dwar perita

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35180 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta għalih u jispjega kif il-perita li d-dettalji dwarha qed jitnabgħtu separatament, li taħdem bħala perita mal-proġetti tal-Ministeru ta' Ghawdex hi wkoll il-perita privata tad-ditta Sqallija li qed jagħmlu ix-xogħol ta' restawr tas-swar taċ-Ċittadella liema proġett hu tal-istess Ministeru? Ma taħsibx li dan hu konflitt kbir ta' interess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.

qatla tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-qatla tal-majjal fil-ġimgħa naqset taħt l-elf? Jista' jispjega x'kienu r-raġunijiet li din il-qatla niżlet b'dan il-mod?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17714 u infakkru fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32692 imressqa mill-istess Onorevoli Interpellant, ninfurmah li l-kwoti tal-qatla huma deċiżi mill-Koperattiva ta' min Irabbi l-Majjal (KIM). Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq l-mistoqsija tiegħu lill-KIM.

qatla tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-qatla tal-majjal matul ix-xahar ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2012 kenitx tlaħħaq mad-domanda fis-suq ta' majjel lokali? Jista' jispjega għaliex dan seħħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru ma jżommx rendikont tad-domanda tas-swieq, niġbidlu l-attenzjoni li mhuwiex ir-rwol ta’ dan il-Ministeru li, f’ambjent ta’ suq ħieles, jżomm rendikont ta’ jekk il-produzzjoni fi żmien qasir (short run) hix qed tkun ugwali jew le mad-domanda.

esportazzjoni tal-patata

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm ġew esportati tunellati ta' patata matul is-snin 2001/2/3/4/5/6/7/8/9/10/11 u 12? Jista' jispjega dawn il-figuri u jgħid għaliex qed ikun hemm din id-differenza kollha fl-esportazzjoni tal-patata u x'inhi l-politika tal-gvern preżenti rigward dan il-qasam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li llum għandna suq ħieles u sa minn qabel id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern ma baqax involut f’din l-attività, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19383.

Belt — kiri tal-Ġnien ta' Hastings u l-Barrakka t'isfel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34380, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kirijiet li saru fuq dan il-ġnien f'dawn l-aħħar erba' snin kif ukoll l-ismijiet tal-kerrejja tal-kontestazzjonijiet li kull wieħed għamel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tall-Onorevoli Interpellant fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 4380 kont spegajt li l-Ġnien Ta’ Hastings kien devolut lill-Kunsill Lokali tal-Belt, ninfurmah li għaldaqstant dan il-Ministeru m’għandux l-informazzjoni mitluba dwaru. Għar-rigward tal-Ġnien tal-Barrakka t’Isfel ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba għar-rigward il-Barrakka t’ Isfel. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-perjodu imsemmi ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jelenka d-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropeja flimkien mal-korrispettiv Att Malti li bih dawn id-direttivi ġew introdotti fis-sistema legali Maltija? Jista' jinkludi dawk id-direttivi li ġew transposed kemm fl-Atti Parlamentari, avviżi legali jew atti oħra, inklużi dawk amministrattivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35239.

Birgu — tindif tas-swar

Question

Jista' l-Ministru jassigura li d-Direttorat ghar-Restawr fl-istess Ministeru ma jippermettix li jsir tindif tal-ġebel tas-swar fil-Birgu bl-użu ta' power washes sakemm l-istess ġebel ma jkunx qawwi peress li qiegħed jirriżulta li ssir ħafna aktar ħsara milli ġid lill-istess ġebel bil-konsegwenza li jispiċċa jassorbi ħafna ilma u l-livelli tal-melħ fih ikunu straordinarjament għoljin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

F’kull xogħol ta’ restawr tingħata attenzjoni kbira biex jiġi assigurat li kull tindif isir b’mod li ma ssirx ħsara lil-ġebla kemm jekk hija ġebla tal-qawwi kif ukoll jekk ġebla iktar ratba bħal ma hija dik tal-franka. Ghaldaqstant kull xogħol ta’ tindif jibda billi jsir tfarfir tal-ġebla b’metodi xotti (dry brushing). Meta dan il-metodu ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa l-ħmieġ li jkun akkumula fuq il-ġebla jsir dak li jissejjaħ “wet brushing”, fejn il-ġebla titnaddaf permezz ta broxk tan-nylon imxarrab bl-ilma. Jekk dan il-metodu ma jagħtix ir-riżultati mixtieqa l-ħmieg jiġi mrattab permezz ta impakki ppreparati minn frak tal-karta. Dawn l-impakki jitħallew fuq il-ħmieg għal ċertu ammont ta` ħin bl-iskop li jrattab il-ħmieġ u b’ hekk ikun iktar faċli li jitneħħa b’metodi ohra li ma jagħmlux hsara lil ġebla. Huwa biss f’kazijiet eċċezzjonali li jiġi awtorizzat l-użu tal-power wash.

materjal riċiklat

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm kien hemm materjal li ġie rriċiklat matul is-sena 2011 u fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2012 fl-impjanti eżistenti tar-riċiklaġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-WasteServ Malta Limited mhix l-unika operator f’dan is-settur, minn-naħa tagħha l-WasteServ Malta matul is-sena 2011 ġew riciklati 21,267.79 tunellati ta’ skart, filwaqt li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2012 ġew riciklati 4,600.45 tunellati ta’ skart fl-impjanti tal-Wasteserv. Kif joħroġ minn dak li għidt qabel, il-figuri msemmija ma jkoprux l-impjanti operati mill-privat u għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura

gassijiet li qed joħorġu mill-miżbla

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gassijiet li qed joħorġu mill-miżbla kemm mill-ġdida kif ukoll mill-antika li hemm il-Magħtab x'qed isir minnhom u jekk humiex jinġabru jew jintużaw għal xi ħaġa oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Żejtun — Triq il-Fieres - kanali mkissra

Question

Jista' l-Ministru jara li kanali li jinsabu fuq il-ħitan tas-sejjiegħ fi Triq il-Fieres ġewwa ż-Żejtun jiġu msewwija minħabba li jinsabu mkissrin u allura qed jinħela ħafna ilma li qed jaqa' fit-triq wara li jkun ġie ppumpjat mill-impjant ta' Sant' Antnin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan il-każ diġa ġie investigat u diġa qed jittieħdu l-passi meħtieġ sabiex it-tiswija meħtieġa ssir fl-iqsar żmien possibbli.

Valley Management Unit — tnaqqis ta' allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Valley Management Unit li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu tneħħewlhom l-allowances li kienu jieħdu sa ftit żmien ilu minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li meta l-ħaddiema konċernati jkunu ntitolati għal xi allowance, huma għadhom jirċievu l-ħlas dovut lilhom. Barra minn hekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-ewwel parti tat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26738.

Bajja tal-Armier — tindif mill-alka

Question

Jista' l-Ministru jgħid din is-sena kemm-il darba tnaddfet mill-alka l-bajja tal-Armier fl-inħawi tal-Mellieħa u kemm hemm il-ħsieb li titnaddaf sal-aħħar tas-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli interpelant li minn meta beda l-programm ta’ tneħħija ta’ l-alka (fil-bidu ta’ April) ġew imneħħija 225 tunnellata ta’ alka mill-bajja tal-Armier. Nemmen li l-Onorevoli Interpellant jifhem li kull darba li jagħmel il-maltemp li jaħbat mill-faċċata tal-bajja din l-alka terġa' tidħol. Bħalma gara fl-Armier ġara f’bajjiet oħra. Qiegħed isir l-isforz meħtieġ biex il-bajjiet jkunu miżmuma nodfa anki dawk fejn ħtija tal-maltemp reġgħu intlew bl-alka wara li diġa kienu imnaddfa. Huwa fl-interess ta’ dan il-Ministeru li permezz tad-Direttorat ghat-Tindif isir ix-xogħol meħtieġ biex fiż-żmien ta’sajf kull bajja tkun ħielsa minn kull tip ta’ materjal inkluż l-alka.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti u xogħlijiet, bil-valur ta' kull wieħed, li ngħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħtu, sena b' sena mill-2004, lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Għal kull każ, jista' l-Ministru jgħid jekk kien każ ta' tender jew direct order? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm każijiet fejn l-istess kumpanija ngħatat xogħol bħala sub-contracter ta' min ikun rebaħ xi kuntratt jew ingħata direct order?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li għall-perjodu imsemmi l-kumpannija li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant ma ngħatatx kuntratti u xogħlijiet la minn dan il-Ministeru u l-anqas mill-entitajiet li jaqgħu taħtu.

San Pawl il-Baħar — irwejjaħ minħabba t-tindif tas-salini

Question

Billi waqt ix-xogħlijiet ta' restawr li qed isir fis-Salini, San Pawl il-Baħar, qed iġib miegħu rwejjaħ, riżultat taċ-ċaqliq ta' materjal li kemm fil-banjijiet tal-melħ, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li qed isir, għaliex anke dan ix-xogħol qed idejjaq lil ħafna nies? Jista' jinforma lir-residenti bix-xogħol li qed isir biex ma jibqgħux jiġu miżinformati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-irwejjaħ li preżentement qed ikunu esperjenzajati fis-Salini huwa riżultat ta’ proċess naturali ta’ dikompozizzjoni ta’ alka u fil-ħama. Preżenetemnt is-salini qed jiġu imbattla u mndaddfa mill-alka u l-ħama u għaldaqstant iċ-ċaqliq tagħhom jerħi fl-arja livell għola ta’ irwejjaħ. Qed isiru l-isforzi kollha sabiex l-kuntrattur li huwa responsabbli minn dan ix-xogħol jkompli bil-ħidma bl-ikbar ħeffa possibbli sabiex is-salini jiġu żvujtati mill-ilma u mnaddfa. Ta’ min jgħid ukoll li bħala riżultat tal-aħħar maltempata inġabret l-alka fis-sukkursu u din ukoll tiġġenera l-istess riħa. Qed issiru arrangamenti meħtieġa sabiex din l-alka li nġabret fis-sukkursu tiġi mnaddfa fl-iqsar żmien possibbli.