Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taxis u Y-plates – lista ta’ stennija għall-permess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx waiting list jew capping fuq in-numru ta’ permessi li jistgħu jinħarġu għal taxis u Y-plates?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ vetturi White Taxi awtorizzati huwa fiss skont ir-regolamenti applikabbli, filwaqt li għall-Y plates, il-premessi jinħarġu skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja Nru. 499.68 tal-4 ta’ Settembru 2020, u minn jissodisfa dawn il-kriterji jingħata permess, wara l-evalwazzjoni neċessarja minn Transport Malta.

Park and Ride – Rotot 401-406

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġarru passiġġieri fuq Rotot 401-406 (Park and Ride) minn Settembru 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ passiġġieri li nġarru fuq ir-Rotta 406, mill-introduzzjoni tagħha fil- 5 ta’ Mejju li għadda sal-aħħar ta’ Ġunju kien ta’ 7,677. Fir-rigward tar-rotta 401, minn Settembru tas-sena 2025 sal-aħħar ta’ Ġunju rat 57,357 l-passiġġier.

Toroq – Għoti ta’ asfalt wara x-xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35754 tal-Erbatax-il Leġiżlatura, fejn intqal li “Wara li jsiru xogħlijiet ta’ trinek mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew minn Enemalta, dawn jerġgħu jinksew bit-tarmak skont il-kundizzjonijiet maħruġin minn Transport Malta.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-kundizzjonijiet jistipulawx perjodu ta’ żmien sakemm l-asfalt irid jerġa’ jsir wara tali xogħlijiet, peress li huwa nnutat li wara li t-trinek jiġu miksija bil-konkos, ħafna drabi jitħallew f’dan l-istat għal ġimgħat jew saħansitra xhur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fil-każ ta’ permessi ordinarji, l-asfaltar mill-ġdid huwa inkluż bħala parti mix-xogħlijiet li għandhom jitlestew fil-perjodu ta’ validità tal-permess. Fil-każ ta’ permessi ta’ emerġenza, il-prijorità immedjata tkun it-tiswija tal-ħsara fl-infrastruttura. Madankollu, it-trinka tibqa’ titqies bħala każ mhux magħluq sakemm jitlesta l-asfaltar mill-ġdid, u Transport Malta tibqa’ ssegwi l-każ sal-konklużjoni tiegħu.

Karozzi second hand u karozzi ġodda impurtati – Snin 2000 sa 2012

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati u reġistrati karozzi second hand mis-sena 2000 sas-sena 2012, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm ġew impurtati karozzi ġodda fl-istess perjodu u ċjoè; mis-sena 2000 sas-sena 2012, maqsuma sena b'sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Persuni b’diżabilità – Parkeġġi riservati – Sena 2026

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità ġew allokati fis-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont jekk dawn kinux parkeġġi personalizzati jew parkeġġi komunali?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ijirreferi għal Mistoqsija Parlamentari 1240.

Persuni b’diżabilità – Parkeġġi riservati – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità ġew allokati fis-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont jekk dawn kinux parkeġġi personalizzati jew parkeġġi komunali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2025, ġew allokati 591-l parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilita Dawn il-permessi ħarġu wara li l-applikanti kollha għaddew minn proċess ta’ skrutinju minn bord mediku maħtur mill-Aġenzija Sapport.

Marsaskala – Bajja ta’ San Tumas – Parkeġġ – Ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex intenzjonat li l-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas ġewwa Marsaskala jibqa’ mingħajr ħlas għall-pubbliku jew jekk hemmx pjan biex ikun bi ħlas?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħal ma diġa għidt diversi drabi, dan il-parkeġġ għandu jkun bla ħlas.

Marsaskala – Bajja ta’ San Tumas – Parkeġġ – Ftehim/konċessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi ftehim jew konċessjoni bejn il-Gvern u s-sid privat tal-parkeġġ fil-Bajja ta’ San Tumas ġewwa Marsaskala? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Taxis u Y-plates – Policy dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy attwali dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda għal taxis u Y-plates?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-politika attwali dwar il-ħruġ ta’ permessi ġodda għal taxis u vetturi b’Y-plates hija dik stabbilita fil-qafas leġiżlattiv applikabbli.

Taxis u Y-plates – Studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar kemm is-suq Malti jista’ jiflaħ aktar taxis u Y-plates mingħajr ma jkun hemm saturazzjoni fis-settur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, abbażi ta’ rapporti interni, data fattwali u analiżi operattiva mwettqa mill-Awtorità, jirriżulta li d-domanda fis-suq għal dawn is-servizzi għadha għolja u qiegħda tikber b’rata aktar mgħaġġla mill-għadd ta’ operaturi attivi. Fil-fatt, meta jitqabbel il-perjodu bejn Frar u Mejju 2025 mal-istess perjodu fl-2026, l-għadd ta’ operaturi attivi żdied minn 2,049 għal 2,419, jiġifieri żieda ta’ 18.1%. Min-naħa l-oħra, l-għadd ta’ vjaġġi żdied minn 3,008,367 għal 5,061,576, jiġifieri żieda ta’ aktar minn żewġ miljun vjaġġ, jew 68.2%. Bħala medja, l-għadd ta’ vjaġġi għal kull operatur żdied minn madwar 1,469 bejn Frar u Mejju 2025 għal madwar 2,093 fl-istess perjodu tal-2026. Dan ifisser żieda medja ta’ madwar 624 vjaġġ, jew 42.5%, għal kull operatur. Dawn iċ-ċifri jindikaw li, minkejja ż-żieda fl-għadd ta’ operaturi, id-domanda kibret b’rata ferm ogħla. Dan juri wkoll li l-politika tal-Gvern favur mezzi alternattivi ta’ mobbiltà qiegħda tħalli l-frott, hekk kif aktar residenti u turisti qegħdin jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.

Permessi lil impjegati fis-servizz pubbliku jew ma’ entitajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li ngħataw permessi għal taxis u Y-plates minkejja li kienu diġà impjegati full-time fis-servizz pubbliku jew ma’ entitajiet tal-Gvern matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri b’Vetturi Żgħar u Servizzi ta’ Kiri ta’ Vetturi ma jagħmlu ebda distinzjoni abbażi tal-istatus ta’ impjieg tal-applikant, inkluż fil-konfront ta’ impjegati fis-servizz pubbliku jew ma’ entità tal-Gvern. L-Awtorità tivverifika biss jekk humiex sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mill-liġi għall-ħruġ tal-permess jew tal-liċenzja relattiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu jew restrizzjoni li tista’ tirriżulta mill-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persuna kkonċernata.

Taxis u Y-plates – Permessi sospiżi, revokati jew taħt investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess għal taxis u Y-plates ġie sospiż, revokat, jew taħt investigazzjoni matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi, l-Awtorità ħadet passi ta’ sospensjoni, revoka jew kanċellazzjoni, jew wettqet investigazzjoni fuq 96 l-operatur tal-Y Plates. Matul l-istess perjodu ma kien hemm l-ebda sospensjoni, revoka jew investigazzjoni fir-rigward ta’ operaturi tat-taxis.

Taxis u Y-plates –Enforcement checks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni jew enforcement checks saru fuq taxis u Y-plates matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Frar u Mejju 2026 saru 22 l-spot check, fejn ġew spezzjonati ‘l fuq minn 1,500 vettura tat-tip taxi u Y-plate.

Port tal-Imġarr – Multi marbuta ma’ veloċità eċċessiva

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1034, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il multa nħarġet wara solverjar u infurzar fil-Port tal-Imġarr, bis-sistemi msemmija fl-istess tweġiba, minn Jannar 2013 sa Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Karozzi second hand u karozzi ġodda impurtati – Snin 2013 sa 2025

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati u reġistrati karozzi second hand mill-2013 sal-2025, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm ġew impurtati karozzi ġodda fl-istess perjodu u ċjoè; mill-2013 sal-2025, maqsuma sena b'sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Blue badges – Parkeġġi riservati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ reserved blue badge parkings, komunali u personalizzati, li ġew approvati f’Marzu, April, Mejju u Ġunju 2026, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1240.

Blue badges – Parkeġġi riservati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew approvati reserved blue badge parkings minn Ġunju 2025 sa Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu reserved personalizzati u mhux communial?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li minn Ġunju 2025 sa Ġunju 2026, kien hemm total ta’ 696 parkeġġ riservat għall-Blue Badge Holders li minnhom 545 kienu parkeġġi riservati personaliżżati. Dawn il-permessi ħarġu wara li l-applikanti kollha għaddew minn proċess ta’ skrutinju minn bord mediku maħtur mill-Aġenzija Sapport.