Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32482 u jgħid kemm-il intervista saret mar-rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fuq ix-xandir pubbliku PBS, fis-sena 2024?
Iż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta) - Okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika
Question
Fid-dawl tal-okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika fiż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta), fejn anke ġie rrappurtat li kienet ikkaġunata ħsara strutturali fuq il-Victoria Lines, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet mill-awtoritajiet kompetenti biex titwaqqaf din l-illegalità u jiġi aċċertat li s-sit jiġi żgumbrat kompletament, u jgħid x’passi legali jew ta’ infurzar qed jittieħdu fil-konfront tal-persuni responsabbli biex jagħmlu tajjeb għal din il-ħsara?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħala Awtorita’ ta’ l-Artijiet qeda ssir investigazzjoni fuq dan il-każ, u qed jaraw li tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
B’referenza għat tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32455, jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ xogħlijiet li għad iridu jitlestew sabiex iċ-Ċentru Ċiviku tal-Qrendi jkun jista’ jibda jintuża?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Qrendi li ċ-Ċentru Ċiviku tal-Qrendi jinsab fil-proċess ta’ procurement għax-xogħlijiet ta’ tikħil, żebgħa, suffetti u partitions; xiri u tqegħid ta’ madum; aperturi; installazzjoni ta’ dawl u ilma; faċilitajiet sanitarji; xogħol tal-injam; air conditioners u CCTV; fittings tad-dwal; railing tal-gallariji; għamara u kitchenettes. Dawn ix-xogħlijiet iridu jitlestew sabiex iċ-Ċentru Ċiviku tal-Qrendi jkun jista’ jibda jintuża.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq il-Mużew Marittimu tal-Birgu matul is-sena 2025, kemm kien hemm viżitaturi u kemm inbiegħu pubblikazzjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ viżitaturi li żaru l-Mużew Marittimu sa Mejju 2025 kien 15,864. Wara Mejju l-Mużew ingħalaq għall-pubbliku. Il-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet mis-sit kien ta’ €12,289.
Ninsab infurmat ukoll li l-informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż mis-sit matul is-sena 2025 ma tistax tingħata bħalissa, peress li s-sena finanzjarja ta’ Heritage Malta għadha ma’ ġietx magħluqa. Din l-informazzjoni tkun disponibbli u aġġornata f’Marzu 2026.
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Supplementary income
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33090 u ċjoè: Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kunsilli lokali għas-sena 2024 li jelenka lista tas-Supplementary Income, fejn filwaqt li xi kunsilli ħadu ammonti kbar, hemm kunsilli oħra li ma ħadu l-ebda fondi supplimentari, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan, u jgħid għal liema raġuni, f’kull kunsill individwali ngħataw dawn il-fondi supplimentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mill-Kunsilli rispettivi.
Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Finanzjament
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33089 u ċjoè: Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024, fejn f’paġna 36 hemm referenza għall-fatt li kumitat imwaqqaf apposta biex jistudja l-formula tal-finanzjament tal-kunsilli lokali, kien ħareġ ir-rapport tiegħu f’Diċembru 2023, iżda baqgħu ma ġewx implimentati, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal għal dan id-dewmien? Jista’ wkoll iqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li r-rapport intern li qed issir referenza għalih ma kienx konklussiv allura ma kienx implimentat. Sadanittant, ġie ikkummissjonat studju ieħor li ser ikun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati full-time fi ħdan Heritage Malta li xogħolhom hu r-restawr tas-segwenti:
i. pittura;
ii. għamara antika;
iii. armi tal-gwerra, u
f’kull qasam jelenka n-numru ta’ impjegati konċernati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa Heritage Malta timpjega full time għaxar restawraturi tal-pittura, sitta tal-metal (armi), u l-ebda wieħed għall-għamara.
Għal aktar informazzjoni rigward ir-restawr tal-għamara, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi għat-tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari nru. 25080 u 25879.
San Pawl il-Baħar - Triq Għajn Tuffieħa - Akwadott tax-Xemxija - Xogħol ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux mistenni li jsir xogħol ta’ restawr fuq l-akwadott tax-Xemxija, fi Triq Għajn Tuffieħa, f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru għandux ħsieb li joħroġ applikazzjonijiet ġodda għal skop ta’ restawr ta’ siti storiċi bħalma hu dan l-akwadott? Jekk iva, meta hu mistenni li jinħarġu tali applikazzjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li dwar l-Akwadott tax-Xemxija, id-Dipartiment m’għandu xejn xi jżid mal-mistoqsija preċedenti fuq is-suġġett PQ 28785. Rigward l-iskema tar-restawr, nirreferu għat-tweġiba ta’ PQ 32519.
Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja - Petizzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu petizzjonijiet taħt is-sistema kif stabbilita fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja, Kap. 291, matul is-sena 2025 u kemm minnhom ġew aċċettati u kemm ġew irrifjutati?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla dwar l-arbli li qed jostakolaw il-bankina fi Triq San Ġwann t’Għuxa f'Bormla fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Bormla ma rċieva l-ebda rapport dwar arbli li qed jostakolaw il-bankina fi Triq San Ġwann t’Għuxa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s-siġra tal-Milied li qiegħda fi Pjazza Ħelsien, il-Belt, quddiem il-Parlament?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) li s-Siġra tal-Milied li ntramat din is-sena fi Pjazza Ħelsien ġiet iddisinjata mill-artist Malti rinomat anki lil hinn minn xtutna Henry Galea. Din is-siġra kellha ornamenti li ġew magħmulin kollha bl-idejn u fost id-disinji li saru kien hemm il-merill, iż-żebbuġa, il-ballottra, il-qabru u l-lampuka – simboli li konna naraw fil-muniti Maltin u li għalhekk huma marbutin mal-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna. Apparti wkoll l-eluf ta’ dwal, ċfuf magħmulin bl-idejn u n-nutcrackers kbar imdawrin mas-siġra, ġiet ikkreata wkoll riħa apposta għal din is-siġra tal-Milied bil-għan li tinħoloq esperjenza multisensorjali.
Ninnota kif din is-sena, is-siġra intlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku li ta’ kuljum, għal aktar minn xahar sħiħ, mijiet u eluf ta’ Maltin u turisti kienu jieqfu biex jieħdu ritratt magħha. Diversi persuni prominenti, inkluż mill-kollega tal-Onor. Interpellant, il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu, żaru din is-siġra u faħħru x-xogħol artistiku li sar minn Henry Galea u t-tim tiegħu.
Inoltre, l-isbuħija ta’ din l-instalazzjoni artistika kien irrimarkat ukoll mill-profil popolari fuq Instagram Pubity, li huwa magħruf l-aktar għall-kontenut ta’ divertiment li jtella’ u li huwa segwit minn madwar 42 miljun persuna minn madwar id-dinja kollha, tant ikklassifika lil din is-siġra tal-Milied bħala waħda mill-isbaħ siġar tal-Milied fid-dinja.
Ninsab infurmat li l-ispiża totali kienet tammonta għal €80,000 (VAT Eskluż) li tinkludi l-materjal tas-siġra, it-transportazzjoni, arrangamenti logistici, assikurazzjoni u pubbliċità fost oħrajn. Kienu segwiti l-proċeduri applikabbli tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Il-Belt Valletta, il-Ħamrun, il-Furjana, Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi – Artijiet Devoluti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32753 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tas-siti, artijiet u/jew binjiet kollha li ġew devoluti lill-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, il-Ħamrun, il-Furjana, Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi, u għal kull sit jindika l-indirizz tas-sit, id-deskrizzjoni tas-sit, l-ammont tal-ħlas mitlub mill-Kunsill Lokali, l-użu attwali tas-sit, id-data ta’ meta s-sit ġie devolut u t-terminu jew it-tul tad-devoluzzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dokument bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.
Ninforma ukoll lill Onorevoli interpellanta illi l-Gvern ilu li ħa d-decizjoni illi l-ammont massimu li għandu jitħallas għall kull propjeta’ illi tiġi devoluta lill-Kunsilli lokali, jew li diġa qiegħda devoluta u qiegħed jintalab tiġdid tal-kuntratt, huwa ta’ Euro 500. It-terminu huwa ta 5 snin. Dan jiġi mġedded awtomatikament sakemm l-ebda parti ma tavża li se ttemm il-kuntratt b’avviż minn xahar qabel mhu ha jkunu se jiskadu l-5 snin.
Ta’ Sannat, Għawdex – Kalkara tal-Ġir - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru fil-Kalkara tal-Ġir li hemm maġenb l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat f’dawn l-aħħar ġimgħat u x’xogħol hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li x-xogħol ta’ restawr jikkonsisti fi bdil ta’ ġebel. Dan huwa proċess delikat li jrid isir bir-reqqa biex jiġu osservati il-kriterji stabbiliti mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Hu mistenni li dan il-proċess jibqa’ għaddej matul il-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31869 u 32182 u jgħid kemm hemm produzzjonijiet ġodda maħsuba li jinġibdu bħala films f’Malta fl-2026?
Response (BONNICI, OWEN)
Waqt li għadu prematur li jingħataw dettalji speċifiċi ta' numri, kollox qed jindika li din is-sena se tkun sena oħra sabiħa għal dan is-settur.