Forzi Armati ta’ Malta — Operazzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni ta’ salvataġġ saru fuq il-baħar minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta fejn matulhom ġew salvati nies mill-2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena? Kemm ġew salvati nies f’dawn l-operazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi, il-Forzi Armati ta' Malta wettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar u ġew salvati nies kif ġej:
Sena
Operazzjonijiet ta’ salvataġġ
Total nies salvati
2013
76
1854
2014
34
602
2015
48
1273
2016
57
1251
2017
55
847
2018
88
2731
2019 (sal-11/02/19)
1
1
Korp tal-Pulizija — Operazzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni ta’ salvataġġ kien hemm li kienet tinvolvi membri tal-Korp tal-Pulizija fejn matulhom ġew salvati nies mill-2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena? Kemm ġew salvati nies f’dawn l-operazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm ebda operazzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar li kienet tinvolvi membri tal-Korp tal-Pulizija mill-2013 sa Frar 2019. Operazzjonijiet ta’ din ix-xorta jitmexxew mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba kien hemm lill-Protezzjoni Ċivili għall-għajnuna mill-2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid x’kienu t-talbiet għall-għajnuna? Jista’ jgħid kemm ġew salvati nies, fejn applikabbli?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fl-2016 kollox beda jiġi rreġistrat fil-Control Room u għalhekk inbidel xi ftit l-istil. Tajjeb li ngħidu li ma tinżammx statistika ta’ kemm ġew salvati nies.
Talbiet għall-għajnuna saru skont it-tabella li qed tidher hawn taħt, fil-waqt li informazzjoni dettaljata tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
2013
2014
2015
2016
2017
2018
2019 (6/2)
Total
5122
4943
5027
4840
5516
5653
419
31520
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – Grievances Boards
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar u ghaldaqstant it-twegiba tinghata f'seduta ohra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Supretendent fid-distrett numru 8 u ċjoè Birkirkara u n-Naxxar? Jekk m’hemmx, x’inhi r-raġuni? Meta hemm il-ħsieb li jimtela dan il-post vakanti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li bħalissa d-dmirijiet ta’ Supretendent fid-distrett numru tmienja huma koperti minn Supretendent ta’ distrett ieħor wara li s-Suprentendent li kien inkarigat mid-Distrett ta’ Birkirkara ġie promoss Assistent Kummissarju ftit ta’ żmien ilu. Din il-vakanza timtela meta joħorġu l-applikazzjonijiet għal din il-kariga.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontenut ta’ din l-interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-gudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7710 u jgħid kemm hemm persuni u immigranti rregolari fiċ-Ċentri Miftuħa? Jista’ jindika fejn huma mqassma u ta’ liema nazzjonalità huma?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija – ilmenti pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ilmenti pendenti quddiem il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid dwar xiex huma l-imsemmija lmenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li quddiem il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija hemm seba’ ilmenti pendenti. Dawn jinvolvu żewġ każijiet li jinsabu quddiem il-Qorti, tliet każijiet ippreżentati minn individwi fuq bażi personali, każ wieħed mill-Kummissarju tal-Pulizija u ieħor minn exmembru tal-korp dwar ħlas ta’ sahra.
Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija — deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il deċiżjoni ħa l-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu dawn id-deċiżjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Minn kemm ilu mwaqqaf (12/5/2017), il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija’ ġew ippreżentati erbgħin (40) rapport.
Dawn id-deċiżjonijiet kienu jkopru lmenti dwar promozzjonijiet f’diversi kategoriji fil-Korp tal Pulizija, nuqqas ta’ ġbir ta’ informazzjoni fil-ħin minn pulizija u mġiba mhux adattata fil-konfront ta’ membru tal-pubbliku minn membru tal-Korp.
Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija — investigazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il investigazzjoni beda fuq inizjattiva tiegħu stess il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid dwar xiex kienu dawn l-investigazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat, il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, ma beda ebda investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess.
Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija — konklużjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il materja ġiet riferuta minnu bħala Ministru lill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-materji li ġew riferuti minnu u x'kienu l-konklużjonijiet tal-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija dwarhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-perjodu indikat, il-Ministru ma rrefera ebda materja lill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija.
Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija – funzjonijiet tal-bord
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, xi struzzjonijiet speċifiċi bil-miktub ta dwar funzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-periodu indikat, il-Ministru ma ta ebda struzzjonijiet speċifiċi bil-miktub dwar xi funzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija.
Investigazzjoni dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet fil-bini tat-toroq f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet li ħarġu f'Lulju 2017 dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet oħra fil-bini ta’ toroq f'Għawdex ġietx konkluża? Jekk ġiet konkluża x'passi ttieħdu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi dan il-każ huwa suġġett ta' inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — Assistenti Parlamentari
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux Assistenti Parlamentari fil-leġiżlatura ta' bejn is-sena 2008 u s-sena 2013? Jista’ jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta ma’ tali rwol, kemm dawk finanzjarji kif ukoll perkaċċi oħra?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-leġiżlatura ta’ bejn is-sena 2008 u s-sena 2013 fil-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern kien hemm Assistent Parlamentari, li kien l-Onor. Beppe Fenech Adami.
Għall-kundizzjonijiet nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Papers Laid numru 7378 tal-11-il Leġiżlatura li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ispeaker fl-10 ta’ Ġunju 2011.
Fit-tweġiba, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm indikat li l-Assistenti Parlamentari bejn l-2008 u l-2013 kienu jitħallsu 65% ta’ Skala 1 tas-Servizz Pubbliku (ekwivalenti għal €29,577.60ċ, skont il-grad tal-lum), flimkien ma’ servizzi ta’ linja fissa tat-telefown u mowbajl.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord ta' Governanza tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid meta ġew maħtura dawn il-membri u f'liema oqsma għandhom konoxxenza u esperjenza?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jittieħed il-pass li jmiss u jitwaqqaf il-Bord tal-Governanza tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret tal-Bord ta' Governanza tal-Pulizija mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jagħti d-data ta' meta saret kull laqgħa u jindika l-membri tal-Bord u persuni oħra li kienu preżenti u/jew assenti għal kull waħda mil-laqgħat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8291.
Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija — membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid id-data ta' meta ġew maħtura dawn il-membri? Jista' jgħid bħala Ministru kemm ordna li jkun hemm awli tal-imsemmi Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Skont il-Gazzetta tal-Gvern Numru:19787 paġna:5873. Is-26 ta’ Mejju, 2017.
Il-Board Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija kien maħtur wara li kien approvat mill-President ta’ Malta skont l-Artiklu 35 tal-Att dwar il-Pulizija għal perjodu ta’ tliet snin b’seħħ mit-12 ta’ Mejju 2017 u kompost kif ġej:
Chairperson:
L-Imħallef Franco Depasquale, KCSG, BA, LLD
Membri:
Dr Deandra Schembri,LLD
Dr David Farrugia Sacco, Ba (Leg. & Hum.) MA (Fin. Serv.), LLD
Staff Amministrattiv:
Is-Sa Marika Caruana Smith
Segretarju:
Is-Sur John Spiteri, M.Ed. Admin. & Man.
Il-Ministru għadu ma ordna li jkun hemm ebda awla barra minn dik attwali.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — paġni, profili u gruppi fuq Facebook
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook li huma amministrati mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħra jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma jeżisti l-ebda profil jew paġna ta’ Facebook fil-Ministeru u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija – użu ta’ forza eċċessiva — każ
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-każ li jinsab pendenti quddiem il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija dwar l-użu ta' forza eċċessiva li ġiet deskritta wkoll mill-Prim Ministru bħala "heavy-handed", ma' attivisti tal-Moviment Graffitti u tal-Kamp Emerġenza Ambjent waqt protesta li kienet qed issir fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Furjana nhar il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, żamm diversi seduti u nstemgħu bosta xhieda dwar il-każ li jinstab fi stadju avvanzat.