Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28676 u tgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istand tal-Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat fil-Public Service Expo Village 2025 ġiet tiswa €78,050. F'din l-Expo, il-Ministeru ħa l-opportunità sabiex jesponi u jipprovdi s-servizzi ta' diżabilità, inkluż uħud mill-attivitajiet provduti fiċ-ċentri ta' Aġenzija Sapport, u servizzi fil-volontarjat li s-soltu jiġu provduti mill-uffiċini rispettivi tal-entitajiet b'mod effettiv. F’din l-istand kien hemm u kopriet il-parteċipazzjoni wkoll tal-Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru, jiġifieri Aġenzija Sapport, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO), u l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS). L-Expo Village tas-Servizz Pubbliku din is-sena żaruh 76,264 persuna.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23600 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtha jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Tista’ tgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm żewġ entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat li b'kollox inħarġulhom żewġ cards. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.

Parkeġġ riservat personalizzat — Kundizzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28784 li orġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tgħid jekk kundizzjonijiet bħal Multiple Sclerosis u/jew Fibromyalgia humiex meqjusa bħala kundizzjonijiet li jikkawżaw problemi ta’ mobilità li jwasslu biex persuna tista’ tikkwalifika għal parkeġġ riservat personalizzat?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-assessjar mediku jsir fuq kemm il-kundizzjoni timpatta n-nuqqas ta’ mobilità. Il-kriterji tal-eliġibilità jinsabu fl-Avviż Legali 113 tal-2024.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23582 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandha maħruġa għall-użu tagħha u tal-Ministeru tagħha u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Tista’ tgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm żewġ cards taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Il-ħruġ ta’ card jsir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi. Il-ħlas isir mil-line item rispettiv kif approvati fl-estimi finanzjarji tal-baġit u li kopja tagħhom diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Mejju 2025?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24477.

Persuni b’diżabilità li jagħlqu s-60 sena — Trasferimenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex persuni b’diżabilità li jkunu jgħixu fid-djar residenzjali fil-komunità u li jagħlqu s-60 sena qed jiġu trasferiti fid-djar residenzjali tal-anzjani? Tista’ tgħid ukoll jekk id-deċiżjoni hijiex ibbażata biss fuq l-età u jekk isirx assessment fuq dawn il-persuni biex jiġi deċiż jekk ir-rilokazzjoni tkunx waħda ta’ benefiċċju jew ta’ detriment għalihom; u jekk il-gwardjani legali ta’ persuni b’diżabilità jkunux involuti fl-assessment li jsirilhom?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħala punt ta’ kjarifika, persuni b’diżabilità li jirrisjedu f’residenzi tal-Aġenzija Sapport, f’residenzi privati li għandhom kuntratt ma’ Aġenzija Sapport u f’residenzi ta’ NGOs li għandhom ftehim (PSP) mal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, jibqgħu jirrisjedu fir-residenza anke wara li jagħlqu s-60 sena, sakemm ma jurux ix-xewqa li jimxu min-naħa tagħhom. Persuni ta’ ’l fuq minn 60 sena huma eliġibbli għas-servizzi u l-iskemi tal-Aġenzija Sapport. Rigward servizzi residenzjali, ċentri ta’ matul il-jum u assistenza personali hemm kriterji partikolari li nies li jkollhom 60 sena li mhux diġà qed jieħdu servizz tal-Aġenzija jiġu ggwidati mill-professjonisti tagħha għal servizzi alternattivi minn dipartimenti kkonċernati. Din l-istrateġija qed tintuża biex l-entitajiet tal-Gvern jaħdmu b’mod konġunt sabiex niżguraw li jkun hemm kontinwazzjoni ta’ servizz provdut skont il-bżonnijiet tal-individwu kkonċernat. Dan jallinja ruħu mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità biex is-servizzi jkunu “mainstreamed”.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Nefqa fuq fjuri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23478, fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21830, tista’ l-Ministru tagħti l-informazzjoni limitatament għall-2024, u ċjoè kemm nefqet flus fi fjuri għal funerali matul is-sena 2024 u jekk bagħtitx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra, u fil-każ kemm kienet l-ispiża?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri hija koperta mill-kategorija Operational and Maintenance Expenses fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità — Stennija għal dħul

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna qiegħda tistenna biex tiddaħħal f’wieħed miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità u x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fid-data tat-tweġiba hemm 165 persuna b’diżabilità fuq lista ta’ stennija sabiex jibdew jibbenefikaw mis-servizzi mogħtija fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum immexxija minn Aġenzija Sapport. Dawn il-persuni huma kollha bejn l-età ta’ 19-il sena u 59 sena. Bħalma ġie mwieġeb f’mistoqsija parlamentari 16378, f’każijiet fejn ma hemmx postijiet vakanti f’ċentri addattati skont il-bżonnijiet tal-applikant, l-applikant ikun iggwidat għal servizzi alternattivi, filwaqt li qed issir ħidma biex persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri jiġu di-istituzzjonalizzati permezz ta’ servizzi jew opportunitajiet oħra ffukati fuq għajxien indipendenti u inklussiv fil-komunità. Bħalissa qegħdin jiġu evalwati l-bżonnijiet li għandhom il-persuni kollha li qegħdin fil-lista ta’ stennija sabiex jiġi determinat jekk jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew servizzi u programmi oħra provduti fil-komunità. Għalhekk, il-lista ta’ stennija ma tirrappreżentax l-istampa ċara għax l-istess applikanti, għalkemm qegħdin fil-lista ta’ stennija għal servizz ta’ matul il-jum, jistgħu jkunu qed jibbenefikaw minn servizzi oħra jew mhumiex eliġibbli li jattendu ċentri ta’ matul il-jum.

One-Stop-Shop fin-Nofsinhar ta’ Malta — Settur tal-volontarjat

Question

Tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji dwar il-One-Stop-Shop fin-Nofsinhar ta’ Malta, li se jservi bħala ċentru ta’ taħriġ, riżorsi u riċerka għas-settur tal-volontarjat, kif imħabbar fil-Baġit?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-One-Stop-Shop fin-Nofsinhar ta’ Malta miexi b’ritmu tajjeb bl-ewwel fażi tal-istess proġett mistennija tiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Infiq fuq reklamar

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26747 u tgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tagħha fl-entitajiet li jaqgħu taħtha fl-2024? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27936.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24386 u 24772 u tgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tagħha, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u tagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Tista' tjippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu msemmi nxtraw 2 karozzi ġodda mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Dawn inxtraw għall-użu ġenerali. Finalment irrid nirrimarka li x-xiri ta’ dawn il-vetturi jsir skont il-proċedura applikabbli skont il-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Rigali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qalgħet rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulha?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Kiri ta’ karozzi - Nefqa

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24403 u 24969 u tgħid kemm intefqu flus biex inkrew karozzi taħt id-dekasteru tagħha, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nkrew, minn liema kumpanija nkrew, id-data tal-bidu u t-tmiem ta’ kull kirja, jekk inkrewx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nkrew u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inkriet kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti, hemm 9 vetturi li huma mikrija.

STILC — Occupational Therapsits

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm Occupational Therapists li joffru servizz fiċ-Ċentru Ħajja Indipendenti Sonia Tanti (STILC)?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 12-il Occupational Therapist li joffru s-servizz tagħhom fiċ-Ċentru Ħajja Indipendenti Sonia Tanti (STILC). 11 minn dawn it-terapisti huma impjegati tal-Ministeru tas-Saħħa u joffru s-servizz tagħhom fi STILC grazzi għal ftehim (Memorandum of Understanding) bejn iż-żewġ partijiet. Dan is-servizz ma jingħatax fuq bażi full-time.

L-Iskola tal-Wardija — Studenti b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’ser jiġri minn dawk l-istudenti b’diżabilità li jattendu l-Iskola tal-Wardija wara li jagħlqu l-età li jispiċċaw mill-iskola? Tista’ tgħid ukoll jekk dawn l-istudenti hux ser ikollhom biżżejjed ħiliet biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Empowerment Scheme — Persuni li qegħdin jibbenefikaw

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna preżentement qiegħda tibbenefika mill-Empowerment Scheme u x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Iskema tal-Empowerment taħdem b’sistema ta’ applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja fuq ix-xiri ta’ apparat assistiv jew servizzi ta’ trasport għal persuni b’diżabilità. Mill-1 ta’ Jannar 2025 sat-30 ta’ April 2025, kien hemm total ta’ 303 applikazzjoni approvata. Dawn huma mqassmin kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt: 0-18-il sena 19-30 sena 31-45 sena 46-65 sena 66+ sena Total ta’ applikazzjonijiet approvati 12 11 15 48 217 303

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tagħha fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kif mitluba taqbeż l-advisory cost limit.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Nefqa fuq reklamar

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27136 u 27700 u tgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Interpellant. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħmel użu mill-mezzi tax-xandir (media houses) lokali sabiex ikun jista’ jwassal informazzjoni dwar servizzi, inizjattivi u informazzjoni oħra importanti għall-pubbliku inġenerali.