Tista’ 1-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2438, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid jekk hux qed jiġi propost li jiġi emendat il-mod ta’ kif tingħata s-Severe Disability Allowance lil persuni li jbatu minn problema ta’ saħħa mentali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Advisors
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm impjegat Advisors fil-Ministeru tagħha u kemm hu t-total tan-nefqa?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru impjega 4 Advisors. Dawn huma:
- 2 impjegati fuq skala 4 full-time;
- 1 impjegat fuq skala 5 part-time; u
- 1 impjegat fuq skala 9 full-time.
Ajruport Internazzjonali ta’ Malta — Persuni li għandhom il-Blue badge
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-persuni li għandhom il-blue badge (persuni b’diżabilità) għandhomx servizzi jew drittijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bħal pereżempju li wieħed ma joqgħodx jistenna fil-kju biex jagħmel check-in? Jekk iva x’inhuma dawn is-servizzi jew drittijiet?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu tal-Blue Badge hu strettament biex wieħed jagħmel użu mill-parkeġġi riservati għall-persuni b'diżabilità.
Madankollu, hemm dik li tissejjaħ l-EU Disability Card. Din il-card jikkwalifikaw għaliha aktar persuni b'diżabilità hekk kif il-card tingħata lil kull min għandu diżabilità u mhux dawk biss li jkollhom sfida ta' mobbiltà.
Permezz tal-EU Disability Card, wieħed jista' jgawdi minn servizzi offruti minn 93 entità li sal-lum ingħaqdu f'din l-iskema fuq bażi volontarja. Dawn huma entitajiet privati, pubbliċi u NGOs f'oqsma varji bħal dak bankarju, kultura, divertiment, sport u trasport.
Dawn il-benefiċċji huma mifutħa wkoll għaċ-ċittadini mill-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Fillandja, l-Italja, is-Slovenja u r-Rumanija. Bl-istess mod, iċ-ċittadini Maltin li għandhom l-EU Disability Card jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji mogħtija fil-pajjiżi msemmija.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’inhuma l-kriterji mediċi li fuqhom l-Aġenzija Sapport tevalwa l-aspett mediku ta’ applikazzjoni għal personalised parking bay?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Avviż Legali 174 tal-2018, artikolu 3 fejn hemm elenkat il-kriterji tal-eliġibilità.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, tista’ l-Ministru tgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li f’Aġenzija Sapport hemm persuna waħda li hi relatata mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija. Din il-persuna hi impjegata bħala Support Worker f’Ċentru ta’ Matul il-Jum u ġiet impjegata wara sejħa pubblika ferm qabel il-ħatra tas-CEO. Fil-fatt, din l-impjegata bdiet fil-kariga tagħha fl-2021, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv kien maħtur fit-18 ta’ Mejju 2022.
Fil-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità hemm persuna waħda li hi relatata mal-Kummissarju tal-entità. Din il-persuna hi Maniġer tal-HR ġiet impjegata fi ħdan il-Kummissjoni 33 sena ilu, fl-1989 bħala skrivana mislufa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Fl-2000 hija ġiet detailed mal-Kummissjoni mad-daħla fis-seħħ tal-Att Dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilità), Kap. 413 tal-Liġijiet ta' Malta. Il-Kummissarju fl-istess entità ġiet maħtura 33 sena wara, jiġifieri fl-20 ta' Jannar 2021.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-bankini jkunu dejjem liberi għal dawk li jkunu jridu jużawhom u dan in vista tal-fatt li f'ħafna lokalitajiet, speċjalment f'dawk turistiċi, ħafna bankini qed ikunu ingumbrati b'imwejjed, siġġijiet jew affarijiet oħra li jkunu għal bejgħ?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2021 lil hawn, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, is-CRPD ħadet passi fuq 19-il każ. Dawn kienu maqsumin kif ġej: 14-il każ dwar bankini ingumbrati bi mwejjed u siġġijiet, każ ta' ingombrament minħabba tabella ta' ħanut u 4 każi oħra marbuta ma’ street furniture.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Advisors fuq kuntratti/direct orders
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtha ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità kellu Kuntratt wieħed b’rabta ma’ konsulenza li l-valur jammonta għal €9,600.
Filwaqt li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, mill-2018 sa 2022, ġew maħtura 4 advisors permezz ta’ kuntratti diretti u l-valur totali tagħhom jammonta għal €3,200 bejn l-istess 4 advisors. Ir-rwolijiet diversi tagħhom kienu marbutin biex tiġi provduta assistenza professjonali f’investigazzjonijiet li mexxa l-OCVO.
L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Agenzija Support, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni mir-Radjazzjoni Jonizzanti u mhux Jonizzanti u l-Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat ma kellhom l-ebda kuntratt b’rabta ma’ konsulenza.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux Memorandum of Understandings (MoUs) bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u xi entità oħra mill-bidu tal-2021 s’issa? Jekk saru, tista’ tgħid ma’ min, x’kien l-għan aħħari u tippreżenta kopja ta’ kull MoU?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tal-2021 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) daħlet fi tmien (8) Memoranda of Understanding (MOUs) skont it-tabella ta’ hawn taħt. Barra minn hekk, qiegħda nqiegħed kopja ta’ dawn il-memoranda fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ma’ min
Sena
L-Għan aħħari
L-Università ta’ Malta
2021
Kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà biex issir riċerka, konferenza annwali,
sponsorship
ta’ Award, u artiklu annwali fil-rivista tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.
Planning and Priorities Coordination Division u l-Funds and Programme Division fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru
2021
Kooperazzjoni bejn dawn l-entitajiet u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) f’diversi stadji tal-proġetti, sabiex dawn ikunu konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità.
Transport Malta
2021
Kooperazzjoni bejn Transport Malta u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) biex tingħata informazzjoni u data bejn iż-żewġ entitajiet.
National Statistics Office (NSO)
2021
Kooperazzjoni bejn l-NSO u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) biex tingħata/tinqasam informazzjoni u data bejn iż-żewġ entitajiet.
Aġenzija żgħażagħ
2021
Kollaborazzjoni bejn Aġenzija żgħażagħ u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) biex jsiru laqgħat informattivi għal żgħażagħ b’diżabilità u attivitajiet oħra.
Malta Information Technology Agency (MITA) u Segretarju Parlamentari tal-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni
2021
Ftehim bejn l-MITA, CRPD u Segretarju Parlamentari tal-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni, bħala l-fundaturi tal-
Foundation for Information Technology Accessibility
(FITA)
Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA)
2022
Kollaborazzjoni bejn l-MCCAA u CRPD biex ikun hemm kampanji ta’ informazzjoni u assistenza bejn iż-żewġ entitajiet.
Malta Communications Authority (MCA)
2022
Kollaborazzjoni bejn l-MCCAA u CRPD biex ikun hemm moniteraġġ u rapurtar kif mitlub fid-Direttiva (EU) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq Aċċessibilità ta’ websites u applikazzjonijiet tal-mobajl ta’ entitajiet fis-settur Pubbliku.
Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm ilmenti minn konsumaturi dwar il-fatt li qed jittieħdu passi biex it-trasmissjoni ta' stazzjonijiet tat-TV bil-free to air (permezz ta' aerials jew antenni) jieqaf? Jekk iva x'passi ttieħdu?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, riċentament irċieva żewġ mistoqsijiet għall-informazzjoni f’dan ir-rigward. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dan it-tip ta’ każ mhuwiex regolat mil-liġijiet tal-konsumatur li tamministra l-MCCAA.
Madankollu, kif diġà tħabbar pubblikament, il-Gvern bħalissa permezz tal-Ministeru konċernat għaddej bi proċess ta’ outreach biex ikun stabbilit l-ammont preċiż ta’ familji li għadhom isegwu t-trasmissjonijiet televiżivi free to air permezz ta’ aerial fuq il-bejt. Dan biex il-Gvern ikun jista’ jgħin lil dawn il-familji.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — konsulenzi
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 333 u tagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Tista’ tgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Tista’ tgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda konsulenzi mħallsin s’issa f’din il-leġiżlatura minn dan il-Ministeru.
Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur – impenji u talbiet għal ordni ta’ tħaris
Question
Tista’ l-Ministru tgħid mill-bidu tal-2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il-impenn fil-kuntest tal-artikolu 12A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 aċċetta d-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur u fir-rigward ta’ liema qasam kienu dawk l-impenji li ġew aċċettati? Tista’ tgħid mill-bidu tal-2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il ordni ta’ tħaris intalbet mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur fil-kuntest tal-artikolu 12Ċ(1)(ċ)(iii) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2022 sa issa ma sarux proċeduri ta’ impenji stabbiliti fl-artikolu 12A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378; u ma ntalbux ordnijiet ta’ tħaris mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) skont l-artikolu 12Ċ(1)(ċ)(iii) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.
Nieħu l-opportunità li hawn ninnota li matul dan il-perjodu, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, f'konformità mal-artikolu 17(1)(f) tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, intervjenew ma’ numru ta’ kummerċjanti fejn kien hemm allegat ksur tal-liġijiet tal-konsumatur, u fejn dan wassal għall-osservanza volontarja qabel ma nbdiet azzjoni ġudizzjarja.
Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – talbiet biex issir investigazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid mill-2020 s’issa kemm-il talba saret skont l-artikolu 12 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379 lid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) biex dan jagħmel investigazzjoni? F’kull każ tista’ telenka minn min saret it-talba u fir-rigward ta’ liema settur saret?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li mill-2020 sal-lum, saret talba waħda mill-Ministru responsabbli għall-affarijiet tal-kompetizzjoni biex issir investigazzjoni. Din kienet tirrigwarda s-settur tat-telekommunikazzjoni.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — infiq f’reklamar fuq media
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tħallsu €16,180.25 f’reklamar lil Net FM u Media.link mill-2017 sal-lum il-ġurnata.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha skont l-entità/awtorità?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-profili tal-kapijiet eżekuttivi u kummissarju, kif espost fuq is-siti uffiċjali tal-entitajiet rispettivi, flimkien ma’ tabella dwar chairpersons u kummissarju oħrajn, li jaqgħu wkoll taħt dan il-Ministeru.
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed tieħu d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward tal-Ponzi Schemes, li minn informazzjoni li għandi, kienu l-kaġun li numru ta’ ċittadini Maltin tilfu mijiet ta’ euro u dan peress li tali skema tista’ tikkostitwixxi prattika kummerċjali inġusta skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 – b’mod partikolari fid-dawl ta’ dak li jingħad fil-paragrafu 14 tal-Ewwel Skeda tal-istess liġi u ċjoè:
"14. Fejn il-kummerċjant/a jistabbilixxi/tistabbilixxi, jopera/topera jew jippromwovi/tippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta’ prodotti.".
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi hekk imsejħa ‘Ponzi schemes’ u li għalihom qed issir referenza huma relatati ma’ investimenti u servizzi finanzjarji li huma regolati minn liġijiet settorali speċifiċi amministrati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-paragrafu 14 tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jitkellem fuq skemi promozzjonali piramidali li m’humiex skemi ta’ investiment finanzjarju. Bħalissa m’hemmx każijiet li jaqgħu taħt dan l-artikolu u li dwarhom dan l-Uffiċċju huwa a konoxxenza.
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu da parti tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward tal-eventwali tħaddim tad-Digital Markets Act tal-UE?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju qed jipparteċipa f’numru ta’ laqgħat li qed isiru bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri dwar li l-provvedimenti tal-Att dwar is-Swieq Diġitali u kif dawn se jkunu qed jiġu mħaddmin u ssalvagwardati. Fl-istess waqt dawn il-laqgħat qed iservu biex jiġu identifikati funzjonijiet u proċeduri ġodda skont il-ħtieġa.
Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – diskussjonijiet dwar l-infiq u d-dħul quddiem il-PAC
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, sena b’sena, mill-2017 s’issa, ġew diskussi quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, l-infiq u d-dħul tal-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2017 sal-lum, qatt ma ġejna mitlubin niddiskutu l-infiq u d-dħul tal-Awtorità quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Ta' min jinnota wkoll li fil-perjodu msemmi, l-MCCAA qatt ma ġiet innotifikata dwar xi tħassib fuq ir-rappurtaġġ finanzjarju tagħha.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li kellhom encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċertu żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma ntużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera, mill-2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx persuni fil-vesti ta’ CEOs jew Heads li waslu għall-età tal-irtirar minn kull entità taħt dan il-Ministeru.
Bord appuntat mis-CRPD – persuni eleġibbli għal personalised parking bay
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’inhuma l-kriterji li fuqhom il-bord appuntat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) kien jiddeċiedi jekk persuna hix eleġibbli għall-personalised parking bay? Tista’ tgħid jekk dan il-bord għadux jieħu dawn id-deċiżjonijiet u jekk le, min qed jieħu dawn id-deċiżjonijiet?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-bord li ssir referenza għalih fil-interpellazzjoni tagħha kien jevalwa biss l-aspett mediku tal-applikazzjoni, liema applikazzjoni taqa' taħt ir-responsabilità ta' Transport Malta. Il-Kriterji jinsabu f'Regolament 78 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Marzu 2022, l-evalwazzjoni medika għaddiet għand l-Aġenzija Sapport.