Permessi ta’ residenza – Applikazzjonijiet għal tiġdid u applikazzjonijiet ġodda
Question
B’referenza għall-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza sottomessi lill-Aġenzija Identità matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet kienu għat-tiġdid ta’ permessi eżistenti, u kemm kienu applikazzjonijiet ġodda sottomessi għall-ewwel darba?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.
Permessi ta’ residenza – Applikazzjonijiet sottomessi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi lill-Aġenzija Identità, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.
Infrastructure Malta – Programm ta’ manutenzjoni tat-toroq
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1859 u jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex programm ta’ manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji, u jekk fl-affermattiv jagħti dettalji tax-xogħlijiet li saru mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż jekk ix-xogħlijiet f’dan il-programm jinkludux it-tindif u/jew tiswija ta’ tabelli, bollards, mirja u guardrail reflectors, kif ukoll it-tneħħija ta’ veġetazzjoni illi qed tgħatti s-sinjali tat-traffiku?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi t-toroq arterjali u distributorji jiġu spezzjonati regolarment sabiex jiġu identifikati l-interventi meħtieġa u jsiru t-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa tal-assi kollha li jinsabu f’dawn it-toroq. Barra minn hekk, issir il-koordinazzjoni meħtieġa ma’ entitajiet pubbliċi u kumpaniji privati oħra, sabiex jiġi żgurat li l-manutenzjoni tal-assi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom titwettaq min-naħa tagħhom.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1858 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Infrastructure Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1857 u jgħid jekk il-miri relatati mal-proġett tal-flyover tal-Marsa li t-travel time jitnaqqas b’79%, it-tniġġis jitnaqqas b’70% u li għal kull €1 miljun li ġie investit ikun hemm ritorn ta’ €4.2 miljun f’benefiċċji bħal tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar, inqas konsum ta’ fuel u inqas inċidenti, eċċ., intlaħqux? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li setgħu saru mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jikkonfermaw dawn il-perċentwali u ċifri?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-miri msemmija intlaħqu, u dan abbażi ta’ analiżi interna li saret wara li intemm il-progett.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol (rikostruzzjoni tat-toroq) diġà maqbul mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fi Triq il-Muża, parti minn Triq Santa Margerita, parti minn Triq it-Tabib Nikola Zammit, Triq iż-Żerniq u Triq l-Għid, peress li dawn it-toroq kienu diġà fil-lista ta’ Infrastructure Malta u kellhom jitlestew sas-sena 2024?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-kas ta’ l-imsemmija lokalita’ saru xogħlijiet f’diversi toroq fosthom Triq Anabelle Vassallo, Triq Imqabba, Triq il-Knisja Qaddima, Triq Eusebio Buhagiar, Triq Nikolo Baldacchino, Triq Giancomo Leopardi u s-sqaq, Triq Ta’ Kandja, Triq Salvu Borg Olivier, Parti minn Blat il-Qamar, Triq tar-Rangu, Limiti ta’ Żejnu, Sqaq fi Triq il-Panoramika, Triq Santu Kristu tal-Għolja, Triq il-Madonna tal-Girgenti, Triq Wied tal-Lewża, Parti minn Triq Għajn il-Kbira, Sqaq fi Triq Ċensu Moran, Sqaq fi Triq San Lawrenz tal-Għolja, Sqaq fi Triq Wied Ħanżir, Sqaq ta’ Għaqba, Triq tal-Għaqba, Triq Wied Kosta u parti minn Triq Gianpula. Fil-frattemp, bħalissa qed isiru proġetti maġġuri f’din l-istess lokalita’ fosthom Vjal Kulħadd fi Triq Monsinjur Mikiel Azzopardi u t-twessiegħ ta' Triq Bur il-Kbir li sservi ta' rotta alternattiva għall-dawk li jivvjaġġaw fiż-żoni tal-madwar.
Ix-xogħlijiet fit-toroq jiġu allokati skond l-esiġenzi u l-prioritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom.
Iż-Żejtun – Triq id-Daħla ta’ San Tumas – Xogħlijiet
Question
B’referenza għax-xogħlijiet marbutin mat-twessiegħ ta’ Triq id-Daħla ta’ San Tumas, fiż-Żejtun, imħabbra xi xhur ilu mill-Ministru responsabbli fil-leġiżlatura preċedenti, u li ġew konklużi fil-ġimgħat li għaddew, jista’ l-Ministru jgħid:
i. jekk sarx studju dwar il-bżonn u/jew l-impatt tal-imsemmija xogħlijiet;
ii. kemm sewa l-akkwist tal-proprjetà li twaqqgħet u reġgħet inbniet biex seta’ jsir it-twessigħ u jqiegħed kopja tal-kuntratt tal-akkwist fuq il-Mejda tal-Kamra; u
iii. liema kuntrattur eżegwixxa x-xogħlijiet kollha u jekk dan intgħażilx wara sejħa pubblika għall-offerti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar studju xjentifiku qabel ma nkisbu l-permessi neċessarji sabiex ikun jista’ jibda x-xogħol. Fir-rigward tal-miżuri ta’ traffic calming, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet tekniċi mal-Transport Malta.
Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 – Sponsorship/appoġġ finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, jew xi entità, aġenzija jew awtorità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sponsorjatx jew tat xi forma ta’ appoġġ finanzjarju għall-avveniment bl-isem “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll liema entità jew entitajiet taw dan l-isponsorship jew appoġġ, kemm kien l-ammont imħallas jew imwiegħed minn kull waħda minnhom, u lil min sar jew se jsir il-ħlas? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokument ieħor li abbażi tiegħu sar jew se jsir dan il-ħlas?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.
Persuni li jaħdmu u rreġistrati bħala persuni qiegħda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nstabu li kienu qed jaħdmu waqt li kienu għadhom irreġistrati ma’ Jobsplus bħala persuni li qed ifittxu impjieg, mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Għal kull sena, jista’ jgħid:
i. kemm minn dawn il-persuni tneħħew mir-reġistru tal-qgħad;
ii. kemm kienu suġġetti għal azzjoni ta’ infurzar;
iii. kemm minn dawn il-każijiet wasslu għal proċeduri fil-qorti; u
iv. jekk bħala riżultat ta’ dawn il-każijiet, ġewx irkuprati xi benefiċċji jew ħlasijiet oħra u jekk iva, x’kien l-ammont totali rkuprat?
Response (ATTARD, JONATHAN)
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2529, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li
fl-2024, mill-4 persuni li nstabu li allegatament kienu qed jaħdmu waqt li kienu għadhom irreġistrati, 3 kienu suġġetti għall-ħlas tal-penali amministrattiva, filwaqt li fil-każ l-ieħor irriżulta li ma kienx hemm biżżejjed provi. Wieħed mil-każijiet fejn intbgħatet il-multa amministrattiva, tressaq il-Qorti minħabba li l-individwu baqa l-inadempjenti filwaqt li ż-żewġ każijiet l-oħra għad irridu jitressqu l-Qorti. Il-persuna li tressqet il-Qorti instabet ħatja u ġiet immulltata
€500.
Fl-2025, mill-4 persuni li nstabu li allegatament kienu qed jaħdmu waqt li kienu għadhom irreġistrati, 3 kienu suġġetti għall-ħlas tal-penali amministrattiva, filwaqt li fil-każ l-ieħor irriżulta li ma kienx hemm biżżejjed provi. Dawn it-3 individwi kollha ħalsu l-multa amministrattiva ta’
€500.
Fl-2026, mis-6 persuni li nstabu li kienu
allegatament
qed jaħdmu waqt li kienu għadhom irreġistrati, s’ issa 3 kienu suġġetti li jħalsu l-multa amministrattiva u t-3 l-oħra għadhom pendenti għax dawn instabu f’Awwissu. Mit-3 kienu suġġetti li jħalsu l-multa, persuna ħalset il-multa
amministrattiva ta’
€500.
Jobsplus ġabret ammont totali ta’ €2,500 f’penali amministrattivi skont il-provvedimenti tal-liġi (Artikolu 53). Fir-rigward ta’ jekk ġewx irkuprati xi benefiċċji, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Jobsplus ma għandhiex din l-informazzjoni, peress li l-benefiċċji ma jitħallsux minn Jobsplus.
Jista’ l-Ministru jgħid, għal kull sena mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari:
i. it-total ta’ spezzjonijiet u investigazzjonijiet li twettqu mil-Law Compliance Unit ta’ Jobsplus;
ii. kemm minn dawn kienu spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post u kemm kienu investigazzjonijiet ibbażati fuq xogħol amministrattiv jew dokumentazzjoni (desk-based investigations);
iii. kemm minn dawn l-ispezzjonijiet fuq il-post twettqu barra l-ħinijiet normali tal-uffiċċju, inklużi fil-festi pubbliċi;
iv. it-total ta’ każijiet ta’ ksur tal-liġi jew irregolaritajiet li ġew identifikati; u
v. kemm minn dawn l-irregolaritajiet ġew identifikati bħala riżultat ta’ spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post u kemm bħala riżultat ta’ investigazzjonijiet ibbażati fuq xogħol amministrattiv jew dokumentazzjoni?
Jista’ wkoll jipprovdi din l-informazzjoni maqsuma xahar b’xahar?
Response (ATTARD, JONATHAN)
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2528, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta’ spezzjonijiet u investigazzjonijiet li twettqu mill-Law Compliance Unit ta’ Jobsplus mill-2024 sa Awwissu 2026 kien ta’ 15,851. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabelli bl-ispjegazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa qed jagħmlu użu mill-iskema taċ-Childcare? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-tfal għandhom inqas minn sitt xhur, kemm għandhom bejn sena u sentejn, u kemm għandhom bejn sentejn u tliet snin?
Response (ATTARD, JONATHAN)
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2440, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Awwissu kien hemm 6,838 tfal jagħmlu użu mill-iskema taċ-Childcare. Iżjed informazzjoni dwar l-eta’ tat-tfal tinsab mehmuża fit-tabella t’hawn taħt.
Eta’ Tfal jagħmlu użu mill-iskema taċ-Childcare 31/08/2026
0 sa 6 xhur 134
7 sa 12 xahar 701
13 xahar sa 24 xahar 2,422
25 xahar sa 36 xahar 2,874
Iżjed minn 36 xahar 707
Total 6,838
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan għax-xogħlijiet li għandhom isiru fi Triq iż-Żonqor, Wied il-Għajn, fid-dawl tal-fatt li din tinsab fi stat dilapidat, b’partijiet minnha ilhom snin magħluqin għall-pubbliku u mingħajr aċċess, kif ukoll partijiet oħra li ngħalqu minħabba l-maltemp li laqat il-gżejjer Maltin fil-bidu tas-sena? Jista’ jgħid ukoll meta huwa ppjanat li jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ tal-kosta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant, li għal dawn l-aħħar snin, Infrastructure Malta ilha għaddejja bi programm sħiħ ta’ tisħih tal-istrutturi marittimi f’Marsaskala inkluż San Tumas. Bosta strutturi li kienu fi stat dilapitat diġa’ nbnew mill-ġdid u frott ta’ dan seta’ jiġi osservat għax ma ġarrbu l-ebda ħsara fil-maltempata li seħħet fi Frar li għadda.
Rigward strutturi li ġarbu ħsarat fl-aħħar maltempata, saret talba għall-fondi biex jiġu mibnija mill-ġdid l-istrutturi li qed iżommu Triq iż-Żonqor. Id-dettalji għal dan ix-xogħol ġew ukoll ddisinjati. Ġaladarba jiġu allokati l-fondi, ikun jista’ jsir l-intervent neċessarju.
B’referenza għall-billboards li ttellgħu minn Infrastructure Malta fix-xhur ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali illi jgħidu “1,000 triq fl-aħħar sentejn”, jista’ l-Ministru:
i. jipprovdi lista bl-ismijiet ta’ kull triq u l-lokalità; u
ii. jgħid x’tip ta’ xogħlijiet saru f’kull triq, inkluż it-tul f’metri tal-istess xogħlijiet f’kull triq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1711 fl-intier tagħha u jgħid kemm mill-341,193 persuni li sal-aħħar ta’ Jannar 2026 kienu jaħdmu f’Malta u Għawdex fuq bażi full-time u part-time bħala impjieg ewlieni tagħhom, huma ċittadini Maltin, ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċittadini ta’ pajjiżi terzi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li minn numri indikati f’PQ 1711 aktar minn 72% tagħhom huma ħaddiema Maltin u ċittadini tal-UE, bil-kumplament ikunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1132 u jgħid kemm hi l-popolazzjoni massima li l-infrastruttura ta' Malta tista' ssostni (carrying capacity study), x'inhi din il-kapaċità u kif qed tiġi applikata?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Il-Gvern qed ikompli jinvesti b’mod sostanzjali fl-infrastruttura nazzjonali sabiex din tkun tista’ twieġeb għall-ħtiġijiet preżenti u futuri tas-soċjetà u tal-ekonomija Maltija. Dan l-investiment jinkludi toroq, infrastruttura marittima, spazji pubbliċi u pedonali, kif ukoll proġetti oħra li jtejbu l-konnettività, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-ħajja.
Kull sena qed jiġu allokati fondi rekord għal dan il-għan. Xhieda ta’ din il-ħidma huma l-proġetti infrastrutturali ewlenin li twettqu fl-aħħar snin, fosthom il-junctions tal-Marsa, tal-Kappara u taż-żona tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li taw kontribut importanti biex tittejjeb il-mobilità u l-effiċjenza tan-netwerk tat-trasport.
Dawn il-proġetti jikkumplimentaw ix-xogħol avvanzat li għaddej fuq il-proġett tal-Imsida Creek, flimkien ma’ proġetti infrastrutturali strateġiċi oħra li huma previsti fil-programm ta' ħidma tal-Gvern.
L-approċċ tal-Gvern huwa wieħed ta’ ppjanar fit-tul u investiment kontinwu, sabiex l-infrastruttura tal-pajjiż tkompli tissaħħaħ u timmodernizza b’mod sostenibbli, skont il-ħtiġijiet li jevolvu tal-pajjiż.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema toroq se jkun qed jinbeda xogħol ta' rikostruzzjoni, titjib ta' servizzi u għoti ta' tarmac ġdid fil-lokalità tal-Mosta sa tmiem is-sena 2026?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità tal-Mosta ser isir xogħol infrastrutturali f’parti minn Triq Sant’Anton Abbati, parti minn Triq l-Isperanza, Triq il-Kurat Bezzina, parti minn Triq il-Htajriet u parti minn Triq Baskal Buhagiar.
Jista’ l-Ministru jagħti dettalji, f'tabella, dwar kemm impjegati preżenti fi ħdan Identità rċevew taħriġ speċjalizzat fil-verifika tal-identità, is-cybersecurity u l-ġlieda kontra l-frodi?
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ fondi miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-applikazzjonijiet li ġew approvati fil-passat? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-fondi għal kull lokalità f’Malta u f’Għawdex u kemm kienu f’Diċembru 2024 u f’Diċembru 2025? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jinbidlu l-kriterji li fuqhom il-kunsilli lokali jistgħu jaċċessaw dawn il-fondi biex bihom ikunu jistgħu jwettqu bosta xogħlijiet li sal-lum mhux permess li jwettqu skont il-kriterji ta’ użu ta’ dawn il-fondi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.