Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10468 u jgħid kemm kienu dawk li applikaw għall-għotja fuq apparat li jippurifika l-ilma fl-2022 u jista’ jgħid x’inhuma l-għotjiet illum għal min jagħmel investiment simili?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 1,327 applikazzjoni matul is-sena 2022.
Applikanti li jikkwalifkaw jistgħu japplikaw għal waħda mill-għotjiet ta’ hawn taħt:
Għotja A: Sistema ta’ filtrazzjoni tal-ilma: Sistema ta’ ultrafiltrazzjoni jew mikrofiltrazzjoni, fejn l-apparat tal-filtrazzjoni nnifsu jirrizulta f’zero ħela ta’ ilma matul il-proċess ta’ filtrazzjoni. Dan jeskludi l-filtri tal-buqar. L-għotja tkopri 40% fuq il-prezz tax-xiri u l-installazzjoni ta’ apparat tas-Sistema ta’ Filtrazzjoni tal-Ilma suġġett għal għotja massima ta’ €100.
Għotja B: Sistema ta’ reverse osmosis: Sistema ta’ reverse osmosis fejn l-ilma rrifjutat iġġenerat mis-sistema matul il-proċess ta’ filtrazzjoni ma jiġix devjat lura lejn il-ħażna tal-ilma residenzjali għall-użu mill-ġdid. L-għotja tkopri 15.25% fuq il-valur tax-xiri u installazzjoni ta’ apparat tar-reverse osmosis, sa għotja tal-valur massimu ta’ €100.
Għotja C: Sistema ta’ reverse osmosis b’reject water return: Sistema ta’ reverse osmosis fejn l-ilma ġġenerat mis-sistema li jigi riġettat matul il-proċess ta’ filtrazzjoni jiġi devjat lura lejn il-ħażna tal-ilma residenzjali għall-użu mill-ġdid. L-għotja tkopri 40% fuq il-prezz tax-xiri u l-installazzjoni ta’ reverse osmosis b’reject water return suġġett għal għotja massima ta’ €300.
Jista’ l-Ministru jgħid liema prodotti agrikoli ġew esportati minn Malta mill-1 ta' Jannar, 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema prodotti agrikoli ntbagħtu minn Malta għal pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tabella
A
turi l-prodotti agrikoli esportati minn Malta, filwqat li t-tabella
B
telenka l-prodotti agrikoli esportati minn Malta għall-pajjizi tal-Unjoni Ewropea. Din l-informazzjoni tkopri mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Mejju 2023.
Għajnuna finanzjarja mill-UE għal Malta fi żmien il-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet għajnuna finanzjarja Malta mingħand l-Unjoni Ewropea biex tikkumbatti l-COVID-19? X’forma ta’ għajnuna oħra ħadet, apparti dik finanzjarja?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 679.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi apparti dak li diġà ġie spjegat, kien hemm ukoll madwar €19-il miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali allokati għal spiża relatata direttament mal-pandemija u €11.1-il miljun mir-REACT-EU allokati għal spiża sabiex jinxtara apparat mediku għar-reżiljenza fis-sistema tal-kura tas-saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Gvern biex nimxu lejn il-mudell Olandiż ta' high-skilled labour, kif semma hu stess fil-Kamra tar-Rappreżentanti fil-jiem li għaddew?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istrateġija tal-Gvern jista’ jsibha fil-Politika Nazzjonali għas-Suq tax-Xogħol li ġiet ippubblikata f’Ottubru 2021.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — tenders dwar xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali u xogħol ta’ sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi l-offerti tenders pubbliċi kollha aġġudikati u mirbuħa għax-xogħol ta' tindif, xogħol klerikali, xogħol ta' sigurtà, jew kwalunkwe xogħol estern ieħor li jsir minn aġenziji li ngħataw matul is-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux informazzjoni dwar il-paga medja tal-persuni b’diżabilità għal dawk il-persuni impjegati full-time, part-time eċċ. separatament għal kull kategorija? Jekk iva, kif titqabbel din il-paga medja mal-paga medja nazzjonali għal kull kategorija? Jekk hemm differenza f’dawn il-pagi, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed tiġi indirizzata din id-differenza?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-NSO ma jkollhiex l-informazzjoni hekk kif mitluba fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux kompost l-Enforcement Decisions Committee fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA)? Jekk hu kompost, jista’ jgħid min huma l-membri tiegħu, kemm hu t-terminu tal-ħatra ta’ kull membru u abbażi ta’ liema kriterji ġew appuntati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-ġurnata ta’ din ir-risposta, l-Enforcement Decisions Committee fi ħdan l-MFSA għadu mhux kompost.
Malta Development Bank u Malita Investments Company Board – membri tal-bord
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull membru tal-Bord tal-Malta Development Bank u ta' kull membru tal-Bord tal-Malita Investments Company Board?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant illi rigward r-remunerazzjoni ta’ kull membru tal-Bord tal-Malta Development Bank, biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10709.
Rigward r-remunerazzjoni ta’ kull membru tal-Bord tal-Malita Investments Company Board, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' ħaddiema fi ħdan il-Ministeru mmexxi minnu fl-aħħar ta' Mejju 2023 u kemm minnhom kienu ċittadini Maltin?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 1,008 ħaddiema Maltin u 2 ħaddiema barranin fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — kuntratti mogħtija
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-ġurnata ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Għal kull każ jista’ jagħti:
a. id-data meta ngħata;
b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri;
ċ. il-valur tiegħu;
d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet;
e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u
f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?
Response (CARUANA, CLYDE)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni kif mitluba jinqabez l-Advisory Cost Limit kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.
Refuġjata kwalifikata li ma tistax taħdem ta’ infermiera
Question
Fid-dawl li refuġjata hi kwalifikata imma ma tistax taħdem ta' infermiera, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji u għaliex jeżistu dawn il-kriterji li jeskludu refuġjati milli jaħdmu fis-settur pubbliku?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Refuġjati li ma jistgħux jaħdmu bħala infermiera fis-servizz pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinbidlu l-kriterji li jeskludu refuġjati milli jaħdmu bħala infermiera fis-settur pubbliku b'ġustizzja lejn min hu refuġjat u fiċ-ċirkostanzi ta' nuqqas kbir ta' infermiera?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma rċeviex mid-Dipartiment tat-Taxxi dak li qed jinsisti li hu dovut lilu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li informazzjoni mitluba fuq persuna speċifika ma tistax tiġi pprovduta minħabba d-dispozizzjonijiet dwar is-segretezza uffiċjali. Il-persuna inkwistjoni tista' tikkuntattja lit-Taxpayer Services, sabiex l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi jkun jista' jassistih.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – konsulenti legali
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – membri ta’ bordijiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri preżenti kollha ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż iċ-Chairperson u s-Segretarju/a? Jista' jgħid x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull persuna fil-bord jew entità rispettiva?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 2218 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 2 ta' Ottubru 2023 f'Seduta 149)
Jista’ l-Ministru jgħid liema hu l-istrument legali li jirregola l-ħatra, il-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tal-Compliance Monitoring Committee fi ħdan il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Compliance Monitoring Committee mhux kumitat statutorju iżda kumitat imwaqqaf skont il-politika tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU. L-artikolu 18(2) tal-Att Kontra Money Laundering (Kapitlu 373 tal-Liġijiet ta’ Malta) jgħid li “Il-Bord ikun responsabbli ghall-politika li għandha tiġi adottata mill-Korp u li għandha tiġi esegwita u mwettqa mid-Direttur…”.
L-artikolu 13(2) tal-istess Att jgħid li l-pieni amministrattivi għandhom jiġu imposti mill-Korp konformement ma’ kull politika u proċedura stabbilita mill-Bord tal-Gvernaturi.
Għaldaqstant, il-Compliance Monitoring Committee huwa kumitat intern imwaqqaf skont proċeduri stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi dwar kif il-Korp għandu jiddeċiedi u jimponi il-pieni u miżuri oħra amministrattivi għal xi kontravvenzjoni, ksur jew nuqqas ta’ tħaris ta’ regoli, regolamenti, proċeduri jew direttivi.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — rata ta’ pagi lill-ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata tal-paga fis-siegħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imħallsa lill-ħaddiema kollha (elenkati skont ix-xogħol jew kif ġew ippubblikati l-offerti) li huma impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u jipprovdu servizz għall-Ministeru u l-awtoritajiet kollha, entitajiet tal-Gvern u kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10188.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma rċevietx iċ-ċekkijiet li qalet li għandha tirċievi mid-Dipartiment tat-Taxxi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8998.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – Direct Orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders u kemm kien l-ammont totali tal-valur tagħhom, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul l-2022, xahar b'xahar?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.