Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx fondi jew allokazzjonijiet finanzjarji speċifiċi maħsuba sabiex il-Gvern ikun jista’ jżomm il-prezzijiet tal-fjuwil stabbli f’każ ta’ żieda sostanzjali fil-prezzijiet internazzjonali?
ERA – Ħatra tal-Membri tal-Bord – Proċess u kriterji
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema proċess u kriterji jintużaw mill-Gvern fl-għażla u l-ħatra tal-membri tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u jekk dan il-proċess jinkludix kriterji ta’ meritokrazija, kompetenza, esperjenza u kwalifiki relatati mal-protezzjoni tal-ambjent? Tista’ tgħid ukoll jekk, qabel ma jinħatar membru fuq dan il-Bord, issirx evalwazzjoni formali tal-kwalifiki u l-esperjenza tiegħu, u jekk din l-informazzjoni tkunx disponibbli għall-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2470, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-membri tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi jinħatru skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta). Fil-ħatra tagħhom jiġu kunsidrati l-kompetenza, l-esperjenza, il-kwalifiki u l-ħiliet rilevanti għall-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Bord u tal-Awtorità. L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord hija disponibbli fid-dominju pubbliku.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri kollha attwali tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-kwalifiki akkademiċi, esperjenza professjonali u kompetenza rilevanti tagħhom fil-qasam tal-ambjent, l-ippjanar, il-konservazzjoni jew l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx kriterji minimi ta’ kwalifika u kompetenza ambjentali li għandhom jiġu sodisfatti minn persuni maħtura fuq dan il-Bord?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) huwa kompost skont l-Artikolu 6 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta). L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord hija disponibbli fid-dominju pubbliku.
Il-membri attwali tal-Bord huma dawn:
Chairperson
Perit Vincent Cassar
Deputy Chairperson
Prof. Manuel [Emanuel] Sinagra
Membri
Prof. Stephanie Fabri
Mr Martin Galea Degiovanni
Ms Charmaine Mangion
Dr Ing Christopher Ciantar
Mr Clarence Pace
Perit Kevin Fsadni
Mr Kurt Farrugia
Prof. Saviour Formosa
Mr Issak Koroma
Segretarja tal-Bord
Ms Lorna Farrugia
Fir-rigward tal-kwalifiki, l-esperjenza professjonali u l-kompetenza tal-membri, il-liġi tipprovdi l-parametri li fuqhom għandha tkun ibbażata l-kompożizzjoni tal-Bord u tistabbilixxi l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jinħatru fuq il-Bord, inklużi persuni b’esperjenza jew għarfien fil-qasam tal-attività tal-Awtorità u persuni bi kwalifiki jew esperjenza f’oqsma rilevanti, fosthom l-ambjent, ir-riżorsi, ix-xjenza, ir-riċerka, l-edukazzjoni u oqsma regolatorji u professjonali oħra.
Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tal-Bord prevista fil-liġi tinkludi wkoll membri mis-servizz pubbliku li għandhom esperjenza jew kwalifiki f’materji li jolqtu l-ambjent, is-saħħa ambjentali, il-politika soċjali jew ir-riżorsi, flimkien mal-membri indipendenti, il-membru nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-membru li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet volontarji fis-settur tal-ambjent.
L-Att ma jistabbilixxix kwalifika akkademika jew kompetenza speċifika li kull membru individwali għandu jkollu. Iċ-Chairperson tal-Bord jiġi approvat ukoll mill-Kumitat tal-Kamra għal Ħatriet Pubbliċi.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 576 fl-intier tagħha u tagħti lista tal-lokalitajiet/reġjuni madwar Malta u Għawdex li bejn l-1 ta’ April 2026 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, esperjenzaw qtugħ ta’ dawl, u f’kull istanza tgħid kemm dam il-qtugħ tas-servizz u x’kienet il-kawża tiegħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba diġà mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 576, ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1507 u tgħid kemm sewa l-impjant ta’ ġenerazzjoni ta’ emerġenza f’Delimara, kemm biex jinkera u kemm biex jopera, matul l-2025 u matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll għal kemm-il siegħa ntuża b’kollox kemm fl-2025 u kemm fl-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-impjant imsemmi ġie mikri b’investiment ta’ madwar €37 miljun.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21389 tal-Leġiżlatura XIV fejn ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-kumpanija, fejn hemm id-dettalji kollha.
L-impjant inkera sabiex jikkonsolida l-prinċipju ta’ N-1 fis-sistema elettrika nazzjonali u b’hekk jiżgura l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku. Fost oħrajn, dan l-impjant intuża meta l-Floating Storage Unit (FSU) kien fi storm mooring jew waqt xogħlijiet essenzjali fuq l-impjanti tal-gass jew l-Interconnector.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1506 u tgħid kemm swew il-generators temporanji li qed jitqabbdu f’partijiet differenti tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, kemm biex jinkrew u kemm biex joperaw, matul l-2025 u matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll għal kemm-il siegħa ntużaw b’kollox kemm fl-2025 u kemm fl-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.
Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Settembru 2026?
Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Awwissu 2026?
Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern wettaqx impact assessment dwar l-effett kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, tal-inklużjoni tat-trasport marittimu fl-Iskema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, tal-FuelEU Maritime u tal-obbligi relatati mal-avjazzjoni? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull impact assessment, economic model, studju jew konsultazzjoni li saret dwar l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq:
(a) l-ispiża tat-trasport marittimu u bl-ajru lejn Malta;
(b) l-importazzjoni ta’ ikel, mediċini u prodotti essenzjali;
(c) l-ispejjeż tal-fertilizzanti, l-imballaġġ, ir-refriġerazzjoni, il-ħażna u d-distribuzzjoni;
(d) l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja;
(e) il-kompetittività tal-importaturi u n-negozji Maltin u Għawdxin; u
(f) ir-riskju li dawn l-ispejjeż jiġu mgħoddija lill-konsumatur?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Gvern Malti dejjem ħadem b’reqqa fin-negozjati fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex jitħarsu l-interessi u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ Malta bħala Stat Membru insulari, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnettività marittima u tal-ajru, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, il-kompetittività tan-negozji, il-piż amministrattiv fuq l-SMEs u l-impatti possibbli fuq il-konsumaturi.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġew riflessi fil-pożizzjonijiet li Malta ressqet matul id-diskussjonijiet dwar il-Carbon Border Adjustment Mechanism (CBAM), l-EU Emissions Trading System, inkluż l-estensjoni tiegħu għat-trasport marittimu, il-FuelEU Maritime u strumenti Ewropej oħra relatati mat-tranżizzjoni klimatika.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-miżuri msemmija fil-mistoqsija ġew adottati fil-livell Ewropew permezz tal-proċess leġiżlattiv bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. L-Awtorità kompetenti flimkien ma’ entitatjiet oħra, qiegħda twettaq ħidma sabiex jiġu evalwati l-effetti individwali u kumulattivi ta’ dawn il-mekkaniżmi fuq Malta. Bħala parti minn din il-ħidma, qegħdin isiru analiżijiet tekniċi u ekonomiċi, ġbir ta’ data, konsultazzjonijiet mas-setturi milquta, sessjonijiet ta’ informazzjoni u seminars.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2126, 2966 u W523, tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx valutazzjoni tal-impatt finanzjarju fuq l-ekonomija Maltija tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li seħħ f’pajjiżna mill-1 ta’ Lulju sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, tista’ tippubblika din il-valutazzjoni u tagħti rendikont tal-impatt finanzjarju stmat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fir-rigward tal-provvista tad-dawl u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija tal-pajjiż, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-akbar telf u saħansitra staġnar fit-tul, l-ekonomija tal-pajjiż iġġarrabhom meta l-prezzijiet tad-dawl, u anke tal-ilma, tal-gass, tad-diesel u l-petrol, jogħlew minn xahar għal xahar mingħajr l-ebda ħjiel ta’ stabbiltà.
Il-Gvern preżenti dan għarfu sa mill-bidu nett u ħa deċiżjonijiet kuraġġużi biex fost l-oħrajn wettaq b’suċċess il-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gass. Din il-qalba ma għenitx biss biex jitnaqqsu l-emissjonijiet iżda wkoll biex il-Gvern, kif kien wiegħed minn qabel, raħħas il-kontijiet tal-dawl, u anke tal-ilma, għall-familji u n-negozji kollha. Dan is-serħan il-moħħ li ġabet magħha l-politika tal-Gvern preżenti kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku li pajjiżna tant kien jeħtieġ u grazzi għal dawn id-deċiżjonijiet għaqlin, ilkoll kemm aħna, qed ingawdu minn stabbiltà ekonomika.
Anke fi żmien ta’ kriżijiet globali bħall-pandemija tal-COVID-19 u kunflitti internazzjonali li ġabu u għadhom qed iġibu magħhhom sfidi ekonomiċi kbar, meta l-prezz internazzjonali tal-enerġija għola drastikament, żammejna l-prezzijiet stabbli. L-għoti tas-sussidju fuq l-elettriku u l-fjuwil qabeż il-€1 biljun u għen lill-familji u lin-negozji jibqgħu reżiljenti u kompetittivi.
Minkejja li hemm min għadu sal-lum jgħid li dan is-sussidju jrid jitwaqqaf, il-Gvern huwa kommess li jżomm politika ta’ stabbiltà. Fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, meta l-prezz tal-fjuwil kien jogħla kull xaħar u l-prezz tal-elettriku dejjem jiżdied, kulħadd kien ibati iżda l-aktar li kienu jħossu d-daqqa kienu l-familji u dawk l-aktar vulnerabbli. Aħna mhux se mmorru f’dik it-triq, għax dik mhix il-politika tagħna.
Kif diġà intrabatna mal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-programm elettorali, se nkomplu nħaddmu l-politika tagħna favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u nissussidjaw il-prezz tal-fjuwil, il-gass u l-kontijiet tad-dawl. Minkejja l-pressjoni li saritilna fl-aħħar snin u għadha qed issir, dan il-Gvern se jibqa’ jiddefendi l-politika tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Għal dan il-għan, il-Gvern se jkompli jintervjeni biex itaffi l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u ma jħallihomx jgħaddu direttament fuq il-konsumatur. Dan huwa l-mekkaniżmu konkret li permezz tiegħu l-Gvern qed jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-volatilità fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, filwaqt li jkompli jinċentiva investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika.
Dan il-Gvern huwa garanzija ta’ stabbiltà u hekk se jibqa’ jkun fiż-żmien li ġej. Li l-Gvern jibqa’ jagħti s-sussidju hija deċiżjoni strateġika li għandha żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li ma nitfgħux piżijiet fuq in-nies, fuq il-familji. F’mument fejn nafu li madwar id-dinja hawn sfida tal-inflazzjoni u ta’ instabbiltà, il-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex jgħin lill-familji u n-negozji. It-tieni għan hu li ċ-ċertezza li qegħdin nagħtu bi prezzijiet stabbli titrasmetti ruħha f’fiduċja fl-ekonomija. Dik il-fiduċja tħalli lill-pajjiż u l-ekonomija mixjin ‘il quddiem. B’hekk nibqgħu noħolqu l-ġid u dak il-ġid nistgħu nqassmuh.
Konna, għadna u se nibqgħu innovattivi, proattivi u deċiżivi. L-isfidi li qed iġġib magħha t-tibdil fil-klima u d-domanda, dejjem togħla, għall-elettriku se nkomplu nindirizzawhom ukoll – kemm f’dik li hija ġenerazzjoni, kemm fid-distribuzzjoni u anke fejn tidħol l-affordabilità għall-konsumatur. Din hija ċ-ċertezza li f’dawn l-aħħar snin żammitna ‘l bogħod minn telf ekonomiku jew saħansitra riċessjoni. Din hija ċ-ċertezza li kontinwament baqgħet tagħti lil pajjiżna stabbiltà ekonomika. Din hija ċ-ċertezza li tagħti s-serħan il-moħħ lill-poplu u n-negozji tagħna.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il qattus u qattusa ġew imsewwija fis-snin 2024 u 2025? Tista’ tgħid ukoll:
i. kemm minn dawn il-qtates kienu taħt il-kura ta’ NGOs jew voluntiera;
ii. kemm minnhom kienu taħt il-kura tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali; u
iii. kemm kienet in-nefqa fis-snin 2024 u 2025 biex dawn l-interventi setgħu jsiru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont ir-rekords amministrattivi tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, in-numru ta’ qtates li ġew imsewwija permezz tal-interventi reġistrati mid-Direttorat kien ta’ 1,861 fis-sena 2024 u 2,757 fis-sena 2025. In-nefqa mid-Direttorat fir-rigward ta’ dawn l-interventi kienet ta’ €127,483 fis-sena 2024 u €176,255 fis-sena 2025. Il-qtates inklużi f’dawn iċ-ċifri kienu reġistrati bħala li jinsabu taħt il-kura tad-Direttorat meta sar l-intervent.
Għaldaqstant, dawn iċ-ċifri ma jinkludux interventi li setgħu ġew organizzati jew iffinanzjati direttament minn NGOs, voluntieri, kunsilli lokali jew persuni privati mingħajr l-involviment tad-Direttorat. Id-Direttorat m’għandux informazzjoni komprensiva dwar tali interventi indipendenti.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa totali biex tittella’ s-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards? Tista’ tgħid ukoll kemm kienet in-nefqa totali tal-ħames edizzjonijiet preċedenti, maqsuma edizzjoni b’edizzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħolqu spazji miftuħa u żoni naturali matul il-leġiżlatura li għaddiet li huma kompletament ġodda, jiġifieri spazji li nħolqu mill-ġdid f’żoni jew artijiet li qabel ma kinux miftuħa jew aċċessibbli għall-pubbliku bħala ġonna, parks jew żoni naturali? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u tindika f’liema lokalità jinsabu?
Il-Mellieħa - Servizzi ta’ ilma u elettriku reġistrati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ta’ ilma u elettriku li huma reġistrati fil-lokalità tal-Mellieħa (kull parti tal-lokalità) u jekk reġistrati separatament, tagħti n-numru f’kull parti, pereżempju l-Għadira, Selmun, u l-kumplament tal-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-Mellieħa (kull parti tal-lokalità) hemm reġistrati 11,827 servizz tad-dawl u 10,586 servizz tal-ilma.
San Pawl il-Baħar - Servizzi ġodda tal-ilma u d-dawl - Talbiet pendenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ talbiet għal servizzi ġodda tal-ilma u dawl li għadhom pendenti fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ talbiet pendenti għal servizzi ġodda fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar huwa ta’ 13 fil-każ tas-servizz tal-ilma u 10 għas-servizz tad-dawl.
San Pawl il-Baħar - Servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma li ngħataw fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (kull parti tal-lokalità) bejn l-2022 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar - Servizzi ta’ ilma u elettriku reġistrati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ta’ ilma u elettriku li huma reġistrati fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (f’kull parti tal-lokalità) u, jekk reġistrati separatament, tagħti n-numru f’kull parti, pereżempju Buġibba, Burmarrad, l-Imbordin, il-Qawra, ix-Xemxija u l-kumplament tal-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’San Pawl il-Baħar (kull parti tal-lokalità) hemm reġistrati 28,470 servizz tad-dawl u 26,220 servizz tal-ilma.
B’referenza għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-proġett f’Kemmuna, li jinvolvi fost oħrajn 800 siġra, 44 pixxina, 16-il villa u 140 kamra ta’ lukanda, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il membru tal-Bord ivvota favur, kemm ivvotaw kontra u kemm astjenew, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti u d-dokumentazzjoni relatata mal-votazzjoni? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Membri tal-Bord li pparteċipaw fid-deċiżjoni ddikjarawx kwalunkwe kunflitt ta’ interess, u jekk iva, x’kienu dawn id-dikjarazzjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Skeda tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap 549 tal-Liġijiet ta’ Malta) il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li jsiru fil-pubbliku huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.
ERA – Deċiżjonijiet dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri konkreti qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti jkunu trasparenti, imparzjali u bbażati fuq kriterji tekniċi u xjentifiċi ċari? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern għandux pjan biex jippubblika b’mod aktar dettaljat il-kriterji, valutazzjonijiet u raġunijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ dan it-tip?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti bħal dawn jittieħdu b’mod trasparenti f’laqgħa miftuħa għall-pubbliku, li matulha jitqiesu l-valutazzjonijiet tal-konsulenti involuti fl-istudji u tad-Direttorat fi ħdan l-Awtorità, kif ukoll il-kummenti tal-applikant u tal-pubbliku. Il-proċess innifsu, u l-istħarriġ li fuqu tkun imsejsa l-valutazzjoni tal-proġett, isegwu l-gwida li r-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (L.S. 549.46) jipprovdu dwar kriterji tekniċi, xjentifiċi u proċedurali. L-informazzjoni kollha rilevanti, bħad-Deskrizzjoni tal-Proġett, l-eżitu tal-iskrutinju tal-valutazzjoni tal-impatti ambjentali (VIA), ir-rapport dettaljat tal-VIA, ir-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat lill-Bord, u d-deċiżjoni meħudin, ilkoll ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.