Legislature:
Category:
Reset
Active:

SportMalta – Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema faċilitajiet sportivi huma amministrati minn SportMalta u għal kull waħda minnhom jindika: i.    il-baġit annwali għall-manutenzjoni; ii.   x’kienet l-ispiża matul l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari; iii.   jekk hemmx xogħlijiet pendenti; u iv.   meta huma mistennija jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li SportMalta tamministra l-Cottonera Sports Complex, il-Marsa Sports Complex, in-National Pool Complex, il-Kirkop Sports Complex, Ta’ Kandja Shooting Range u l-M’Assumpta Sports Complex. L-allokazzjoni annwali għall-manutenzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet hija ta’ madwar €500,000. Din l-allokazzjoni tkopri l-manutenzjoni ordinjarja u ma tinkludix nefqa relatata ma’ proġetti kapitali jew investimenti infrastrutturali. In-nefqa fuq il-manutenzjoni kienet ta’ madwar €400,000 matul is-sena 2025, filwaqt li sal-lum fl-2026 tammonta għal madwar €200,000. Il-manutenzjoni tal-faċilitajiet titwettaq b’mod kontinwu u skont il-ħtiġijiet operattivi ta’ kull sit, sabiex dawn jibqgħu f’kundizzjoni tajba u jkunu jistgħu jkomplu jservu lill-utenti tagħhom. Minbarra l-manutenzjoni ta’ rutina, qed jitwettqu wkoll diversi interventi ta’ manutenzjoni straordinarja u titjib infrastrutturali, fosthom ix-xogħlijiet fuq is-saqaf u l-upgrade tas-sala prinċipali tal-Cottonera Sports Complex, li huma mistennija jitlestew sa Settembru. Qed jitmexxew ukoll ix-xogħlijiet relatati mal-grawnd ta’ Ħal Kirkop permezz ta’ sejħa għall-offerti maħruġa mill-Foundation for Tomorrow’s Schools (FTS), filwaqt li l-estensjoni tal-M’Assumpta Sports Complex tinsab għaddejja.

AIMS – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta' konsulenti li għandha l-AIMS, jgħid kemm tħallsu mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm minnhom għadhom attivi u jekk humiex on a retainer basis?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Skejjel – Textbooks – Involviment tal-edukaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-edukaturi humiex involuti b’mod dirett fl-għażla, ir-reviżjoni u l-evalwazzjoni tat-textbooks qabel ma jiġu introdotti fil-klassijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li li l-evalwazzjoni tar-riżorsi edukattivi hija proċess kontinwu li jsir permezz ta’ diversi mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u feedback. Id-Direttorat jaħdem b’mod regolari mal-edukaturi u mat-tmexxija tal-iskejjel sabiex jiġi żgurat li l-istudenti jkollhom aċċess għal riżorsi edukattivi ta’ kwalità li jwieġbu għall-ħtiġijiet tagħhom.

Sena skolastika 2026-2027 – Textbooks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew introdotti textbooks ġodda jew riveduti għas-sena skolastika 2026–2027? Jista’ jgħid ukoll jekk l-għalliema ngħatawx biżżejjed żmien biex jippreparaw ruħhom fid-dawl ta’ dawn il-bidliet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-Direttorati u d-Dipartimenti rispettivi jirrevedu u jevalwaw b’mod regolari r-riżorsi edukattivi u t-textbooks użati fl-iskejjel, sabiex jiġi żgurat li jibqgħu allinjati mas-sillabi u mal-ħtiġijiet edukattivi. Meta jitqies meħtieġ, jiġu introdotti kotba jew edizzjonijiet ġodda, isiru aġġornamenti tar-riżorsi eżistenti jew jiġu adottati skemi differenti, wara l-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-edukaturi u mal-partijiet konċernati. Dan huwa proċess kontinwu li jsir skont il-ħtiġijiet pedagoġiċi u l-iżviluppi fil-kurrikulu, bil-għan li l-istudenti u l-edukaturi jkollhom aċċess għal riżorsi ta’ kwalità. Infurmat li d-Dipartiment tal-Malti jevalwa b’mod regolari kotba ġodda li jiġu ppubblikati u sottomessi mill-pubblikaturi. Il-kotba li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sillabu u l-kriterji pedagoġiċi jiġu inklużi fil-lista tal-kotba approvati, minn fejn l-għalliema jagħżlu r-riżorsi li jqisu l-aktar xierqa għall-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom. Matul dan il-proċess ġew introdotti xi kotba ġodda kemm fil-livell tal-Iskola Primarja kif ukoll tal-Iskola Medja fil-qasam tal-lingwa. Barra minn hekk, il-kotba tal-qari jiġu evalwati kontinwament kemm mid-Dipartiment tal-Malti kif ukoll mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, sabiex il-lista ta’ kotba rakkomandati tibqa’ aġġornata. Fir-rigward tal-letteratura fil-livell Sekondarju, saret reviżjoni tal-ktieb preskritt u ġiet ippubblikata ristampa tiegħu. Fil-qasam tal-Ingliż fil-Primarja, il-kotba wkoll jgħaddu minn proċess ta’ evalwazzjoni biex jiġi żgurat li jkunu allinjati mas-sillabu, filwaqt li l-iskejjel jagħżlu l-iskemi li l-aħjar jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom. F’oqsma oħra tas-sillabu, isiru evalwazzjonijiet perjodiċi bbażati wkoll fuq il-feedback tal-edukaturi. Pereżempju, fil-Primarja, qed tkun ippjanata evalwazzjoni tar-riżorsi tal-Istudji Soċjali li ser tibda matul din is-sena. Fir-rigward tal-bidliet fl-iskemi ta’ kotba, ma sarux tibdiliet sostanzjali, ħlief fil-każ tal-Matematika fil-Primarja, fejn numru ta’ skejjel talbu li jadottaw skema differenti. F’dawn il-każijiet, il-bidla saret b’koordinazzjoni bejn l-iskejjel u t-timijiet tad-Dipartiment tal-Matematika sabiex tiġi żgurata preparazzjoni adegwata. Fil-każ tas-suġġett tal-Engineering Technology, ġie introdott ktieb ġdid għal waħda mis-snin, żviluppat bil-kontribut dirett tal-edukaturi tas-suġġett.

Skejjel tal-Istat – Textbooks – Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi għall-provvista tat-textbooks fl-iskejjel tal-Istat matul l-aħħar tliet snin u jekk din l-allokazzjoni żdiditx?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-allokazzjoni għall-provvista tat-textbooks fl-iskejjel tal-Istat żdiedet fl-2024 u baqgħet tinżamm fil-livell meħtieġ fis-snin ta’ wara sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-proċess ta’ akkwist. Infurmat ukoll li, matul l-aħħar snin, in-nefqa baqgħet dejjem fi ħdan il-fondi allokati għal dan l-iskop. Fir-rigward tas-sena 2026, in-nefqa finali tkun tista’ tiġi stabbilita biss wara li jitlesta l-proċess kollu tal-akkwist u d-distribuzzjoni tat-textbooks kif jidher fit-tabella hawn taħt. Sena Nefqa 2024 €1,731,762 2025 €1,478,698 2026 In-nefqa finali tiġi stabbilita wara li jitlesta l-proċess tal-akkwist u d-distribuzzjoni tat-textbooks.

Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Użu tal-Intelliġenza Artifiċjali – Linji gwida/politika adottata

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 726.

Il-Wardija – Skola Dun Manwel Attard – Studenti ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 508 rigward studenti ġodda fl-iskola Dun Manwel Attard fil-Wardija għas-sena skolastika 2026-2027, jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm studenti fl-ewwel sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li se jkun hemm 11-il student ġdid li se jidħlu l-iskola tal-Wardija fis-sena skolastika 2026-2027. Qed inpoġġi stqarrija numru 261026 maħruġa f'dan ir-rigward fuq il-mejda tal-Kamra.

Sena skolastika 2026-2027 – Textbooks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beda l-proċess ta’ akkwist u distribuzzjoni tat-textbooks għas-sena skolastika 2026–2027 u jekk hemmx skeda pubblika ta’ milestones biex jiġi żgurat li kollox jasal fil-ħin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-proċess tal-akkwist u d-distribuzzjoni tat-textbooks għas-sena skolastika ta’ wara jibda immedjatament wara li tintemm is-sena skolastika preċedenti. Fl-ewwel fażi, l-uffiċjali edukattivi u l-iskejjel jidentifikaw il-kotba u l-kwantitajiet meħtieġa għas-sena skolastika li tkun ġejja. F’ċerti suġġetti, l-iskejjel għandhom ukoll l-opportunità jagħżlu l-iskema ta’ kotba li jixtiequ jużaw minn lista approvata, filwaqt li jistgħu jipproponu wkoll skemi ġodda biex jiġu kkunsidrati. Din il-fażi ssir b’attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-għażla tal-kotba tirrifletti l-ħtiġijiet edukattivi tal-iskejjel. Wara, jitħejjew id-dokumenti tat-tender, li jinkludu verifiki tekniċi u amministrattivi, fosthom il-konferma tal-ISBNs, il-validità tagħhom u li qed jiġu akkwistati l-edizzjonijiet korretti u l-aktar aġġornati tal-kotba. Ladarba d-dokumentazzjoni tkun lesta u tgħaddi mill-verifiki u l-approvazzjonijiet meħtieġa mid-Direttorati u d-Dipartimenti kompetenti, inklużi l-Procurement Unit tal-Ministeru u d-Dipartiment tal-Kuntratti, it-tender jiġi ppubblikat. Minn hemm jibda l-perjodu għas-sottomissjoni tal-offerti, waqt li jingħataw ukoll il-kjarifiki meħtieġa lill-operaturi ekonomiċi fejn ikun il-każ. Wara l-għeluq tas-sejħa, issir l-evalwazzjoni tal-offerti skont il-proċeduri stabbiliti, sabiex jiġi żgurat li l-proċess ikun trasparenti, ġust u effiċjenti. L-aħħar fażi hija d-distribuzzjoni tal-kotba lill-iskejjel, li titwettaq permezz ta’ pjan koordinat sabiex il-kotba jaslu fil-ħin għall-bidu tas-sena skolastika.

Sena skolastika 2026-2027 – Kotba

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ ras l-edukaturi u l-ġenituri li l-proċess ta’ ordni, stampar u distribuzzjoni tal-kotba se jkun komplut qabel il-ftuħ tal-iskejjel għas-sena skolastika 2026 – 2027?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-proċess għas-sottomissjoni tal-offerti mill-fornituri għall-kotba tal-Lingwi, is-suġġetti tal-Humanities, il-Matematika, is-suġġetti STEM u l-VET jagħlaq matul din il-ġimgħa. Minnufih wara tibda l-evalwazzjoni tal-offerti, flimkien mal-laqgħat meħtieġa bħala parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni. Infurmat li L-intenzjoni hija li dan il-proċess jitlesta fil-ħin sabiex il-kotba jkunu jistgħu jiġu akkwistati u mqassma qabel il-ftuħ tas-sena skolastika. Infurmat li Fir-rigward tat-tender għall-kotba tal-Malti bħala Lingwa Barranija, infurmat li l-proċess ġie konkluż u jinsab lest.

Sena skolastika 2025-2026 – Textbooks mhux disponibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li wasslu biex xi textbooks ma kinux disponibbli fil-bidu tas-sena skolastika li għaddiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentati 1694, ninsab infurmat li kien hemm xi dewmien fil-proċess ta’ akkwist u distribuzzjoni ta’ ċerti riżorsi edukattivi minħabba diversi fatturi operattivi u amministrattivi. Dawn kienu jinkludu kwistjonijiet relatati mal-proċess tat-tendering, bidliet fil-proċeduri ta’ provvista u distribuzzjoni, kif ukoll sfidi loġistiċi u ta’ stampar. Minkejja dawn id-dewmien, f’ċerti każijiet ir-riżorsi kienu diġà disponibbli f’format diġitali sabiex jiġi żgurat aċċess kontinwu għall-edukaturi u l-istudenti sakemm tlestew il-proċessi meħtieġa.

Sena skolastika 2025-2026 – Textbooks mhux disponibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm textbooks li kienu għadhom mhux disponibbli fl-ewwel ġurnata tas-sena skolastika li għaddiet fl-iskejjel tal-Istat u f’liema suġġetti kien hemm l-akbar nuqqasijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fil-bidu tas-sena skolastika kien hemm dewmien fil-wasla ta’ għadd limitat ta’ textbooks f’ċerti suġġetti u livelli edukattivi. Madankollu, il-kontenut u r-riżorsi relatati kienu disponibbli permezz ta’ pjattaformi diġitali u materjal edukattiv ieħor. Matul dan il-perjodu, l-għalliema u l-istudenti komplew bil-proċess tat-tagħlim billi għamlu użu minn kotba alternattivi, riżorsi online u għodod diġitali ta’ kwalità. Dan assigura li t-tagħlim seta’ jibqa’ għaddej b’mod regolari u mingħajr impatt sinifikanti fuq il-proċess edukattiv.

L-Università ta’ Malta – Ċentru għall-Arti Liberali u x-Xjenzi – Studenti li attendew

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li attendew korsijiet fiċ-Ċentru għall-Arti Liberali u x-Xjenzi fl-Università ta’ Malta fl-2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li attendew korsijiet fiċ-Ċentru għall-Arti Liberali u x-Xjenzi fl-Università ta’ Malta fis-sena akkademika 2025/6 huwa ta’ 263 student.

Faċilitajiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1137 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-faċilitajiet sportivi kollha li jinsabu fi skejjel tal-Gvern, maqsuma skont il-kulleġġ u l-iskola rispettiva u għal kull skola, jindika: i.    x’tip ta’ faċilitajiet sportivi hemm (grawnds, gyms, courts, pixxini, tracks, eċċ.); ii.    is-sena li fiha nbnew jew saru l-aħħar xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew tisbiħ sostanzjali; u iii.    l-kundizzjoni attwali tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-mejda tal-Kamra.

Għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi - Fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1136 u jgħid kemm kienu l-fondi allokati mill-Gvern, minn SportMalta jew minn kwalunkwe entità pubblika oħra lill-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata ta’ kull għaqda, federazzjoni, assoċjazzjoni jew klabb sportiv li rċieva finanzjament matul dawn is-snin, filwaqt li għal kull wieħed jindika: a.  l-isem tal-entità; b.  l-ammont mogħti; ċ.  id-data tal-ħlas; d.  l-iskema jew il-programm li taħtu ngħata l-finanzjament; u e.  l-iskop li għalih ingħata l-finanzjament? Jista’ jgħid ukoll: i.   jekk kienx hemm applikazzjonijiet għal finanzjament li ġew miċħuda jew approvati biss parzjalment matul l-istess perjodu u, jekk iva, jippreżenta lista tagħhom flimkien mar-raġunijiet għaliex ma ġewx approvati fl-intier tagħhom; ii.  xi kriterji jintużaw sabiex jiġu evalwati u approvati dawn l-applikazzjonijiet għal finanzjament; u iii.  kemm kien l-ammont totali allokat għall-finanzjament tal-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi għal kull waħda mis-snin imsemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni ser tkun provduta f'seduta oħra.

Studenti u l-edukaturi - Miżuri għas-sħana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema miżuri qed jittieħdu biex jiġu mħarsa l-istudenti u l-edukaturi mill-effetti tas-sħana eċċessiva matul ix-xhur tas-sajf, b’mod partikolari fl-iskejjel li għad m’għandhomx sistemi ta’ arja kkundizzjonata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bħalissa 32 skola tal-Istat huma mgħammra kompletament b’sistemi ta’ arja kkundizzjonata. Inqis t-titjib tal-ambjent tat-tagħlim u tax-xogħol fl-iskejjel bħala prijorità. Għalhekk, l-installazzjoni tal-arja kkundizzjonata fl-iskejjel li fadal se ssir b’mod gradwali matul is-snin li ġejjin. Dan jifforma parti minn programm usa’ ta’ xogħlijiet immirati biex itejbu l-ambjent fl-iskejjel, inkluż titjib fis-sistemi tal-ventilazzjoni, l-aperturi u infrastruttura oħra. Aktar dettalji dwar dan il-programm ser jitħabbru fiż-żmien li gej.

Is-settur edukattiv – Strateġija ġdida ta’ inklużjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-pre-konsultazzjoni dwar strateġija ġdida ta’ inklużjoni fis-settur edukattiv?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li biex jiġi assigurat proċess indipendenti u oġġettiv, il-Ministeru qiegħed f’kuntatt mal-UNESCO biex jassistu lill-istess Ministeru fl-iżvilupp tal-strateġija.  Infurmat li fix-xhur li ġejjin huma pjanati id-diskussjonijiet preliminari biex jiġi imfassal pjan ta’azzjoni.

L-Università ta’ Malta – Drop outs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm drop outs mill-Università ta’ Malta fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-total ta’ studenti li waqfu jattendu kors fl-Università ta’ Malta għas-sena skolastika 2025/26 huwa ta’ 429 student.

Junior College – Drop outs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm drop outs mill-Junior College fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-total ta’ studenti li waqfu matul is-sena skolastika msemmija kien ta’ 101 student. Minnhom 77 student kienu tal-ewwel sena u 24 student tat-tieni sena.