Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #14045 Sitting 324 2020-04-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti li ma humiex eliġibbli għall-benefiċċji tal-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux informat b’ilmenti inkluż mill-għaqdiet studenteski dwar inġustizzja li studenti li kienu wkoll jaħdmu part-time u jħallsu l-NI bħal kull ħaddiem ieħor, ma humiex eleġibbli għall-benefiċċji tal-COVID-19 skont il-kriterji tal-gvern? Jista’ jgħid x’se jkun qed jagħmel fil-konfront ta’ din is-sitwazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-sitwazzjoni qed tiġi analizzata attivament bil-għan li tinstab soluzzjoni ekwa u ġusta bla dewmien.
Leg 13 PQ #14046 Sitting 324 2020-04-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, kif ukoll jagħti l-lista tal-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħtu u taħt is-Segretarjat Parlamentari fi ħdanu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #14047 Sitting 324 2020-04-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Institute of Education – applikazzjonijiet għall-taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn għalliema u edukaturi li ngħataw jew qed jingħataw taħriġ mill-Institute of Education jew minn istituzzjoni oħra approvata dwar tagħlim online? Kemm applikaw edukaturi fl-aħħar sejħa tal-Institute of Education f’April u kemm applikaw ġenituri?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li s-sessjonijiet li ngħataw mill-Institute for Education f'April ma kinux dwar tagħlim onlajn imma sessjonijiet għall-edukaturi u għall-ġenituri dwar suġġetti diversi u intużat il-modalità online. Fl-aħħar sejħa tal-Institute for Education f’April applikaw 379 edukaturi u 1214 ġenituri. Taħriġ dwar tagħlim online qed isir mid-Direttorat għat-Tagħlim Diġitali permezz ta’ sensiela estensiva ta’ webinars kif ukoll sapport individwali. Għal dan it-taħriġ online kien hemm 3,958 parteċipant. Iktar informazzjoni tinsab fuq digitalliteracy.skola.edu.mt.
Leg 13 PQ #14048 Sitting 324 2020-04-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Lezzjonijiet online

Question

Wara d-dikjarazzjoni tal-Ministru li “fil-fatt irrid ngħid li rnexxielna…niġu għal sitwazzjoni fejn it-tagħlim minn sistema tradizzjonali, fejn it-tagħlim isir fil-klassi, dan għadda f’perjodu qasir ħafna, għal tagħlim onlajn”, jista’ l-Ministru jelabora x’qed jifhem eżatt b’dan u jagħti informazzjoni dwar kemm qed isiru lezzjonijiet online?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li t-tagħlim onlajn qed isir fl-iskejjel kollha tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti, skont il-gwida mogħtija mill-Grupp ta’ Ħidma mwaqqaf mill-Ministeru. It-tagħlim onlajn qed isir ukoll fil-livelli kollha post-sekondarji inkluż dak terzjarju. Qed isir ukoll fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Istat li jagħtu korsijiet wara l-ħin tal-iskola u filgħaxija. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tliet ċirkularijiet, numri DCLE 04/2020, DCLE 05/2020 u DCLE 08/2020, li jagħtu iktar tagħrif dwar online teaching.
Leg 13 PQ #14049 Sitting 324 2020-04-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għalliema – kompjuters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm għalliema mingħajr kompjuters u kemm hemm għalliema b’kompjuters bil-ħsara?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dawk li kienu pendenti qed jitqassmu bħalissa. M’hemm xejn bil-ħsara iżda dawk li kienu meqjusa beyond economical repair qed jiġu mibdula.
Leg 13 PQ #14050 Sitting 324 2020-04-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Perjodu post-Covid — Pjanijiet fl-Edukazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet immedjati fl-Edukazzjoni għal perjodu post-COVID-19?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħa rwol proattiv u bis-saħħa tat-task force li fiha ġabar lill-istakeholders ewlenin fis-settur ser ikompli jippjana t-triq 'il quddiem, anke fid-dawl tad-direzzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Waqt li qed ikunu konsolidati prattiċi tajbin li introduċejna waqt dan il-perjodu, se nkunu qed inħabbru inizjattivi oħra ġodda fil-jiem li ġejjin.
Leg 13 PQ #13722 Sitting 322 2020-04-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ir-Rabat Għawdex – bini ta’ skola primarja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-konkret u jagħti time-frames speċifiċi meta hu ppjanat li jibda x-xogħol ta' skavar, piles u bini ta' skola primarja ġdida għall-istudenti li jattendu l-Iskola Primarja tal-Vajringa u li hi ppjanata li tinbena ħdejn il-Middle School ġewwa r-Rabat Għawdex? Jista' jgħid x’inhu jsir biex l-ammont kbira ta' parkeġġ li ser jintilef fiċ-Ċentru tar-Rabat, bil-bini ta' din l-iskola jiġi kkumpensat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ skavar beda f'nofs April. Ix-xogħol ta' kostruzzjoni isegwi x-xogħol ta' skavar. Rigward il-postijiet ta' parkeġġ, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet konċernati biex il-faċilitajiet ta' parkeġġ fl-inħawi jiġu organizzati aħjar u jitjiebu.
Leg 13 PQ #13724 Sitting 322 2020-04-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

MCAST – xogħol ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) meta huwa previst li jitlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni fl-MCAST ta' Corradino Hill; b) x'persentaġġ ta' xogħol sar s'issa; u ċ) kemm sewa x-xogħol li sar s'issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' kostruzzjoni fl-MCAST ta' Corradino Hill tlesta minnu madwar 55% tax-xogħol u s’issa sewa €16,700,000 waqt li hu previst li ma jaqbiżx l-2022.

Proġetti Infrastrutturali sportivi

Question

Jista' l-Ministru jindika liema kienu l-proġetti infrastrutturali sportivi li saru f'pajjiżna bejn l-2008 u l-2020 u kemm kien il-valur tagħhom b'mod individwali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

School leaving certificate – nuqqas ta’ informal u non-formal education

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex maħsub kif se jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ informal u non-formal education fuq l-ischool leaving certificate ta’ dawk l-istudenti kollha li qiegħdin jiġu milquta f’dan ir-rigward mill-għeluq tal-iskejjel u ta’ attivitajiet ta’ informal u non-formal education?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għat-tweġiba li qed tingħata għall-mistoqsija parlamentari 13881.

School leaving certificate – nuqqas ta’ informal u non-formal education

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dik l-edukazzjoni informal u non-formal li baqgħet tingħata permezz ta’ mezzi diġitali matul il-pandemija, humiex ser ikunu kkunsidrati bħala li jikkontribwixxu għall-indikazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ edukazzjoni fl-ischool leaving certificate tal-istudenti milquta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fiċ-ċertifikat tat-tmiem is-sekondarja, l-iSchool Secondary Certificate and Profile, hemm perċentaġġ ta’ marki li jingħataw għall-attivitajiet informali u non-formali li l-istudenti jkunu għamlu matul il-ħames snin tas-sekondarja. Il-marki li jingħataw għall-attivitajiet informali u non-formali jgħinu sabiex wieħed jista’ jtejjeb il-livell ġenerali taċ-ċertifikat, imma mhumiex determinant sabiex jiġi maħdum dan il-livell taċ-ċertifikat. Peress li dan iċ-ċertifikat jinħadem sa tmiem Frar fl-iskejjel tal-Istat u sa tmiem Marzu f’ħafna mill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, ma huwiex possibbli li l-attività diġitali li saret minn nofs Marzu ‘l quddiem tikkontribwixxi bħala informali jew non-formali.

Childcare Centres – għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jassigura l-għajnuna lil Childcare Centres li fil-pandemija ma setgħux jagħtu servizz sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr diffikultajiet ta’ riżorsi u biż-żamma ta’ standards għolja meta huma jiġu awtorizzaati jerġgħu jibdew joffru s-servizz tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern laħaq ftehim, b’konsultazzjoni maċ-Child Care Providers Association (CCPA) u l-Malta Chamber of SMEs, biex jagħti l-għajnuniet meħtieġa. Dan il-ftehim ġie imfaħħar mill-partijiet konċernati. Meta ċ-Ċentri għall-Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin eventwalment jiġu awtorizzati li jibdew joffru s-servizz tagħhom, id-Dipartiment għall-Assigurazzjoni ta’ Kwalità jieħu nota tal-istruzzjonijiet maħruġa mis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika f’dan ir-rigward u dawk imfassla mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Immedjatament jitfassal pjan ta’ ħidma biex jitkomplew iż-żjajjar gradwalment f’dawn iċ-Ċentri sabiex id-Dipartiment jevalwa s-servizz offrut u hekk kif dejjem għamel, jagħti l-gwida neċessarja sabiex jassigura li l-istandards qegħdin jintlaħqu.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — kuntratti mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli interpellanta biex tispeċifika għal-liema kuntratti qiegħda tirreferi.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — użu ta' karozzi li jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12987 u jgħid jekk il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn karozzi li jaħdmu bl-elettriku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. interpellanta li l-Ministeru għandu pjan li fix-xiri ġejjieni tal-vetturi jinkludi vetturi ta' dan it-tip.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Nefqa fuq fuel/petrol/diesel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12984 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12606, jista' l-Ministru jgħid fil-każ tal-entitajiet pubbliċi, kif tinqasam in-nefqa għal kull entità u jispeċifika n-nefqa għal kull entità, fis-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellan hu kif muri fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #13721 Sitting 321 2020-04-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skejjel f’Għawdex — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ manutenzjoni hemm ippjanat għal matul is-sajf 2020 għal kull skola f'kull raħal u belt ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hu maħsub li se tkun l-ispiża fuq kull skola, kemm-il tender ħarġet s’issa għal dawn ix-xogħlijiet, meta ħarġet, meta ġiet awarded u għal kemm prezz ġiet awarded?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li lista tax-xogħlijiet ta' manutenzjoni ppjanati sal-lum li jsiru fl-iskejjel f’Għawdex matul is-sajf 2020, inkluż stima tal-ispejjeż, qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ix-xogħol huwa maħsub li jsir minn ħaddiema tal-Ministeru u għalhekk ma nħarġux tenders.

Skola Nazzjonali tal-Isport – numru ta’ studenti li għaddew

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kien in-numru ta' studenti li għaddew għal-Iskola Nazzjonali tal-Isport sa mill-ftuħ tagħha fis-sena 2012 sal-lum u liema kienu d-dixxiplini sportivi li ġew ipprattikati mill-istess studenti fl-istess perjodu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel Primarji u Sekondarji tal-Gvern – ħin allokat għall-eżerċizzju fiżiku

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm hu l-ħin allokat għall-eżerċizzju fiżiku kuljum f'kull skola primarja u sekondarja tal-Gvern f'pajjiżna (kull skola għandha tiġi identifikata b'mod individwali)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ tal-iskejjel Primarji huwa rrakkomandat li jsir mill-inqas 30 minuta t’attività fiżika kuljum total ta’ 2.5 sigħat fil-ġimgħa. Dawn jinkludu lezzjonijiet li jitmexxew mill-għalliem/a tal-Edukazzjoni Fiżika, mill-għalliem/a tal-klassi, attivitajiet sportivi li jsiru kemm fl-iskola u kemm f’kumplessi sportivi, attivitajiet fil-brejk u f’ħinijiiet oħra tal-ġurnata inkluż permezz ta’ lezzjonijiet kross-kurrikulari. L-istudenti tal-Year 7 u Year 8 fl-iskejjel Sekondarji Medji jkollhom tliet lezzjonijiet t’40 minuta 'l waħda fil-ġimgħa (total ta’ sagħtejn). Imbagħad, l-istudenti li jagħżlu l-iSports Career Development Programme fil-Year 7 u Year 8 ikollhom 4 lezzjonjiiet t’40 minuta oħra addizzjonali. L-istudenti tal-Year 9, 10, 11 fl-iskejjel Sekondarji jkollhom żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa t’40 minuta, li jġib total ta’ 80 minuta fil-gimgħa. Dawk li jagħżlu l-Edukazzjoni Fiżika bħala option ikollhom 4 lezzjonijiet t’40 minuta addizzjonali oħra fil-ġimgħa.

Baġit għall-Isport

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kien il-baġit għall-isport f'pajjiżna, sena b'sena, bejn l-2009 u l-2020?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

Studji dwar is-sistema ta’ assessjar kontinwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar kif is-sistema ta’ assessjar kontinwu laqgħat lit-tfal tal-iskola, u jekk iva min għamel dawn l-istudji u x’kienu l-konklużjonijiet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.