Legislature:
Category:
Reset
Active:

Klabbs sportivi - Titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32180, 32438, 32602, 32876 u 33118 u jipprovdi lista ta’ kemm-il klabb sportiv preżentement għandu titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li preżentament hemm 114-il klabb b’titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports.

SportMalta - Trasferiment ta’ artijiet - Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32754 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha li SportMalta daħlet għalihom mal-klabbs sportivi dwar trasferiment ta’ artijiet għal skopijiet sportivi bejn l-2022 u l-2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kuntratti huma kollha approvati mill-Parlament.

MCAST - Wellness Hub – Ingaġġ ta’ social workers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30755 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24286 dwar jekk is-servizz tal-Wellness Hub fl-MCAST joffrix servizz ta' social work, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proċess biex jiġu ingaġġati żewġ social workers ġiex komplut?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċess għadu għaddej.

Skejjel primarji - Multi-sensory rooms

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872, 32170, 32290, 32675 u 32898 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Qormi - Skola Primarja San Ġorġ - Diskussjonijiet fuq is-sala ż-żgħira

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32810 u 33077 u jgħid jekk kienx hemm diskussjonijiet mal-ġenituri dwar il-fatt li s-sala ż-żgħira tal-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi ma tistax tintuża? Jista’ jassigura lill-ġenituri, lill-edukaturi u lill-għalliema li m’hemmx periklu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33123.

Ħal Qormi - Skola Primarja San Ġorġ - Kunċert

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32809 u 33076 u jgħid jekk jistgħux isiru arranġamenti biex minflok il-kunċert jiġi rrekordjat u jkun online ikun hemm arranġamenti vis-a-vis l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi biex dan isir f’post ieħor fejn il-qraba jkunu jistgħu jattendu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-arranġamenti saru u l-ġenituri nfurmati.

Ħal Qormi - Skola Primarja San Ġorġ - Kunċert fis-sala ż-żgħira

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32808 u 33075 u jgħid għalfejn il-ġenituri ġew infurmati permezz ta’ e-mail li din is-sena mhux se jkun possibbli li jsir il-kunċert fis-sala ż-żgħira tal-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, minħabba li ntqal li s-sala ma tistax tintuża?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-email huwa mezz wieħed ta’ kommunikazzjoni li l-iskola msemmija tuża mal-ġenituri.

Klabbs sportivi - Titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32180, 32438, 32602 u 32876 u jipprovdi lista ta’ kemm-il klabb sportiv preżentement għandu titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Studenti li jistudjaw barra minn Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32466, jista’ l-Ministru jgħid kif jintgħażlu l-istudenti li jmorru jistudjaw barra minn Malta? Jista’ jgħid ukoll għaliex in-numru ta’ studenti li jistudjaw barra huwa daqstant żgħir meta mqabbel man-numru ta’ dawk li japplikaw?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-istudenti jintgħażlu skont ir-riżultati akkademiċi li huma jkunu kisbu u l-opportunitajiet li huma disponibbli jitqassmu bejn il-Fakultajiet kollha.  L-istudenti jiġu kkonfermati mill-Student Affairs Committee tal-Universita’.

Skejjel – Għajnuniet għal studenti b’kondizzjoni newroloġika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskejjel privati u tal-Knisja jingħatawx għajnuniet finanzjarji jew xi tip ta’ għajnuna oħra sabiex ikunu jistgħu joffru riżorsi speċjali lil studenti li jkollhom kundizzjoni newroloġika ta’ tagħlim (Specific Learning Difficulty – SpLD) bħad-dyslexia?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar snin, l-Istat nieda inizjattiva għall-provvista ta’ Reader Pens lil studenti b’dyslexia jew kundizzjonijiet simili. Kif muri hawn taħt, matul din is-sena skolastika hemm total ta’ 174 student li se jibbenefikaw mir-Reader Pens fl-iskejjel tal-Knisja. ·    Year 11 – 61 student ·    Year 10 – 72 student ·    Year 9 – 41 student (imwielda fl-2012) huma eliġibbli japplikaw għall-pen bejn Diċembru 2025 u Jannar 2026 Barra minn hekk, l-Istat qed jopera skema annwali ta’ għotjiet għal Skejjel Non-State, magħrufa bħala Assistenza lill-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti relatata ma’ Infiq Kapitali fl-Implimentazzjoni ta’ Riformi Edukattivi. Skejjel tal-Knisja li jippreżentaw proġetti li jtejbu l-esperjenza edukattiva tal-istudenti, li jistgħu jinkludu wkoll riżorsi li jgħinu studenti b’kundizzjoni ta’ tagħlim newroloġika (Diżabilità Speċifika fit-Tagħlim, SpLD), bħad-dyslexia — jistgħu jibbenefikaw minn rimbors ta’ 15.25% tal-ispejjeż li jkunu saru biex jiġi ffinanzjat il-proġett.

Disponibbiltà tal-braille lil hinn mis-snin bikrin

Question

Fid-dawl tal-evidenza xjentifika qawwija li turi kemm il-braille huwa essenzjali għal-litteriżmu, l-indipendenza u l-opportunitajiet fil-ħajja ta’ persuni b’nuqqas ta’ vista jew għomja, jista’ l-Ministru jispjega għaliex it-tagħlim tal-braille m’għadux disponibbli lil hinn mis-snin bikrin tal-edukazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Il-FITA u l-għalliema tal-Visually Impaired jikkollaboraw flimkien sabiex jipprovdu sapport lill-istudenti b’nuqqas ta’ vista. Hemm madwar 100 tifel u tifla li għandhom nuqqas ta’ vista parzjali jew totali. Hemm xi studenti li jattendu skejjel tal-Gvern li talbu s-sapport u wrew interess fil-qasam tal-Braille filfatt dawn l-istudenti jieħdu l-korsijiet tal-Braille li jiġu offruti wara l-ħin tal-iskola. Il-Braille huwa introdott fl-ewwel snin bikrin tal-edukazzjoni minħabba l-fatt li dan huwa l-mezz primarju li minnu l-istudenti jibbenefikaw, filfatt fl-iskejjel tal-Istat l-istudenti li qegħdin fil-klassijiet bikrin jitgħallmu jiktbu u jaqraw bl-użu tal-Braille għax jgħinhom fl-iżvilupp tal-moħħ. Madankollu, ladarba l-istudenti jimxu ’l quddiem fis-sistema edukattiva, l-għażliet ta’ tagħlim jiġu adattati skont il-ħiliet u l-kapaċità, il-progress u l-metodi tagħhom l-aktar effettivi għalihom sabiex ikomplu mal-kurrikulu fil-klassi ma' sħabhom bl-użu bħal touch typing, l-użu ta’ software assistance, tactile resources, oġġetti konkreti, u teknoloġiji assistivi li jiġu rrakkomandati wara assessjar tekniku u edukattiv flimkien mal-FITA, il-Malta Trust Foundation u l-għalliema tal-Visual Impairment. Dawn il-metodi, f’ħafna każijiet, qed ikunu aktar effiċjenti għall-kontenut edukattiv speċjalment fl-iskejjel sekondarji.

Lezzjonijiet tal-braille barra l-ħinijiet tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) jew xi entità oħra, tipprovdix lezzjonijiet tal-braille barra l-ħinijiet tal-iskola, biex tiġi żgurata inklużjoni vera u sabiex l-istudenti b’nuqqas ta’ vista jew għomja ma jkollhomx jitilfu lezzjonijiet oħra, sitwazzjoni li tista’ titqies bħala diskriminazzjoni indiretta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-FITA tassisti u tgħin fejn ikun hemm bżonn. Infurmat li tippromwovi inklussività fejn jidħlu nies b’diżabilità u individwi ta’ eta avvanzata sabiex jiġu mgħejjuna jtejbu l-istil ta’ ħajja tagħhom. Infurmat ukoll li l-FITA bdew jipprintjaw kotba tal-braille bil-Malti.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2025, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Programmi għaż-Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32127 u 32465 u jagħti lista sħiħa ta’ programmi li ż-żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw minnhom pereżempju dawk relatati mal-edukazzjoni, max-xogħol u l-kultura barra minn Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

SportMalta – Trasferiment ta’ artijiet – Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha li SportMalta daħlet għalihom mal-klabbs sportivi dwar trasferiment ta’ artijiet għal skopijiet sportivi bejn l-2022 u l-2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Fact-Finding Report - Rakkomandazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32338, jista’ l-Ministru jagħti iktar dettalji dwar liema rakkomandazzjonijiet ġew implimentati, kif u meta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid ma dak li diġà weġibt għall-mistoqsija parlamentari 32338.

Child care centres ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il child care centre ġdid infetaħ matul is-snin 2024 u 2025 u jaqsam din l-informazzjoni separatament għal kull sena? Jista’ jgħid ukoll fejn infetħu dawn iċ-child care centres?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin imsemmija nfetħu 25 ċentru.

CDEDU u MFHEA – Rappreżentanta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hijiex preżentement rappreżentanta ta’ Malta fuq l-iSteering Committee for Education (CDEDU) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll jekk hijiex rappreżentanta f’isem l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) u jekk hemmx remunerazzjoni finanzjarja marbuta ma’ tali pożizzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) innotifikat lill-iSteering Committee for Education (CDEDU) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li kien hemm bidla fit-tmexxija u għaldaqstant fir-rappreżentanza tal-Awtorità.

MCAST – Ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-kariga li qed tokkupa fi ħdan l-MCAST il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, meta ġiet ingaġġata, x’salarju ser ikollha l-kariga u kif ġiet magħżula din il-persuna sabiex tokkupa tali kariga?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija mhijiex ingaġġata mal-MCAST.