kunsilli lokali — faċilitajiet sportivi tal-iskejjel tal-istat
Question
Tista' l-Ministru tgħid, issa bl-emendi fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali, kemm hemm kunsilli lokali li investew fil-faċilitajiet sportivi tal-iskejjel tal-Istat? Liema huma dawn il-kunsilli lokali ? X'tip ta' investiment sar? Kemm intnefqu flus minn kull kunsill għal kull skola ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sal-lum sar investiment mill-Kunsill Lokali Birgu fl-Iskola Primarja tal-istess lokalità fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita. Dan l-investiment kien jinkludi l-installazzjoni ta’ UEFA Mini Pitch li għandu valur ta’ €17,470 u li kien provdut mill-Malta Football Association. Ix-xogħol ta’ istallazzjoni li tħallas mill-Kunsill Lokali ġie jiswa €13,850. B’kollox l-investiment kien dak ta’ €31,320.
Kunsill Malti għall-Isports — kuntratti mal-kunsilli lokali
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull kuntratt li ġie iffirmat mill-Kunsill Malti għall-Isport li daħal fi ftehim ma' xi wieħed minn 68 kunsill lokali biex jinvestu fil-faċilitajiet tal-iskejjel filwaqt li jagħmlu użu minnhom wara il-ħin tal-iskola minn Jannar 2008 sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sal-lum il-Kunsill Malti għall-Isports daħal fi ftehim ta’ użu fit-tul u investiment fil-faċilità tal-iskola mal-Kunsill Lokali Birgu. Dan il-ftehim jistipola li parti mill-bitħa miftuħa tal-iskola ġiet ikkonvertita f’UEFA Mini-Pitch għall-ispejjeż tal-Kunsill Lokali. L-użu waqt il-ħin tal-iskola jibqa’ esklussivament għall-istudenti tal-iskola waqt li l-komunità tgawdi minnu wara l-ħin tal-iskola u waqt il-vaganzi skolastiċi. Kopja tal-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-nurmu ta' studenti li qed jattendu fl-Università bħalissa, li huma ġejjin minn Għawdex? F'liema korsijiet qed jattendu dawn l-istudenti Għawdxin bħalissa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ġenituri li ttellgħu l-Qorti fuq assenteiżmu tat-tfal
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien matul l-aħħar xhur, bejn Settembru 2008 u Ġunju 2009, in-numru ta' każi fejn ġenituri ttelgħu l-Qorti minħabba assenteiżmu ta' uliedhom mill-iskola obbligatorja? Minn liema lokalitajiet l-aktar li kien hemm tfal li ma attendewx l-iskola matul dan il-perjodu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Tista' l-Mininstru tgħid jekk ġiex imwaqqaf Erasmus for Young Enterpreneurs? Jekk le, tista' tgħid jekk bdewx il-pjanijiet u meta hu maħsub li jitwaqqaf?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitolob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid liema skejjel qed jorganizzaw/organizzaw l-inizjattiva Young Enterprise:
a) din is-sena skolastika?
b) is-sena skolastika li għaddiet?
Kemm-il student ipparteċipa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-inizjattiva Young Enterprise qiegħda ndirizzata għas-settur Post Sekondarju. Is-sena skolastika li għaddiet fl-iSkola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi ġiet organizzata l-inizjattiva Young Enterprise pero’ l-istudenti ma komplewx. Bdew jieħdu sehem tnax-il student. Din is-sena skolastika ma ġietx organizzata l-inizjattiva Young Enterprise.
Fil-Junior College din is-sena skolastika u s-sena skolastika li għaddiet ġiet organizzata l-inizjattiva Young Enterprise. Fis-sena skolastika 2008/2009 ipparteċipaw 42 student, filwaqt li fis-sena skolastika 2009/2010 qed jipparteċipaw 18-il student.
Tista' l-Ministru tgħid liema suġġetti/korsijiet meħtieġa għal karriera imprenditorjali jiġu mgħallma fl-iskejjel sekondarji, kif ukoll fil-Junior College, l-MCAST u l-Università? Dawk tal-aħħar kemm hemm minnhom full-time u kemm part-time?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MCAST — ICT - Lecturer li jagħti tweġibiet tal-eżami
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk jirriżultax li studenti tal-MCAST tal-ICT ikkonfermaw li l-lecturer li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, tahom it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-eżami qabel l-eżami?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istudenti ma ċaħdux dan l-episodju iżda l-każ ġara dak il-ħin stess tal-eżami. Hekk kif il-lecturer intebaħ b’dak li kien ġara, jiġifieri li mal-karti tal-eżami kien hemm mehmuża l-parti tat-tweġibiet, dan mil-ewwel ġabar dawn il-karti.
Tista' l-Ministru tgħid jekk id-direttur li dettalji dwaru qed jinagħtaw separatament, ħax passi kontra dan in-nuqqas gravi ta' lecturer li jagħti lill-istudenti t-tweġibiet tal-mistoqsijiet tal-eżami tal-ICT qabel l-eżami? X'passi ħa? Tista' tgħid jekk l-amministrazzjoni tal-MCAST hijiex se tieħu passi kontra dan il-lecturer u x'passi se tieħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Hekk kif id-Direttur ġie mgħarraf bil-każ, dan bagħat għall-lecturer konċernat u wara għadda d-dettalji tal-każ lill-Amministrazzjoni tal-Kulleġġ. Hawnhekk twaqqaf Bord ta’ Inkjesta u dan, wara li sema’ l-każ għadda r-rapport tiegħu lill-Amministrazzjoni. Wara konsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord, l-Amministrazzjoni ħadet il-passi neċessarji kif irrakkomandat mill-Bord.
Bħala passi dixxiplinarji twaqqaflu l-increment tal-paga għal sena.
L-amministrazzjoni dehrilha li jkun ta’ benefiċċju li għal perjodu mhux definit il-lecturer jgħallem l-istess suġġett f’istitut ieħor iżda f’livell aktar baxx. Tul dan iż-żmien dan il-lecturer qed jiġi segwit.
Tista' l-Ministru tinvestiga jekk hux veru li dan il-lecturer fil-25 ta' Mejju 2009 daħal l-MCAST jiftaħar li persuna li tiġi minnu li taħdem mal-Heritage Malta kellmet lil min kellha tkellem u se jieqfu l-passi dixxiplinarji li kienu se jittieħdu kontra n-nuqqas gravi tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Amministrazzjoni la tista’ tiċħad u lanqas tikkonferma li ntqal xi diskors bħal dan. L-Amministrazzjoni iżda tiċħad kategorikament li ġiet avviċinata minn xi persuna jew persuni dwar dan il-każ. L-amministrazzjoni minnufih waqqfet bord ta’ dixxiplina biex jinstema l-każ, infatti passi dixxiplinarji ttieħdu mill-aktar fis.
Bħala riżultat ta’ dan il-bord ittieħdu passi dixxiplinarji fejn il-
lecturer
twaqqaflu l-
increment
tal-paga għal sena u għal perjodu mhux definit se jgħallem l-istess suġġett f’istitut ieħor iżda f’livell aktar baxx.
Taf il-Ministru li jekk mhux se jittieħdu passi dwar dan il-każ tal-għoti tat-tweġibiet tal-eżami lill-istudenti qabel l-eżami se jħalli impatt ikrah fuq il-lecturers sħabu u l-istudenti li saru jafu bil-każ u li wara li nuqqas gravi bħal dan jitħalla għaddej qisu qatt ma sar, se jikkonkludu li hemm nuqqas ta' serjetà fl-MCAST u li kollox jgħaddi ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant deher quddiem Bord ta’ Inkjesta u wara li dan sema’ l-każ, għadda r-rapport tiegħu lill-Amministrazzjoni tal-Kullegg. Wara konsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Inkjesta, l-Amministrazzjoni ħadet il-passi neċessarji u dawn ġew ikkomunikati lill-lecturer. Dan għandu jgħaddi messaġġ li l-MCAST ma tittollerax sitwazzjonijiet bħal dawn.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se jittieħdu passi kontra l-istudenti li kkupjaw it-tweġibiet li tahom il-lecturer tal-ICT fl-MCAST għall-eżami importanti u x'passi se jittieħdu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fiċ-ċirkostanzi ma kienx hemm lok li l-istudenti jiġu ppenalizzati. L-assignment ġie annullat u nħareġ wieħed ġdid.
Il-preparazzjoni u l-korrezzjoni ta’ dan l-
assignment
ġew mgħotija lil
lecturer
ieħor.
Tista' l-Ministru tara li t-tfal li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex ma jkomplux jaqgħu lura fl-iskola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-tfal indikati t-tnejn qed jingħataw l-għajnuna neċessrja għal servizzi ta’ Speech Therapist, servizzi ta’ Child Development Assessment Unit (CDAU), attenzjoni individwali, complementary teaching u group reading, sabiex ma jaqgħux lura.
UNESCO — theddida li jneħħi lil Valletta minn Belt ta' Patrimonju Dinji
Question
Tista' l-Ministru tagħti update lill-Parlament dwar x'sar fuq it-theddida mill-UNESCO li jneħħi lil Valletta minn Belt ta' Patrimonju Dinji (World Heritage Site)? X'laqgħat kien hemm? X'korrispondenza ntbagħtet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara l-korrispondenza mill-Kumitat tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO mal-awtoritajiet Maltin fuq il-belt Valletta, twaqqaf working group kompost minn rappreżentanti tal-entitajiet konċernati li huma s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Heritage Malta, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, il-Kummissjoni Nazzjonali tal-UNESCO f`Malta u l-Valletta Rehabilitation Project. Dan il-grupp qed jipprepara risposta dettaljata għal numru ta’ mistoqsijiet magħmula mill-UNESCO. S’issa saru erba’ laqgħat u risposta komprensiva ma ddumx ma tingħata.
Tista' l-Ministru tinvestiga rapporti li waslu lili li lecturer tal-ICT fl-MCAST, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, inqabad jagħti lill-istudenti t-twegibiet għall-mistoqsijiet ta' eżami importanti biex ikunu jistgħu jikkupjawhom u jgħaddu mill-eżami?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qatt ma kien allegat li t-tweġibiet ingħataw qabel l-eżami. Infatti minn stħarriġ li sar instab li flimkien mal-karti tal-eżami kien hemm mehmuża l-parti fejn kien hemm it-tweġibiet li kienu intenzjonati għall-użu tal-amministrazzjoni tal-istitut. Hekk kif il-lecturer induna b’dan, kien pront ġabar il-karti tat-tweġibiet.
Tista' l-Ministru tiddikjara kemm hu maħsub li hu l-ammont ta' żgħażagħ li għandhom iktar minn 16-il sena, imma li m'għandhomx il-ħiliet meħtieġa la biex ikomplu l-istudju u lanqas għad-dinja tax-xogħol, liema żgħażagħ saret riferenza għalihom fl-aħħar budget? Minn liema lokalitajiet ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Kors tal-Liġi — membri tal-ġudikatura - informazzjoni
Question
Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' x'inhi l-pożizzjoni tal-membri tal-ġudikatura li jkunu jixtiequ jagħtu l-lectures fil-Kors tal-Liġi (LL.B, LL.D)? Tista' tagħti spjega ta' kif din inbidlet mas-snin, u għaliex?
Taħseb il-Ministru li jkun ferm u ferm għaqli kieku l-membri tal-ġudikatura jkunu jistgħu jgħallmu lill-istudenti tal-liġi, fl-istess waqt li jkollhom class notes fuq l-iktar punti legali importanti dettati mill-ġudikanti stess?
Min kienu l-membri tal-ġudikatura li kienu jgħallmu fil-kors tal-liġi minn wara l-gwerra 'l hawn u kemm damu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li l-informazzjoni mitluba tmur lura għat-tmiem tal-gwerra dinjija, din ser tieħu ż-żmien biex tinġabar u għalhekk it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.