Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Għajnsielem - Dar Padova - pazjenti

Question

Jista' l-Ministrru jgħid kemm hemm pazjenti li fil-preżent qed jattendu Dar Padova ġewwa Għajnsielem u liema servizz qed jingħatalhom? Jista' jgħid kemm hu l-massimu ta' pazjenti li tista' tilqa' Dar Padova? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' persuni li jużaw Dar Padova bħala Night Shelter fil-preżent?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Dar Padova jingħataw xejn inqas minn 11-il servizz b’risq l-anzjan Għawdxin. Dawn is-servizzi jinqasmu f’żewġ kategoriji: dik tal-in-patients u dik tal-out-patients. Bħala servizzi ta' in-patients minn dar Padova jingħataw is-servizzi ta' Dimentia Activity Day Centre matul il-jum li għalih jattendu 16-il klijent u dak ta’ Night Shelter fejn attwalment qed jiġi utilizzat minn 5 klijenti. Il-massimu ta’ sodod disponibbli għan-night shelter huwa ta’ ħamsa u allura is-sodod disponibbli qed jiġu kollha utilizzati. Nieħu l-okkażjoni biex ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejja ħidma biex in-numru ta’ soddod jiżdiedu b'iktar mid-doppju matul din is-sena. Matul l-aħħar ġimgħat grazzi għall-investiment meħtieġ li sar fl-istess Dar tul l-aħħar sena ġew imnedija xejn inqas minn 8 kliniċi ġodda liema kliniċi li ġa rċivejna xejn inqas minn 211-il talba ta’ anzjani Għawdxin biex jagħmlu użu minnhom. Tajjeb li jingħad ukoll li erbgħa minn dawn is-servizzi mnedija huma totalment ġodda u ġew introdotti għall-ewwel darba fil-gżira Ghawdxija. Dawn il- Kliniċi jinkludu: 1. Servizz ta’ Podjatrija. 2. Servizz ta’ Flebotomija 3. Servizz ta’ Kontinenza 4. Servizz ta’ Commcare 5. Servizz ta’ Intervention team tad- Dimentia 6. Servizz ta’ Nutrizzjoni klinika 7. Servizz ta’ Occupational Therapy 8. Servizz ta’ Psikoterapija 9. Klinika ta’ Terapija Vaskulari Minn Dar Padova jingħata wkoll is-servizz ta’ Silver T (servizz ta’ transport b xejn lill anzjani tagħna indirizzat sabiex jitnaqqas kull inkonvinjent għall-persuni nieqsa minn mobilità).

Residenza San Vinċenz de Paul – sample tal-menu tal-ikel

Question

Jista' l-Ministru jippubblika sample ta' menu tal-ikel li ngħata fis-swali ta' San Vinċenz de Paul bejn l-1 u t-28 ta' Frar 2023?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuljum ir-residenti f’SVP jiġu servuti kolazzjon, ikla ta’ nofsinhar u filgħaxija. Ir-residenti għandhom l-għażla skont ix-xewqat varji, inklużi kulturali, jew il-kundizzjoni medika tagħhom. Kull ikla tikkonsisti f’soppa, għaġin, platt prinċipali u deżerta, kif ukoll ħobż. Barra minn hekk, din hija l-lista ta’ ikel li jingħata fil-kolazzjon - yoghurt normali, light, jew lactose free, sandwich perżut u ġobon, sandwich ġobon biss, crackers u ġobon, bajda mgħollija, poached fruit, fruit puree, bezzun bil-kunserva jew perżut u ġobon, cornflakes, weetabix, qagħqa tal-ħmira jew ottini. Il-booklet bl-informazzjoni kollha qed jitpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.

Ministru għall-Anzjanità Attiva — karozza uffiċjali u allowance minflok is-second car tiegħu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6209, ladarba l-Ministru ddikjara li mhux qed juża s-second car, jista’ jgħid kemm hu l-allowance li qed jieħu minflok l-użu ta’ din il-karozza?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 36589 li ngħatat nhar il-25 ta’ Settembru tal-2012 tal-Leġiżlatura XI.

Residenza San Vinċenz de Paul – ambulanzi li huma proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ambulanzi li huma proprjetà tal-Gvern u kemm oħrajn huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll fejn huma stazzjonati u x'kumpliment ta’ ħaddiema għandhom magħhom f'San Vinċenz de Paul?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’San Vinċenz de Paul m’hemmx ambulanzi bħala parti mill-flotta u lanqas jinkrew ambulanzi.

Residenza San Vinċenz de Paul – ħaddiema fis-sezzjoni tal-ambulanzi u trasport tal-istaff u pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fis-sezzjoni tal-ambulanzi u trasport tal-istaff u pazjenti f'San Vinċenz de Paul u x'inhu x-xogħol tagħhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Filwaqt li m'hemm l-ebda sezzjoni tal-ambulanzi f’San Vinċenz, ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sezzjoni tal-ġarr tal-pazjenti hemm uffiċjal inkarigat, żewg ħaddiema jagħmlu xogħol amministrattiv u sbatax-il xufier. Din is-sezzjoni hija responsabbli għal kull tip ta’ transport li għandhom bżonn l-anzjani kif ukoll transport għal numru ta’ servizzi ġewwa San Vinċenz. Biex l-operat ikun jista’ jimxi bla xkiel, ta’ kuljum trasport ikun meħtieġ għall-ġarr taċ-ċilindri tal-ossiġnu, prodotti tal-ikel, konsenji tal-ħrieqi, ħwejjeġ għal-laundry, prodotti farmaċewtiċi eċċ. Għal dan ix-xogħol jintużaw żewġ vannijiet li wieħed minnhom huwa friża. Vannijiet speċjalizzati bit-tail lift jintużaw biex iwasslu l-anzjani għall-appuntamenti ġewwa l-isptar Mater Dei, appuntamenti fil-Geriatrics Day Hospital f’San Vinċenz kif ukoll għad-dipartiment tal-fiżjoterapija u klinika dentali. Ma’ dawn it-tliet vannijiet hemm ukoll żewġ vannijiet iżgħar li jġorru anzjan wieħed bis-siġġu tar-roti. It-trasport jiġi provdut ukoll biex anzjani jmorru għand il-hairdresser, jattendu għall-quddies jew iċ-ċentru ta’ matul il-jum. Biex nassiguraw li l-anzjani jgħixu ħajja attiva u ta’ kwalità, jiġu organizzati numru ta’ attivitajiet soċjokulturali kemm ġewwa l-faċilità kif ukoll f’lokalitajiet varji fejn jintużaw numru ta’ vannijiet bit-tail lift. Fl-aħħar sena din is-sezzjoni rat żieda fid-domanda għat-trasport hekk kif is-servizzi ġewwa d-Day Hospital żdiedu u ġew estiżi għall-anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani jew fil-komunità li wkoll ikollhom bżonn it-trasport.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5794 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra b’rendikont ta’ kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-entitajiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi minn Marzu 2022 sal-aħħar ta’ Jannar 2023. Dawn ġejjin mil-lokalitajiet ta' Birkirkara, Birżebbuġa, Għasri-Għawdex, Għaxaq, Kirkop, Ħal Safi, Ħal-Tarxien, Żabbar, Fgura, Gudja, Mellieħa, Rabat-Għawdex, Xagħra-Għawdex, Xgħajra, Żejtun, Iklin, Imġarr, Imqabba, Imtarfa, Raħal Ġdid, San Ġwann, San Lawrenz-Għawdex, Qawra, Ħamrun, Paola, Pietà, Qormi, Balzan, Marsaskala, Sliema, Żebbuġ, Fontana-Għawdex, Naxxar u Siġġiewi. Fl-istess ħin qed nipprovdih ukoll b’rendikont tal-ħaddiema li, f’dan l-istess perjodu, spiċċaw mill-istess entitajiet/awtoritajiet minħabba raġunijiet varji.

Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Anzjanità Attiva — karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tiegħu u x’inhi l-għamla tagħhom? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu; jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu u mingħand min?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żewġ karozzi li, skont il-Manwal, jintużaw mis-segretarjat privat huma kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt. Għamla Mixtrija/Mikrija Data Tender/Direct Order Ditta Prezz (VAT eskluża) Corsa Hatchback full electric Mikrija 20 ta’ Frar 2023 Tender Altours €9 kull ġurnata Corsa Hatchback full electric Mikrija 20 ta’ Frar 2023 Tender Altours €9 kull ġurnata

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook amministrati mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħrajn jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vinċenz de Paul — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjegati li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul intalbu jerġgħu jibdew jaħdmu mir-Residenza minflok jaħdmu remotely u dan minħabba tibdil fir-remote working policy kif ġew avżati l-istess impjegati? Jista’ jgħid ukoll x’kien dan it-tibdil maġġuri fir-remote working policy u għaliex kien deċiż li dawn l-impjegati jerġgħu jibdew jaħdmu mir-Residenza?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s’issa ma kien hemm l-ebda tibdil fir-remote working policy.

Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-ħidma tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali fis-sena 2022 u jelenka: (a) in-numru ta’ spezzjonijiet b’avviż li saru fid-djar kollha residenzjali tal-anzjani u f’liema djar residenzjali saru; (b) in-numru ta’ spezzjonijiet bla avviż li saru fid-djar kollha residenzjali tal-anzjani u f’liema djar residenzjali saru; (ċ) kemm saru interviews mal-management u l-istaff fid-djar kollha residenzjali tal-anzjani u f’liema djar residenzjali saru; u (d) kemm saru interviews mas-service users fid-djar kollha residenzjali tal-anzjani u f’liema djar residenzjali saru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għall-perjodu tal-2022 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Home Help – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall x’qiegħed isir sabiex il-lista ta’ stennija għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar titnaqqas?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fl-impenn ħolistiku tiegħu biex ikompli jtejjeb l-ħajja u l-għajxien tal-anzjani fis-soċjetà, il-Gvern qed jaħdem qatigħ anke fejn jidħol is-servizz ta’ Għajnuna fid-Dar. Fil-fatt bejn Diċembru 2022 u Jannar 2023, il-lista ta’ stennija naqset drastikament minn 485 għal 285. Biex tkompli l-ħidma għal dan il-għan, mill-bidu tas-sena saret riforma b’saħħitha fl-iskema tas-sussidju għall-Helper tal-Għażla Tiegħek biex din issir aktar attraenti. Dawn ir-riformi jinkludu żieda fis-sussidju minn €7 għal €8 għal kull siegħa ta’ servizz; ħlas tas-sussidju aktar frekwenti, kull xahrejn flok kull erbgħa; u l-pagament se jingħata xahrejn bil-quddiem għall-konvenjenza tal-anzjani li jużaw dan is-servizz biex inaqqsu l-piż finanzjarju tagħhom. Minbarra hekk, jien infurmat ukoll li l-kuntrattur qed jingaġġa aktar helpers b’mod regolari.

Ministru għall-Anzjanità Attiva — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu; u/jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix it-tieni karozza. Id-dettalji li ġejjin huma tal-karozza uffiċjali. Għamla: BMW X3 Xdrive30E Hybrid: a. Il-karozza hija leased mingħand Burmarrad Commercials LTD. b. Il-Karozza tinkera għal 43 ewro kuljum.

Anzjani — sigurtà

Question

Fid-dawl li l-Ministeru jinsisti fuq anzjanità attiva, jista’ l-Ministru jgħid kif jistgħu l-anzjani jagħmlu dan u joħorġu jimxu meta diversi bankini pubbliċi huma meħuda minn imwejjed u siġġijiet u boroz tal-iskart, filwaqt li fil-promenades m'hemmx sigurtà minħabba diversi abbużi minn dawk li jużaw l-e-scooters, fejn mhux l-ewwel darba li anzjani jintlaqtu minn dawn l-istess e-scooters? X’ser jagħmel biex l-anzjani jkollhom serħan tal-moħħ u aċċessibbiltà?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull ilment li jiġi mgħoddi lill-Ministeru tagħna jiġi mgħoddi lid-Dipartimenti kkonċernati meta dan ma jaqax taħt d-dekasteru tagħna.

Ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Victim Support Agency

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Victim Support Agency?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim qed jitpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Servizz ta’ dijetetiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti s-servizz ta’ dijetetiku u kif wieħed jista’ jagħmel użu minnu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li s-servizz dijetetiku huwa offrut fid-djar residenzjali tal-Gvern u f’dawk privati fejn hemm sodod mixtrija mill-Gvern. Dan is-servizz huwa offrut ukoll lil dawk l-anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom għal dan is-servizz. Kriterji ta' Riferiment għal servizzi dijetetiċi: A. Malnutrizzjoni jew f'riskju ta’ malnutrizzjoni · Pazjenti mibdula għal dieta likwidata; · Feriti – stadju 4-5 jew feriti li ma jfiqux jew feriti b’evidenza ta’ malnutrizzjoni (konsum baxx, piż li jiddeterjora); · Evidenza ta' malnutrizzjoni: Deterjorament fil-Konsum/Piż. B. Nutrizzjoni Enterali · Il-persuni kollha fuq Tmigħ Enterali (tmigħ permezz ta’ tubu NG, RIG jew PEG); · Titrazzjoni għal dieta orali C. Oħrajn · F'każ ta' tħassib nutrittiv ieħor, dawn iridu jiġu diskussi mad-dijetista tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Dan is-servizz huwa offrut lil: • Anzjani ta’ 60 sena ’l fuq, u ma joħorġux minn darhom. • Residenti f’Dar Residenzjali tal-Gvern jew li jifforma parti mill-iskema tal-Public Private Partnership (PPP). • Lil min jgħix fid-dar personali tiegħu u li ma jistax ikollu aċċess fi klinika tal-gvern minħabba saħħa u fraġilità. Wieħed jista’ japplika billi jniżżel applikazzjoni mis-sit tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Mehmuż mal-applikazzjoni, wieħed irid jinkludi: • Rapport Mediku ffirmat mit-tabib tal-familja; • Lista ta’ kwalunkwe medikazzjoni li tittieħed; · Għal min jgħix f’dar residenzjali tal-Gvern jew dar residenzjali li tifforma parti mill-iskema tal-PPP, għandu jiġi riferut għal dan is-servizz mit-tabib jew infermiera responsabbli tad-dar residenzjali.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – taħriġ tal-IT lill-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn sar it-taħriġ tal-IT lill-anzjani li jattendu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u residenti fid-djar residenzjali tal-Gvern matul dawn l-aħħar sentejn u jekk hux se jsir aktar taħriġ matul din is-sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar sentejn sar it-taħriġ tal-IT lill-anzjani li jattendu fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva ta’ Birżebbuġa, il-Ħamrun, Ħad-Dingli, il-Mosta, in-Naxxar, Sta. Venera, San Pawl il-Baħar, is-Siġġiewi, l-Imġarr, Ħal-Luqa u s-Swieqi. Dan it-taħriġ sar ukoll ġewwa d-dar residenzjali tal-Mellieħa u bħalissa qiegħed jingħata fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Ħaż-Żebbuġ. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għadha kif iffirmat ukoll ftehim mal-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) biex tkompli toffri aktar taħriġ lill-Anzjani, f’livelli differenti.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – korsijiet ta’ tisjir lill-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn se jiġu organizzati l-korsijiet ta’ tisjir lill-anzjani li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum matul din is-sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ma torganizzax korsijiet ta’ tisjir iżda jiġu organizzati sessjonijiet u taħditiet għall-anzjani dwar it-tisjir. Minn żmien għal żmien jiġu organizzati sessjonijiet ta’ tisjir f’xi Ċentri tal-Anzjanità Attiva bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet. Dawn is-sessjonijiet isiru mill-impjegati taċ-Ċentri rispettivi kif ukoll minn membri li jattendu ċ-ċentru.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — ħaddiema taċ-ċivil - vacation leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem taċ-Ċivil fil-Ministeru tiegħu għad għandhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 13-il ħaddiema taċ-Ċivil fil-Ministeru li kien fadlilhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave.