Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imtarfa/Rabat/Imdina, Wied Għeriexem – Pjan ta’ azzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex intefgħet ħamrija/trab/terrapien li ma kienx jinstab b’mod naturali f’Wied Għeriexem ta’ bejn l-Imtarfa, ir-Rabat u l-Imdina? Tista’ tgħid ukoll jekk dan hux ser jibqa’ hemmhekk u jekk hemmx xi pjan ta' azzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10978.

EV Meters

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 517, tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi fid-diskussjonijiet dwar jekk is-sidien ta' garage spaces jistgħux japplikaw għall-EV Meters? U jekk iva, x'kienu l-iżviluppi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li saru emendi fir-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku (L.S.545.01) permezz ta’ L.S. 162 ta’ 2022. Partikolarment is-sub-regolament 5 tar-regolament 37 tar-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku (L.S.545.01) jipprovdi għall-installazzjoni ta’ meter għall-iċċarġjar ta’ EV f’parkeġġ privat komunali jew spazji privati riservati għal vettura.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — impjegati fis-Servizz Pubbliku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha u jaqsam din l-informazzjoni skont il-grad tal-impjegati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9844.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriżi — Impjegati minn ħaddiema ta' Aġenziji tax-Xogħol

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10182, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-Gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, għas-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li qed titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol kienu 888 fl-2022 u 974 fl-2023.

EWA — sejħa għal NGOs

Question

B'referenza għat-tielet sejħa intiża li tgħin għaqdiet volontarji u non-governattivi jnaqqsu l-konsum ta' enerġija u ilma tagħhom li kienet ġiet imħabbra mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) fis-6 ta' Marzu 2023, tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-applikanti u tgħid minn dawk l-applikanti kemm kienu aċċettati applikazzjonijiet, kemm minnhom irċevew il-fondi, kemm minnhom għadhom jistennew li jirċievuhom u kemm ġew rifjutati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kien hemm 24 applikazzjoni għat-tielet sejħa ta’ din l-iskema. Minn dawn, 21 applikant kienu konformi mar-rekwiżiti tal-VOs u magħhom ġie finalizzat il-proċess biex tingħata l-għajnuna. Dawn l-applikanti diġà rċivew 60% tal-għajnuna kif jistipulaw ir-regoli tal-iskema. Tliet applikazzjonijiet ma ġewx milqugħa minħabba li l-organizzazzjonijiet konċernati ma kinux konformi mar-rekwiziti tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. Dawn ġew infurmati meta tlesta l-proċess tal-evalwazzjoni.

Għawdex — onshore PV (photovoltaic technology) and offshore floating wind power

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji dwar l-“onshore PV (photovoltaic technology) and offshore floating wind power” fil-gżira Għawdxija li kien tħabbar mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? B'liema mod intgħażlet din il-kumpanija? Tista’ tgħid jekk kienx hemm tender? F'liema stadju wasal dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-kumpanija li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet għamlet proposta għall-iżvilupp ta’ offshore floating wind farm iżda dan il-proġett ma mmaterjalizzax. Inżid ninformah li, filwaqt li l-Gvern huwa dejjem dispost li jilqa’ proposti ta’ investiment f’pajjiżna, mhux l-inqas fil-qasam tal-enerġija, id-direzzjoni li ġiet adottata mill-amministrazzjoni preżenti hija biex fix-xhur li ġejjin tinħareġ sejħa internazzjonali għal installazzjonijiet offshore li jiġġeneraw enerġija rinnovabbli.

Delimara — Battery Energy Storage System

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji dwar il-Battery Energy Storage System li tħabbret li se ssir f'Delimara? Min se jkun qed jagħmel l-investiment? Tista’ tgħid jekk ħarġitx xi tender għal dan? F’liema stadju wasal dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investment tal-Battery Energy Storage System ser isir mill-Gvern permezz ta’ fondi Ewropej. Għal dan il-għan, inħarġet tender għall-konsulenti biex jibdew jaħdmu fuq id-disinn tal-proġett. Beda wkoll ix-xogħol biex jinkisbu l-permessi meħtieġa għall-installazjoni ta’ dawn il-batteriji fis-sit ta’ Delimara. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument b’aktar dettalji.

Project Green — nefqa fuq PR u marketing

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 10943 u tgħid kemm intefqu flus minn Project Green fuq PR u marketing mill-bidu ta’ Project Green s’issa? Tista’ tagħti break down tal-infiq fuq reklamar inġenerali, dak ta' proġetti, attivitajiet u mezzi soċjali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn meta twaqqfet fil-bidu ta’ din is-sena s’issa, Project Green diġà ħabbret aktar minn €50 miljun investiment f’diversi proġetti madwar Malta u Għawdex. Dawn jinkludu proġetti li se jsiru fil-lokalitajiet ta’ San Ġwann, Mosta, fil-Kottonera, Tal-Pietà, Żurrieq, Raħal Ġdid, Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, Msida, Ħal Għargħur, Għajnsielem, Għaxaq, Mellieħa, Mtarfa, Santa Venera, kif ukoll l-ewwel ġnien carbon-neutral fil-gżira Għadwdxija li se jsir fix-Xewkija. Project Green nefqet €3,540 fuq reklamar inġenerali, €53,134.60 fuq reklamar ta’ proġetti, €10,642.04 fuq reklamar ta’ attivitajiet filwaqt li reklamar fuq il-mezzi soċjali kien jammonta għal €4,992.37. Fl-istess waqt, din is-sena diġà tlestew aktar minn 45,000 metru kwadru f’ġonna u spazji miftuħa ġodda jew riġenerati madwar il-pajjiż. Wieħed mill-għanijiet ta’ Project Green huwa li tinkoraġġixxi u żżid dejjem aktar l-użu ta’ dawn l-ispazji miftuħa mill-pubbliku u b’hekk tinvesti wkoll f’riklamar differenti biex aktar nies isiru jafu b’dawn l-ispazji u jkunu jistgħu jgawduhom.

Dħul mill-VAT fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 10067, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, u tgħid kemm hu l-ammont li l-Gvern daħħal mill-VAT fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsumatur ma jħallas l-ebda VAT fuq il-kont tal-ilma, filwaqt li jħallas rata preferenzjali imnaqqsa ta’ 5% fuq il-kont tal-elettriku. Qiegħda npoġġi tabella bl-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Engineering Resource Limited – ħatra ta’ membri

Question

B’referenza għall-Avviż Nru 752 tal-Gazzetta tal-Gvern, tista’ l-Ministru tgħid liema kien l-istrument legali li abbażi tiegħu ġew maħtura l-membri ta’ Engineering Resources Limited u x’kienu l-kriterji użati biex dawn ġew maħtura?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 10501.

Ġnien wara l-Bażilika tal-Mosta – nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10063, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu stmat li ġej jiswa x-xogħol li qed isir fil-ġnien ta’ wara l-Bażilika tal-Mosta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li m’għandha l-ebda xogħlijiet għaddejjin bħalissa fiż-żona indikata, Project Green riċentement ħabbret ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Reggie Cilia bħala wieħed mill-proġetti li ġew approvati taħt l-iskema Community Greening Grant.

Project Green – Nefqa fuq PR u marketing

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus minn Project Green fuq PR u marketing mill-bidu ta’ Project Green s’issa? Tista’ tagħti break down tal-infiq fuq reklamar inġenerali, dak ta' proġetti, attivitajiet u mezzi soċjali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ix-Xwejni – Statwa taż-żiemel

Question

Peress li dan l-aħħar kien spjegat li l-istatwa taż-żiemel fix-Xwejni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiet wara open call, tista’ l-Ministru tgħid min kienu l-membri tal-ġurija li ħadu d-deċiżjoni u min kienu l-artisti l-oħrajn li ġew shortlisted?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Ta’ Barkat — Aċċess għan-New Water

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li jkun lest il-proġett f'Ta' Barkat imħabbar fis-6 ta' Lulju 2023, li se jżid l-aċċess għan-New Water lill-bdiewa fin-naħa ta' isfel ta' Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett huwa investiment ta’ €24.5 miljun mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, li se jwassal għall-estensjoni fin-netwerk ta’ ​New Water fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ ta’ Malta, kif ukoll żieda fl-ammont. Dan l-investiment multimiljunarju jikkumplimenta l-impenn tal-Gvern biex titnaqqas il-pressjoni mill-użu tal-groundwater. L-użu mill-ġdid tal-ilma huwa parti mill-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari fejn ir-riżorsi jerġgħu jintużaw. Il-proġett huwa maħsub li jitlesta lejn tmiem is-sena 2025 u dan ser jindirizza erba’ aspetti ewlenin biex tissaħħaħ l-infrastruttura tan-New Water: (i) it-tkabbir tal-kapaċità tal-Polishing Plant ta’ Barkat; (ii) l-applikazzjoni ta’ sistema Horizontal Directional Drilling (HDD) biex tforni l-ilma minn Ta’ Barkat u Sant’ Antnin lejn il-Ġibjuni ta’ Bidni, San Anard, u Xgħajra; (iii) l-estensjoni tan-netwerk tal-Lbiċ biex taċċessa żoni li qabel ma kinux moqdija biżżejjed, bħaż-Żurrieq, Ħal Safi, Marsaxlokk, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u l-Gudja; u (iv) l-installazzjoni ta’ booster stations u pipework. Il-proġett huwa riflessjoni ċara tal-impenn tagħna lejn futur sostenibbli għal Malta, u l-investiment tagħna f’ekonomija aktar ekoloġika. L-inizjattiva tan-New Water intlaqgħet b’mod pożittiv ferm mill-bdiewa, u għalhekk irridu nkomplu nibnu fuq is-suċċess tagħha. Huwa stmat li aktar minn 350 bidwi, b’total ta’ madwar 223 ettaru addizzjonali ta’ art agrikola, se jibbenefikaw minn din l-estensjoni. Dan il-proġett juri l-impenn tagħna li nieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tal-bdiewa u nissalvagwardjaw is-settur agrikolu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Rabat – Wied ta’ Għeriexem

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir biex ma jkomplix l-isfreġju fil-Wied ta’ Għeriexem, bejn ir-Rabat u l-Imtarfa, fejn intrema terrapien bl-addoċċ u dan għadu preżenti fil-wied?

Response (DALLI, MIRIAM)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-istess materjal tal-mistoqsija parlamentari 7149, nitolbu sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat, kif intalab jagħmel dak inhar. Jekk le, nistiednu sabiex jispeċifika s-sit li qed jirreferi għalih.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — tenders dwar xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali u xogħol ta’ sigurtà

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi l-offerti tenders pubbliċi kollha aġġudikati u mirbuħa għax-xogħol ta' tindif, xogħol klerikali, xogħol ta' sigurtà, jew kwalunkwe xogħol estern ieħor li jsir minn aġenziji li ngħataw matul is-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ħ’Attard – Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga – xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jispiċċaw ix-xogħlijiet fuq Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga, f’Ħ’Attard, u tgħid ukoll kemm se jiġu jiswew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.