Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’termini ta’ FTE li r-responsabbiltajiet tagħhom huma relatati mal-immaniġġjar, il-monitoraġġ u l-infurzar, fost oħrajn, tas-siti Natura 2000?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk iċ-ċentru ta’ riċiklaġġ f’Ta’ Qali ngħalaqx għal xi perjodi matul l-2025, u jekk fl-affermattiv, tgħid għal kemm żmien il-faċilità ma kinitx qed taċċetta skart?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-CA sites tal-WasteServ huma miftuħin kuljum ħlief f’Jum il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Fil-każ tas-sit f’Ta’ Qali, dan kien magħluq ukoll mill-1 ta’ Diċembru sat-18 ta’ Diċembru 2025 minħabba xogħlijiet fit-toroq fiż-żona li għamlu s-sit inaċċessibbli. Kull min xtaq juża s-sit f’Ta’ Qali ġie ddevjat lejn is-siti l-oħra fil-viċinanza, prinċipalment dawk fl-Imrieħel u l-Magħtab.
Bajja ta’ Spinola u l-madwar - Ħmieġ f’wiċċ il-baħar - Rapporti ta’ investigazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti bir-riżultati tal-investigazzjoni li wettqet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wara li reċentement intlemaħ ħmieġ f’wiċċ il-baħar fil-Bajja ta’ Spinola u l-madwar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru 2025, uffiċjali tal-infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) spezzjonaw il-Bajja ta’ Spinola u l-madwar biex jiddeterminaw is-sors tal-allegat ħmieġ f’wiċċ il-baħar. Ġie stabbilit li l-materjal madwar il-kosta kien jikkonsisti f’ammont ta’ ragħwa tal-baħar imħallta ma’ debris u materjal organiku ieħor li nġarru mill-irjieħat prevalenti tal-Lvant u akkumulaw fil-bajja wara l-maltemp fil-ġranet preċedenti. Fiċ-ċirkustanzi, ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri ta’ infurzar ħlief li ġew infurmati d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għal kwalunkwe azzjoni neċessarja fil-bajja.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-awtorità responsabbli għal Triq San Ġwann t’Għuxa f'Bormla hix biħsiebha ċċaqlaq l-arbli li qed jostakolaw il-bankina fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 33319, ninsab infurmata wkoll li fit-triq indikata ma jirriżultax li hemm l-ebda infrastruttura ta’ Enemalta li qiegħda tostakola l-bankina.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu rapporti lill-entità responsabbli għall-arbli fi Triq San Ġwann t’Għuxa f'Bormla dwar l-arbli li qed jostakolaw il-bankina fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li skont ir-records ta’ Enemalta ma sarilha ebda rapport dwar arbli fit-triq indikata.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jirriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied? Tista’ tgħid ukoll meta hu maħsub li dawn jingħalqu u x’ser ikun imiss wara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fejn jikkonċerna d-distribuzzjoni tal-elettriku, r-Regolamenti dwar il-Konnessjoni u l-Provvista tal-Elettriku (L.S. 545.41) jipprovdu biex l-Enemalta tkun ikkonsultata f’kull żvilupp li jiġi propost. Fix-xhur li għaddew, biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni, l-Enemalta poġġiet cables ġodda kemm fix-Xlendi u f’lokalitajiet oħrajn f’Għawdex. Madankollu t-tisħiħ tan-network huwa wkoll proċess kontinwu u, kif għamilna fl-aħħar xhur, se nibqgħu naħdmu biex inkomplu nsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni fil-gżejjer tagħna.
Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-konsultazzonijiet mal-entitajiet konċernati jsiru b’mod regolari u dan biex ikun assigurat li d-domanda tibqa’ tiġi milħuqa. Kif diġà spjegajt fi tweġibiet preċedenti li tajt lill-Onor. Interpellant, l-Korporazzjoni diġà għandha ppjanat biex tibni stazzjon ġdid tal-ippumpjar fix-Xlendi.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx inkjesta dwar x’wassal biex parti minn Wied Speranza, li kien għadu kif ġie rinovat u inawgurat, ċeda mal-ewwel xita? Tista’ tgħid ukoll min se jġorr ir-responsabbiltà għal dan ix-xogħol li mar fix-xejn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li Project Green qed tagħmel valutazzjoni teknika dettaljata tal-ħsarat u jirriżulta li l-ħajt inkwistjoni, li parti minnu ġġarrfet wara l-ammont sostanzjali ta’ xita li għamlet fil-ġranet li għaddew, inbena skont il-permessi approvati u bil-metodi stabbiliti għall-kostruzzjoni ta’ ħitan tradizzjonali. Qegħdin isiru wkoll spezzjonijiet fuq ħitan oħra fl-istess wied biex tkun żgurata s-sigurtà tagħhom.
Il-kuntrattur li għamel ix-xogħol huwa marbut kuntrattwalment għal ħames snin li jżomm ix-xogħol f’kundizzjoni tajba. Wara diskussjoni u qbil mal-kuntrattur, ir-rikostruzzjoni tal-ħajt se ssir, a spejjeż tal-kuntrattur, wara li tgħaddi x-xitwa, minħabba l-ammont sostanzjali ta’ ilma li jinġabar fil-wied u biex tiġi preservata l-integrità ambjentali tal-post. Għaldaqstant qed ikun immirat li x-xogħol ikun jista’ jibda fl-aħħar ta’ Mejju.
Project Green, flimkien mal-kuntrattur, qed tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun assigurata s-sigurtà ta’ kull min jaċċessa ż-żona.
Ta’ Qali - Picnic Area - Xogħlijiet approvati mill-ERA u Project Green
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-approvazzjonijiet mogħtija kemm mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u kemm minn Project Green biex setgħu jsiru x-xogħlijiet fil-picnic area f’Ta’ Qali, hekk kif jistipula l-Avviż Legali 85 tal-2025 dwar proġetti ta’ tħaddir minn aġenziji tal-Gvern, fost oħrajn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmata li fejn għandu x’jaqsam xogħlijiet f’Ta’ Qali, kienet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li kienet ikkonsultata dwar PA/08356/24.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-impjant ta’ emerġenza f’Delimara ntużax fis-sena 2024 jew f’okkażjoni oħra minn meta ġie installat? Jekk fl-affermattiv, tista’ tindika d-dati u l-ħin meta dan l-impjant intuża?
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim kollettiv tal-impjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li huwa fis-seħħ bħalissa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Id-dokument mitlub huwa kummerċjalment sensittiv u mhux qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kundizzjonijiet huma dawk maqbula bejn l-Amministrazzjoni, WSC u l-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-entità.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28586, tista’ l-Ministru tgħid kemm saru iktar spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minn meta ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ twissijiet li nħarġu, u kemm inħarġu ċitazzjonijiet, mit-total ta’ spezzjonijiet li ssemmew fl-istess tweġiba, u mill-ispezzjonijiet li saru minn dakinhar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-1 ta’ Jannar 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet total ta’ 1,082 spezzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar speċifikament fir-rigward ta’ monitoraġġ għal skart imqiegħed barra meta mhux suppost kif ukoll dwar nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Kull spezzjoni tikkonsisti f’shifts ta’ madwar ħames (5) u sitt (6) sigħat ta’ monitoraġġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm saru spezzjonijiet kull xahar kif ukoll kemm inħarġu twissijiet u multi amministrattivi fl-istess perjodu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29265, tista’ l-Ministru tgħid jekk is-47 dispensers intelliġenti li kellhom jitwaħħlu, fil-fatt twaħħlux? Tista’ tgħid ukoll f’liema partijiet tal-Mellieħa jinsabu dawn l-istess dispensers u meta huwa mistenni li jitwaħħlu dawk li sa issa għadhom ma twaħħlux?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-ammont indikat f’din il-mistoqsija parlamentari twaħħlu 29 dispenser, biex b’hekk issa fil-lokalità tal-Mellieħa hemm total ta’ 77 dispenser li huma attivi u l-bdiewa diġà qegħdin jagħmlu użu minnhom. It-18-il dispenser l-oħrajn se jkunu qegħdin jiġu installati fi Triq il-Wilġa (10), Triq il-Biedja (4) u fi trejqa li tagħti għal Triq Għajn Tuffieħa (4). Dawn għandhom ikunu qed jitħaddmu wkoll fil-ġimgħat li ġejjin.
San Pawl il-Baħar - Burmarrad - Sqaq Ta’ Ċampra - Sistema tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29264, dwar servizzi ta’ main ġdid tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb fi Sqaq Ta’ Ċampra, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari minn meta ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kważi sitt xhur ilu? Jekk iva, meta hu mistenni jsir ix-xogħol u jekk le, x’qed iżomm milli jkun hemm l-iżviluppi neċessarji?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-preparamenti meħtieġa għat-twettiq tax-xogħol li qed issir referenza għalih jinsabu fl-istadji finali u tali xogħol mistenni li jibda fl-ewwel kwart tas-sena.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29862 dwar is-servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb tal-BCRS, tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-11-il sit li qed ikunu mmaniġġjati? Tista’ tgħid ukoll jekk mid-data li ngħatat it-tweġiba tal-mistoqsija msemmija sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, żdidux ukoll is-siti li qed jiġu mmaniġġjati? Jekk iva, kemm żdiedu dawn is-siti? Fejn jinsabu s-siti indikati fl-istess tweġiba, u jekk żdiedu fejn huma s-siti li żdiedu? Mil-liema lokalitajiet qed jinġabru l-fliexken, u kemm inġabru sa issa? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm investiment ġdid, u fil-każ kemm sewa, u fuqiex sar? Kemm hu n-numru ta’ persuni bil-blue badge li qed jingħataw dan is-servizz u kif inhuma mifruxa lokalità b’lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif hemm spjegat fit-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 29468, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni jkunu preżenti fi ħdax-il sit b’domanda għolja għal użu tal-magni tal-BCRS, biex jassistu fiż-żamma ta’ dawn is-siti. Il-ħaddiema qed ikunu f’żewġ hubs f’San Pawl il-Baħar, ir-Rabat (Malta), ix-Xemxija, il-Gżira, Ta’ Xbiex, il-Furjana, il-Belt Valletta, f’San Tumas (Marsaskala), u żewġ hubs oħra f’Tas-Sliema.
Is-servizz ta’ ġbir ta’ kontenituri minn wara l-bieb qed jiġi pprovdut fi 32 lokalità differenti u qed jagħmlu użu minnu 3,410 persuna. Ninsab infurmata li l-istatistika li żżomm id-Diviżjoni ma tagħmilx differenza bejn persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u oħrajn li jikkwalifikaw għal din l-iskema bis-saħħa tal-Blue Badge.
Minn meta ġie introdott is-servizz fil-bidu ta’ Lulju sa tmiem is-sena li għaddiet, inġabru total ta’ 960,191 kontenitur. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi kemm inġabru kontenituri minn kull lokalità u l-ammont ta’ klijenti li qed jibbenefikaw mill-iskema.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32819 u tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa fil-marketing u PR mill-aġenzija Project Green minn meta twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Project Green għaddejja b’xogħol kbir madwar il-pajjiż biex ikollna iktar spazji miftuħa ġodda, fosthom f’postijiet li kienu maħsuba għall-iżvilupp, tirriġenera spazji miftuħa li tħallew mitluqa għal ħafna snin, filwaqt li tieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tagħhom.
Project Green qed tintervjeni wkoll f’postijiet naturali bħal widien biex tgħamilhom iktar aċċessibbli u siguri, kif ukoll nediet skemi biex tagħti opportunità lin-nies jagħmlu l-parti tagħhom, bħal fost oħrajn bit-tħawwil tas-siġar.
Fix-xogħol li tagħmel Project Green torganizza wkoll numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika sa minn qabel it-tfassil tal-proġetti. Filwaqt li dan hu evidenti ħafna fil-mod kif qed naħdmu fuq it-tliet proġetti ta’ parks nazzjonali, din hija l-prassi anke fi proġetti oħra fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fejn Project Green organizzat 50 laqgħa ta’ konsultazzjoni.
Biex dan ix-xogħol kollu jasal għand il-familji u l-familji jagħmlu tagħhom dawn il-proġetti Project Green tieħu ħsieb li kontinwament tagħmel inizjattivi ta’ informazzjoni, kif ukoll torganizza numru ta’ attivitajiet.
Fil-fatt, mill-2023 sa din is-sena Project Green organizzat 21 tip ta’ attività differenti b’uħud minnhom isiru iktar minn darba (normalment fi ġranet differenti, għalkemm kien hemm każi fl-istess jum) għal total ta’ 41 attività. Dawn l-attivitajiet ikunu jirrikjedu loġistika li f’diversi każi anke tkun offruta b’xejn lil NGOs li jipparteċipaw, kif ukoll is-sehem ta’ artisti jew entertainers professjonali.
Ninsab infurmata li fl-2023 Project Green investiet €112,000 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €122,000 f’informazzjoni kemm dwar l-attivitajiet kif ukoll dwar il-proġetti li nistiednu lin-nies iżuru u jgawduhom mal-familji. Fl-2024 Project Green investiet €12,824 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €107,176 f’informazzjoni u din is-sena investiet €180,528 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €92,238 f’informazzjoni. Din l-istrateġija qed tħalli l-frott hekk kif eluf ta’ familji attendew l-attivitajiet filwaqt li l-parks, inkluż dawk ġodda, qed isiru iktar popolari.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li l-Gvern jibqa’ determinat li jkompli joħloq iktar spazji miftuħa kif indikat fi tweġiba parlamentari 32727, u kif hu evidenti mill-konsultazzjoni nazzjonali li għaddejja bħalissa dwar parks nazzjonali ġodda, saħansitra f’postijiet li għal snin twal il-pajjiż kien qed jara potenzjal ekonomiku u llum ittieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm prijoritajiet soċjali u ambjentali.
Fl-istess ħin, Project Green u l-Gvern daqstant ieħor huma kommessi li dawn l-ispazji jkunu iktar magħrufa man-nies li għandhom anke jikkontribwixxu fit-tfassil tagħhom u saħansitra torganizza avvenimenti biex jitgawdew, minn sezzjonijiet differenti tas-soċjetá.
Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal mormi illegalment
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fejn ser jiġi depożitat il-materjal mormi illegalment fil-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk instabx post alternattiv?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ammont kbir ta’ materjal li jinsab fil-barriera msemmija huwa materjal li jista’ jiġi riċiklat u allura m’għandux jiġi mormi. L-operatur tal-barriera huwa fl-istadju li jipproċessa dan il-materjal biex ġaladarba dan ikun sar, ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-livelli finali skont in-normi regolari tal-Ippjanar.
Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal mormi illegalment
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jittieħed baseline tal-materjal mormi illegalment fil-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex ikkalkulat jew meta ser jiġi kkalkulat kemm-il vjaġġ bit-trakk ser ikun hemm bżonn biex jitneħħa minn dan is-sit għal sit alternattiv?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li din il-materja qiegħda tkun indirizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi peress li fis-sit hemm illegalitajiet kemm ta’ natura ta’ pjanar u dawk ambjentali. L-Awtoritajiet talbu baseline tal-livelli lill-Perit u huwa parti mill-method statement mitlub lill-operatur. Barra minn hekk, sar ukoll drone survey. Ħafna mill-materjal fis-sit huwa materjal li jistà jiġi riċiklat u allura m’għandux jiġi mormi.
Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal illegali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex jitneħħa l-materjal illegali li tpoġġa fis-sit tal-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex maħdum il-work method statement u tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-method statement għar-restawr tas-sit, sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, għadu qed jiġi evalwat, anke permezz ta' spezzjonijiet fuq is-sit, biex jiġu verifikati l-livelli tal-art kollha kif proposti fid-dokument. Dan id-dokument jiġi approvat la darba tiġi konkluża din l-evalwazzjoni.