Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija maħtura mill-Ministeru bħala membru ta’ bord jew entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, liema huma dawn il-ħatriet, kemm minnhom huma nisa jew irġiel u jindika l-kariga li għaliha ġew maħtura?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 19241 - Persuni Maħtura Bħala Membru ta' Bord jew Entità (002).pdf
Bajja ta’ Birżebbuġa – studju dwar il-livell ta’ ħsejjes
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19204, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir studju dwar il-livell tal-ħsejjes fil-Bajja ta' Birżebbuġa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-istudji tal-ħsejjes li tagħmel l-ERA huma dawk rikjesti mill-Environmental Noise Directive li jesiġu li jsir studju (noise maps) fejn hemm toroq maġġuri li fihom isiru iktar minn tlett miljun traġitt ta’ vetturi fis-sena jew inkella fejn hemm densita’ qawwija ta’ popolazzjoni li f’Malta primarjament hi iż-żona ta’ madwar il-Port l-Kbir. L-istudji imsemmija isiru kull ħames snin u li jmiss għandu jsir fl-2022. Fil-każ ta’ B’Bugia it-triq li minn Ħal-Far twassal sal-Freeport u dik li tgħaddi min ħdejn Għar Dalam sal-Bajja ta’ San Ġorġ it-tnejn huma koperti min dawn in-noise maps u allura anticipat li ser jerġhu ikunu studjati permezz tan-noise maps fl-2022. Ir-riżultati qiegħdin fuq il-webportal tal-ERA fl-indirizz https://eraportal.org.mt/meps. Sadanittant, bi preparazzjoni ghall-istudju li jmiss fl-2022, l-ERA ser tagħmel analizi biex tistabbilixxi jekk l-volum tat-traffiku li jgħaddi mit-toroq tal-bajja ta’ B’Birżebbugia illum jeċċedix l-livelli meħtieġ mid-direttiva ghal preparazzjoni ta’ noise maps u jekk jirriżulta hekk, allura imbagħad anke dawn it-toroq ikunu inklu¿i fl-istudju li jrid isir fl-2022.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta hemm il-ħsieb li jitnaddaf Wied il-Għasel fil-Mosta peress li l-post huwa attrazzjoni għal numru kbir ta’ nies li jħobbu jmorru jimxu fil-kampanja?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għall-appartamenti f'Għawdex mill-2013 'l hawn, sena b'sena u maqsumin skont kemm għandhom kmamar tas-sodda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Attachments:PQ19565- Ghawdex permessi ghal appartamenti 2013-2020_02_03.pdf
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, għall-perjodu ta’ bejn l-2013 u Settembru 2020, l-informazzjoni mitluba ngħatat diġà bi tweġiba għall-mistoqsijiet Parlamentari 2538, 11390 u 16608 ta’ din il-Leġislatura. B’żieda ma’ din l-informazzjoni ngħarrafha li, minn Ottubru 2020 sal-lum, l-għadd ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni li rċieva l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, inklużi l-entitajiet li jaqgħu taħtu, kienu kif ġej:
Bejn Ottubru u Diċembru 2020: Tlettax-il (13) talba; u Bejn Jannar u
Frar 2021: Seba’ (7) talbiet.
Kull talba titwieġeb skont kif tgħid il-Liġi li ddaħħlet fis-seħħ fis-sena 2012.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm kien l-ammont f’tunnellati ta’ skart solidu li daħal f’Tal-Kus f’Għawdex tul il-leġislatura preżenti maqsuma sena b’sena? Jista’ jispjega wkoll kemm minn dan l-iskart għadu miġbur hemmhekk?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 19417 Għawdex tal-Kus Skart Solidu.pdf
Tribunal ta’ reviżjoni għall-ambjent u l-ippjanar – deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament:
a. in kwantu d-deċiżjonijiet tat-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar, kemm minn dawn ikkonfermaw u kemm minnhom qalbu deċiżjonijiet tal-Bord tal-Ippjanar fis-snin 2018, 2019 u 2020?
b. in kwantu d-deċiżjonijiet maqluba, kemm minn dawn kienu ġew deċiżi b’mod unanimu mill-bord tal-Ippjanar? u
c. kemm mid-deċiżjonijiet maqluba, kienu jirrigwardaw lil Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.
Għawdex – Għasri – Triq il-Lanterna – xogħlijiet — permessi
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18901 rigward permessi għal xogħlijiet fi Triq il-Lanterna ġewwa l-Għasri fejn intqal minnek 'li x-xogħlijiet fuq it-triq li twassal għall-Fanal tal-Ġordan jikkonsistu minn rikostruzzjoni ta’ triq eżisteni fejn tali xogħol huwa meqjus bħala żvilupp permess skont Klassi 3 fl-Ewwel Skeda tal-Liġi Sussidjarja numru 552.08.' jista’ l-Ministru jispjega x'inhuma r-raġunijiet li saret applikazzjoni quddiem il-PA bin-numru DS/00285/20 'To Sanction new works and the removal of dangerous structures, including cascading road structure, retaining walls, and rubble walls and shoring of the same structures and rebuilding of rubble walls to capture falling debris' mill-Ministeru għal Għawdex u l-permess meħtieġa għadhom ma ħarġux? Jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn in-'New Works' li saru bla permess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan il-każ ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ tali applikazzjoni tenut tal-fatt li tali ¿vilupp huwa meqjus bħala żvilupp permess u kien hemm il-ħtieġa li jsiru interventi b’urġenza minħabba sigurtà pubblika, xogħlijiet li huma ukoll mhux meqjusa bħala żvilupp skont l-Artikolu 70 tal-Att VII tal-2016. Infakkar li t-triq kienet fi stat prekarju u bi ħsarat strutturali sostanzjali, inkluża ħsara fil-bażi u l-ħitan li fuqhom kienet qed isserraħ l-istess triq, kif joħroġ mill-applikazzjoni ta’ ‘dangerous structure’ DS/00285/20.
Jista’ l-Ministru jindika lokalità b’lokalità f’Malta u Ghawdex kemm hu l-ammont obbligatorju ta’ Bring in Sites li suppost iridu jitpoġġew f’kull lokalità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-permess maħruġ mill- Awtorità għall-Ambjent u r-Ri¿orsi lill-Iskemi awtorizzati għall-ġbir tal-iskart jobbliga lill-istess Skemi biex jidħlu f’arranġament mal-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex jipprovdu bins biżżejjed li jaqdu l-bżonnijiet u l-popolazzjoni tal-lokalitajiet. Madankollu il-liġi kif inhi llum ma tistipolax l-ammont ezatt ta’ Bring-in-Sites li għandhom jitpoġġew f’kull lokalità.
Iżda fl-emendi li hemm proposti fir-regolamenti tal-iskart u li nħarġu għall-konsultazzjoni pubblika u li bħalissa qed ikunu iffinalizzat, hemm propost li kull lokalita’ trid tipprovdi spazju għal Bring in Site/s skont il-popolazzjoni. Ovvjament id-dettall ikun stabbilit meta jkunu ffinilażżati l-emendi wara li tkun ittieħhdet in kunisderazzjoni l-konsultazzjoni li saret.
Żoni ta’ Selmun u l-Imġiebaħ – xogħlijiet illegali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadu l-awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu fuq rapporti li daħlu fl-aħħar sigħat, liema rapporti kienu allegatament qed jindikaw xogħol illegali fiż-żoni ta’ Selmun u l-Imġiebaħ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn informazzjoni li ksibt mill-awtoritajiet kompetenti, jirri¿ulta li fl-attività li kienet għaddejja fi Triq l-Imġiebaħ ma kien hemm xejn illegali. Ngħarrfu li, mill-investigazzjonijiet u ż-żjarat fuq il-post li saru, rriżulta li ċr-rapporti li daħlu kienu jirreferu għal ħażna temporanja ta’ bricks fi triq eżistenti, fejn hemm wesgħa biex ma jiġix ostakolat l-aċċess. Id-depożitu temporanju ta’ dan il-bricks kien relatat ma’ xogħlijiet li qed isiru fil-viċin u li huma koperti bil-permessi meħtieġa. Ir-raġuni għala l-bricks kellu jitpoġġa hemmhekk kienet li l-aċċess għas-sit hu dejjaq u trakkijiet kbar ma jistgħux jaslu mingħajr ma jagħmlu ħsara; għaldaqstant ix-xogħol inħatt fil-wesgħa msemmija sabiex ikun jista’ jitwassal fis-sit b’vetturi iżgħar. Ninsab infurmat li fil-fatt dan il-bricks tneħħa diġà.
Żoni ta’ Selmun u l-Imġiebaħ – xogħlijiet imwettqa
Question
Jista’ l-Ministru jindika u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xogħlijiet imwettqa b’permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u bl-approvazzjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fiż-żoni ta’ Selmun u l-Imġiebaħ bejn Jannar 2016 u Frar 2021?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex, fil-mistoqsija tiegħu, jispeċifika aħjar iż-żoni u n-natura tax-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom u dan sabiex ikunu jistgħu jsiru r-riċerki meħtieġa. Ninsab infurmat li, aktar milli lista ta’ xogħlijiet, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi jkunu f’pożizzjoni li jipprovdu lista ta’ permessi maħruġa fuq żona speċifika.
Spazji fejn isir ħruq ta’ nar – żoni fejn ma jsirx żvilupp
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li l-ispazji minn fejn jinħaraq in-nar fil-festi ikun ikkonsidrat bħala żona li fiha ma jistax isir żvilupp/bini u dan biex ikun protett il-ħruq ta’ nar tal-festi? Ovvjament nifhem li n-nar f’ħafna ċirkostanzi qed jinħaraq minn żoni ODZ iżda ftuħ ta’ triq/trejqa eċċ, jista’ jkun li maż-żmien ikun qed joħloq impediment għall-istess ħruq ta’ nar.
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-ħruq tan-nar huwa digà regolat mill-Kap 33, Liġi Sussidjarja 33.03.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar u arbuxelli u fejn, ġewwa Għawdex minn Ambjent Malta f'dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanati li jitħawlu siġar u arbuxelli ġewwa Għawdex u fejn, minn Ambjent Malta matul is-sena 2021?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minkejja li r-responsabbiltà għall-affarijiet ta’ Għawdex, inkluża l-afforestazzjoni, taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex, Ambjent Malta hija dejjem disposta li tassisti lill-kwalunkwe entità jew organizzazzjoni li tkun tixtieq tidħol għall-proġetti jew inizjattivi ta’ taħwil ta’ siġar. Bħala eżempju nista’ nsemmi l-kollaborazzjoni li Ambjent Malta kellha din is-sena stess ma’ Heritage Malta u li permezz tagħha tħawlu mija disgħa u tmenin (189) arbuxell fis-sit tal-Ġgantija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jittieħdu passi u min ser jerfa’ r-responsabbilità politika għall-isfreġju ambjentali bi ksur ta’ liġi/regolamenti li seħħew fil-każ tal-passaġġ bil-konkos fid-Dwejra Lines (Victoria Lines) minn Infrastructure Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li diġà ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 19097 u 19098.
Bajja ta’ Birżebbuġa – studju tal-kwalità tal-arja u l-livelli tal-ħsejjes
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar studju tal-kwalità tal-arja u l-livelli tal-ħsejjes fil-Bajja ta’ Birżebbuġa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru fl-aħħar tnax-il xahar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li juri l-livelli ta’ tniġġis f’Birżebbuġa fl-2019 u 2020 skont il-monitoraġġ li tagħmel l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA).
Ninsab infurmat ukoll li fir-rigward tal-livelli tal-ħsejjes, fl-aħħar tnax-il xahar, l-ERA ma għamlitx studji fir-rigward tal-livelli tal-ħsejjes fil-Bajja ta’ Birżebbuġa
Freeport – test fuq vapuri biex ikunu konformi mar-regoli tat-tniġġiż tal-arja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il test sar fuq vapuri li daħlu l-Freeport mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-lum, biex jassigura li dawn huma konformi tar-regoli applikabbli tat-tniġġiż fl-arja waqt li qegħdin fil-port? Jista’ jgħid kemm instabu li ma kenux hekk konformi? X’passi ttieħdu kontra tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
B’żieda mat-tweġiba li kont tajt ghall-mistoqsija parlamentari 16394, ninsab infurmat li l-kontroll tal-emissjonijiet minn vapuri hija responsabbilta’ ta’ Transport Malta u allura nitolbu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru:
(a) jissottometti rapport tal-kejl tal-inkwinament mill-istazzjon taż-Żejtun għas-sena 2019?;
(b) jgħid meta jikkonsidra li Birżebbuġa hi fost l-aktar raħal li qed jaqla’ velenu, u dan minħabba li ‘l fuq minn 2,000 vapur fis-sena jqattgħu ġranet fil-port, u jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tikkonsidrax li tinstalla equipment biex ikejjel it-tniġġiż ġo Birżebbuġa ħalli r-residenti jkollhom informazzjoni iżjed eżatta? u
(c) jgħid jekk ir-riżultati minn dan l-equipment jistax jibda jiġi ppubblikat kuljum ħalli min għandu bżonn jieħu prekawzjonijiet (bħall-morda) ikunu jistgħu jagħmlu hekk?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub dwar iż-żejtun għas-sena 2019. Infurmat ukoll li f’B’Bugia l-ERA tagħmel monitoraġġ ta’ volatile organic compounds, sulphur dioxide u nitrogen dioxide habba il-kwalità tal-arja u dan isir bl-użu ta’ diffusion tubes li jiġu esposti għal-perjodu ta’ erbgħa ġimgħat. Ir-riżultati juru li l-ebda sustanza ta’ tniġġis minn dawk imsemmija hawn fuq ma teċċedi l-limiti stabbiliti fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea (Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa). Barra minn hekk peress li l-kampjuni jittieħdu fuq perjodu ta’ erba’ ġimgħat u l-analiżi tal-kampjuni ssir f’laboratorju barra minn Malta, ir-riżultati ma jistgħux ikunu disponibbli kuljum. Meta jkunu analizzati, l-ERA tipproduċi mapep li juru l-informazzjoni miġbura mid-diffusion tubes. Dawn il-mapep huma disponibbli fuq il-website tal-Awtorità. Madankollu, id-data hija wkoll disponibbli għal individwi fuq talba lill-ERA.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — konsulenti maħtura
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18923, jista’ l-Ministru jindika l-ismijiet tal-konsulenti li ġew maħtura mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.