Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kenitx involuta, u jekk iva kif, fit-tneħħija ta’ diversi siġar fix-shooting range f’Ta’ Kandja?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA rċeviet applikazzjoni NP 0245/17 għall-qlugħ ta’ siġar relatat mal-bini ta’ shooting range f’Ta’ Kandja. L-ERA ddeterminat il-permess favorevolment u ħarget permess nhar it-28 ta’ Novembru 2017. Bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-permess, l-ERA talbet pjan ta’ kumpens għal dawn is-siġar billi talbet li jinżergħu 688 siġra oħra.
L-Awtorità ukoll talbet li tiġi depożitata garanzija bankarja ta’ € 174,500 sabiex jiġi żgurat li l-applikant ikun mexa ma’ l-obbligi tal-permess.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għaddhietlux draft tal-Fuel Station Policy riveduta? Jekk iva, meta għaddithielu, u jekk le, fiex waslet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq talba tiegħi, f’Jannar 2018, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħejjiet rapport fuq il-Fuel Service Station Policy 2015 eżistenti, liema rapport ġie ppreżentat lili f’April. F’dan ir-rapport, l-ERA evalwat il-policy minn aspetti ambjentali, fejn ġew imħejjija numru ta’ rakkommandazzjonijiet għal tibdil fl-istess Policy. Dawn tressqu quddiem il-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Irid jiġi iċċarat li din il-Policy ma taqax taħt il-kompetenza tal-ERA, iżda tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Sussegwenti għar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Parlamentari, il-Gvern talab lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tagħmel reviżjoni tal-
Policy
eżistenti a bażi ta’ numru ta’ parametri, inkluż dak li jittieħdu in kunsiderazzjoni s-suġġerimenti mressqa mill-ERA fir-rapport imsemmi iktar qabel. L-Awtorità tal-Ippjanar nediet konsultazzjoni pubblika bejn is-26 ta’ Ġunju u s-16 ta’ Lulju 2018. Immedjatament ġie mwaqqaf Kumitat b’membri rappreżentati mill-Awtorità tal-Ippjanar, l-ERA u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u Ilma (REWS) sabiex iħejji abbozz tal-
Policy
riveduta fuq il-parametri stabbiliti.
F’Awwissu li għadda, dan il-Kumitat prepara abbozz tal-
Policy
riveduta li ġiet mgħoddija lil numru ta’
stakeholders
għall-kummenti inizjali tagħhom qabel ma dan joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika. L-ERA, bħala
stakeholder
, issottometiet il-kummenti tagħha għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat. Bħalissa dawn il-kummenti qed jiġu kkunsidrati mill-Kumitat qabel ma’ d-dokument jitressaq għall-kunsiderazzjoni tal-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Wasteserv Malta sena b’sena u xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kien il-valur ta’ kull direct order u fiex kien jikkonsisti kull direct order li ngħata mill-Wasteserv Malta mill-2013 sal-lum?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Wied il-Għajn – Enerġija Elettrika b’xejn mill-Impjant ta’ Sant’Antnin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il familja f’Wied il-Għajn irċeviet enerġija elettrika b’xejn mill-enerġija ġġenerata mill-impjant ta’ Sant’Antnin, mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba dwar il-familji f’Wied il-Għajn li bbenefikaw mill-Good Neighbourhood Scheme.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew maħtura tlett Bordijiet tal-Inkjesta. Dawn huma:
· Inkjesta fuq l-operat tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura fejn jikkonċerna l-permessi u kontrolli fuq l-operat tal-
fish farms
tat-tonn
Chairperson – Dr Paul Cachia – Avukat
Data li ġie maħtur l-Bord– 20 Diċembru 2016
Data li ġie ppreżentat r-rapport – 9 Ġunju 2017
· Inkjesta dwar l-operat tad-Direttorat dwar ir-Regolamentazzjoni Veterinarja dwar il-qtil ta’ bhejjem wara li allegatament fil-merħliet tagħhom instabet il-marda tat-tuberkulożi.
Chairperson – Dr Paul Cachia – Avukat
Data li ġie maħtur Bord – 23 Lulju 2018
Ir-rapport għadhu mhux konkluż.
· Inkjesta dwar il-ħruq li sar ġewwa l-kumpless tal-Magħtab nhar il-Ġimgħa 31 t’ Awwissu 2018.
Chairperson – Mr. Louis Borg
Data li ġie maħtur Bord – 10 Settembru 2018
Ir-rapport għadhu mhux konkluż
Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – Ħal Far – duħħan abjad
Question
B'referenza għar-rapporti li dehru f'dawn l-aħħar ġranet b’mod partikolari fil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali u li nġabu għall-attenzjoni tal-Awtorità dwar duħħan bajdani fiż-żona ta’ Ħal Far, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk sarux spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi fiż-żona ta’ Ħal Far? Jekk saru jista’ jgħid minn fejn kienet qiegħda toriġina? Jista’ jgħid x'irriżulta li kienet din is-sħaba? Ittieħdu passi ulterjuri mill-Awtorità rigward is-sors ta’ din id-daħna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċeviet rapporti dwar duħħan abjad fiż-żona ta’ Ħal-Far, li wara stħarriġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rriżulta li kien ħiereġ miċ-ċumnija ta' faċilità privata.
Uffiċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi spezzjonaw din il-Faċilità iktar minn darba f’dawn l-aħħar ġimgħatejn, fejn ġie kkonfermat li dan id-duħħan abjad hu filfatt fwar iġġenerat mill-proċess tal-produzzjoni tat-tarmac. L-Awtorità ġiet infurmata li f’dawn l-aħħar ġimgħat din il-faċilità qiegħda taħdem lejl u nhar sabiex jilħqu mad-domanda tat-tarmac minħabba d-diversi xogħolijiet fit-toroq fil-gżejjer Maltin. Dan il-fwar huwa parti mill-proċess tal-ġenerazzjoni tat-tarmac u ma jikser ebda regolament, għaldaqstant ma kienx hemm il-ħtieġa li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tieħu passi ulterjuri.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, jew jekk bediex, liema xogħol li għalih ġew ivvutati €100,000 u li għal dan il-proġett kienet saret press conference fl-istess ġnien qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif jidher tajjeb jekk wieħed iżur is-sit referut, saru diversi xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta’ trinek tul il-ġnien u tqegħid ta’ preparamenti għas-servizzi ta’ dawl, irrigazzjoni u CCTV; tiswija u bini ta’ ħitan; tiswija u bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ; tħaffir ta’ ġiebja għal water feature u l-bini tagħha; u tħejjija ta’ formazzjoni ta’ rampi biex jipprovdu aċċess għal kulħadd. Inxtrat ukoll l-għamara tal-ġnien li jinkludu bankijiet, bins, light poles u bollards.
Bħalissa qiegħda tiġi aġġudikata tender ta’ tqegħid tal-passaġġi tal-ġnien kollu. Dan ix-xogħol mistenni jsir fl-2019 sabiex wara tibda titqiegħed l-għamara tal-ġnien u jsiru l-
finishings
li hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pig Farm Cessation Scheme li skont l-estimi finanzjarji tal-2019 qed juri ċ-ċifra ta' miljun ewro humiex se jkunu miżjuda mal-iskema taż-żewġ miljun ewro li kien parti mill-vot tal-Ministeru għall-Ambjent għas-sena 2018, jew jekk għall-2019 għal dan il-vot se jkun hemm biss miljun ewro?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa vot rikorrenti u li fih għas-sena 2018 ġew ivvutati żewġ miljun ewro. Madanakollu, filwaqt li l-Ministeru kellu bosta diskussjonijiet intensivi mar-rappreżentanti ta’ dan is-settur u ħejja proposti konkreti għat-tħejjija ta’ din l-iskema matul l-2018, sabiex jinstab kunsens sħiħ hemm bżonn ta’ aktar diskussjonijiet magħhom. Peress li l-iskema li eventwalment titħejja għar-ristrutturar f’das-settur tiġi mplementata fuq medda ta’ żmien ta’ aktar minn tnax-il xahar, il-vot għall-2019 ma jirriflettix ceiling massimu għal din l-iskema.
Il-Fgura — Triq Valperga - daħla għal Wied Blandun
Question
Jista' l-Ministru jara li passaġġ li dejjem kien hemm f'Wied Blandun, li d-daħla tiegħu tinsab fi Triq Valperga faċċata ta' Triq il-Giżi, il-Fgura, li minħabba l-maltemp riċenti m'għadux aktar aċċessibli, jerġa' jsir aktar aċċessibbli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li naf u nifhem li hemm diversi xogħlijiet li jridu jsiru fi-sit referut, jien tajt direzzjoni biex ix-xogħlijiet meħtieġa jitlestew sal-aħħar tas-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-metodu/tender ta’ ġbir ta’ skart mill-kunsilli lokali hux se jgħaddi mingħandhom għal għand ir-Reġjuni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prinċipju li l-Ministeru jixtieq jadotta huwa li l-iskart jiġi miġbur fuq skala ġeografika akbar biex ikun hemm iżjed economies of scale. Dan il-prinċipju huwa rifless fil-pjan li ħdimna mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Ngħarrfu wkoll li l-Kunsilli Lokali qatt ma jistgħu jinqatgħu l’ barra mill-organizazzjoni tal-ġbir tal-iskart għall-ġid taċ-ċittadini fil-lokalitajiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed inħallsu lill-Bulgarija tali qed neċċedu l-emission target?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li kif diġà irreferejt fid-diskors tiegħi tal-budget nhar it-Tnejn 5 ta’ Novembru li t-targets tal-emissjonijiet ta’ pajjiżna għas-snin 2009 sal-2020 kienu ġew innegozjati minn Gvern Nazzjonalista fis-sena 2007. Dawn it-targets il-Gvern Nazzjonalista kien diġà jaf li m’humiex fattibbli u kellu indikazzjoni ċara diġà li kien ser ikollu jixtri emission allowances minn membri stati oħra propju minħabba f’hekk. Inżid ngħid ukoll li propju minħabba dan in-nuqqas tal-Gvern Nazzjonalista li dan il-Gvern kien serjament preġudikat meta ġejna għat-targets post 2020.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu għal meta fis-sena 2020 jiskadi l-ftehim li huwa għamel mal-Bulgarija li permezz tiegħu qed inħallsu 70c għal kull tunnellata ta’ CO2 li qed neċċedu l-limiti ta’ emissjonijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4564.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ li bih Malta marret ‘l hinn mil-limiti tal-Unjoni Ewropea għall-emissjonijiet fl-arja fl-2015, fl-2016, u fl-2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-emissjonijiet u tniġġiż tal-arja huma regolati mill-Unjoni Ewropeja f’żewġ aspetti. Hemm regolamenti li jitrattaw il-livelli tal-kwalità tal-arja b’mod ġenerali u regolati mid-Direttiva 2008/50/KE. Wara li jsir eżerċizzju biex titnaqqas il-kontribuzzjoni ta’ sorsi ta’ tniġġiż naturali fit-trab fin (trab tas-Sahara), jirriżulta li l-livelli stipulati mid-Direttiva ma nqabżux. Dan l-eżerċizzju jsir għal valuri li jiġu rreġistrati fl-istazzjon ta’ monitoraġġ fl-Imsida, fejn il-livelli huma iktar għoljin minħabba li jgħaddi iżjed traffiku. Il-livelli tal-ożonu fl-Għarb huma iżjed għoljin minn Malta u ġew eċċeduti fl-2015 u 2017. Din is-sustanza ta’ tniġġiż tiġi ffurmata permezz ta’ reazzjoni kimika fl-arja bħala riżultat ta’ emissjonijiet minn pajjiżi oħra. Fil-fatt Malta tiddependi minn tnaqqis ta’ tniġġiż f’pajjiżi oħra sabiex l-ożonu jkun jista’ jonqos, u fil-fatt hemm leġislazzjoni internazzjonali li tieħu ħsieb li dan jitwettaq.
Leġislazzjoni oħra hija id-Direttiva 2016/2284/KE li tinkludi limiti ta’ emissjonijiet annwali għal Malta għas-snin 2010, 2020 u 2030. S’issa Malta qatt ma qabżet il-limiti tal-2010 u bil-miżuri mwettqa fil-kamp tal-produzzjoni tal-enerġija jidher li mhux se jkun hemm problema biex nilħqu dawk tal-2020.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa biex il-pieni (li żgur mhumiex ta’ deterrent meta l-multa hija biss ta’ €50 għal kull jum, li hija inqas mill-ħlas li jrid isir lill-Awtorità tal-Ippjanar jekk l-iskart jintrema b’mod legali) fil-każ ta’ rimi illegali ta’ skart kummerċjali jsiru iktar ħorox? X’passi ħa wara l-aħbar tat-28 ta’ Frar 2018 li fiż-żona Tax-Xagħri l-Imqalleb, fl-Imqabba, qed jintrema skart industrijali b’mod illegali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Awwissu li għadda jien ħrigt liġi sussidjarja 549.4 emendata li fiha żdiedu b’mod sostanzjali il-multi għal min jinqabad illegalment jitfa’ skart barra. Dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jien infurmat li l-ERA qatt ma daħlilha rapport dwar il-każ u bdiet tinvestigah hekk kif saret taf bih permezz ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari. Jiena naqbel ma’ dak li qed jalludi l-Onor. Interpellant illi r-rimi ta’ l-iskart barra m’għandux ikun tollerat u kien għalhekk li qed nisħaq bil-qawwa kollha li l-ERA iżżid il-kapaċità tagħha ta’ nfurzar għax nemmen li hemm bżonn li f’dan il-pajjiż jinqatgħu l-abbużi.
Wasteserve – trattament ta’ ram, batteries, aluminium, ħadid u wire tal-elettriku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ ram, batteriji, aluminium, ħadid, u wire tal-elettriku nġabru għall-bejgħ u/jew għal iktar trattament mill-Wasteserve fl-2012, 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017, sena b’sena, u materjal b’materjal? X’sar minn dawn it-tunnellati ta’ materjal jew fejn ġew diretti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba
Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hawn barrieri liċenzjati ġewwa Għawdex li għandhom il-permessi kollha meħtieġa min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex fihom jintefa’ skart tal-kostruzzjoni? Jista’ jagħti r-raħal u l-indirizz fejn jinsabu dawn il-barrieri? Jista’ jgħid ukoll għal kemm hu validu l-permess li għandhom kif ukoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess maħruġ għal kull barriera?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għas-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (https://era.org.mt/en/Pages/Quarries%20permitted.aspx) fejn hawn isib l-informazzjoni kollha li qed jitlob. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iscreenshot tal-website msemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders, kemm kien il-valur u fiex kien jikkonsisti kull direct order li ngħata mill-Wasteserv Malta lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u xahar b'xahar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Peress li hu fatt magħruf li t-tonn li jkun ilu maqbud jiġi ttrattat bil-carbon monoxide biex jidher iktar frisk u roża fil-kulur tiegħu u dan imur kontra regoli tal-Unjoni Ewropea u ġeneralment dan it-tip ta’ tonn qed jinxtara bi prezz irħis u minħabba din il-prattika irregolari jinbiegħ bi prezz ferm għola, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel id-dipartiment biex jiżgura li fis-suq Malti ma għandniex dan it-tip ta’ tonn? X’testijiet qed jsiru u fejn? Kemm-il tunnellata ta’ tonn ta’ dan it-tip inqabad?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jagħmel spezzjonijiet fi stabbilimenti li jipproċessaw prodotti tas-sajd f'Malta. Waqt dawn l-ispezzjonijiet ma nstabu l-ebda makkinarju meħtieġ biex iwettaq attività illegali bħal din. Ta min isemmi li dan il-makkinarju huwa pjuttost goff u għalhekk jista jintlemaħ faċilment waqt dawn l-ispot checks. Matul dawn l-istess spezzjonijiet id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja tiffoka wkoll fuq il-kontrolli tal-indikaturi tal-freskezza, biex jevalwaw jekk hemmx użu abbuziv ta’ dawn il-prattiċi jew oħrajn simili.
Kontrolli fil-ħwienet li jbiegħu prodotti minn pajjiżi oħra jsiru minn Ministeru differenti u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.