Programm għall-Iżvilupp Rurali — fondi Ewropej - toroq rurali
Question
Tista l-Ministru tgħid meta se jkunu pproċessati l-applikazzjonijet għal Fondi Ewropej fir-rigward toroq rurali taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 kemm dawk imressqa mill-Kunsilli Lokali kif ukoll minn Transport Malta? Jekk hemm applikazzjonijiet approvati, tista’ tagħti lista ta’ toroq li se jkunu magħżula?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-ewwel blokk ta’ applikazzjoniet għall-Fondi Ewropej fir-rigward tat-toroq rurali qegħdin preżentament jiġu evalwati. Dan il-proċess mistenni jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
Kunsill Lokali Marsaskala: Inizjattivi biex tissaħħaħ l-attività turistika
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti jew inizjattivi saru mill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta biex tissaħħaħ l-attività turistika f’din il-lokalità?
Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid – laqgħat ta’ konsultazzjoni mas-sidien tal-ħwienet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa ta' konsultazzjoni saret qabel u minħabba l-proġett tal-pjazza, mas-sidien tal-ħwienet tal-Pjazza ta' Raħal Ġdid fl-aħħar xhur? Fejn u meta saru?
Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku – prestazzjoni ta’ Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-prestazzjoni ta’ Malta fejn tidħol it-traspożizzjoni tal-liġi skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-informazzjoni mitluba hija skont kif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif esebit fit-tabella tul dawn l-aħħar ħames snin, Malta kellha prestazzjoni eċċezzjonali fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, kemm fejn jidhlu traspożizzjoni tal-liġijiet, kif ukoll fil-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Fil-fatt, Malta irnexxiela żżomm perċentwal rekord ta’ inqas minn wieħed (1) fil-mija (100) meta kkumparata mal-medja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. Izjed minn hekk, fl-aħħar sentejn, Malta irnexxielha żżomm l-ewwel post tal-klassifika fost it-tmienja u għoxrin Stat Membru. Dan kollu juri li Malta timmonitorja t-traspożizzjoni fil-ħin tad-direttivi b’mod tajjeb ferm.
Barra minn hekk, it-Tabella turi tnaqqis drastiku fejn jidħlu każijiet pendenti fil-qasam tas-suq uniku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fl-2016, Malta kellha t-tieni l-iżgħar numru ta’ każijiet relatati mas-suq uniku u cioè 5 każijiet, meta medja tal-każijiet pendent tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea kienet 24.
Każijiet ta’ avviżi ta’ Tqegħid fil-Mora, Opinjoni, Motivata u Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni Ewropea
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każi ta’ avviżi ta’ Tqegħid fil-Mora, Opinjoni Motivata u Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni Ewropea mill-2004 sal-lum? Kemm kienu dawk il-każi li ngħalqu mill-Kummissjoni fl-istess perjodu?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-informazzjoni mitluba hija skont kif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qasam Finanzjarju tal-Unjoni (MFF) – preparamenti tal-Gvern
Question
Peress li waħda mill-aktar diskussjonijiet importanti li se jkollha l-Unjoni fis-sena u s-snin li ġejjin, apparti Brexit, se tkun fuq il-qafas finanzjarju tal-Unjoni (MFF) għal wara l-2020 u ladarba n-negozjati dwar dan il-qafas jibdew minn ħafna qabel, tista’ l-Ministru telabora dwar il-preparamenti fi ħdan il-Gvern biex iħejji ruħu għall-hekk imsejjaħ post-2020 MFF, anke fid-dawl tal-fatt li ħiereġ it-tieni l-akbar kontributur tal-Baġit Ewropew, ir-Renju Unit?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin il-preparamenti interministerjali, biex nifformulaw il-pożizzjoni tal-Gvern Malta fuq il-‘post-2020 MFF’. Fost l-oħrajn qed isiru eżerċizzji dwar xenarji differenti u l-impatt tagħhom fuq Malta.
Bħala Stat Membru tal-Unjoni aħna nemmnu li, fid-dawl tas-serje ta' kriżijiet li laqtu l-UE f'dawn l-aħħar snin, prinċipalment fir-rigward tal-kriżi ta' migrazzjoni u sigurtà, il-baġit tal-UE wara l-2020 għandu jipprijoritizza b'mod raġonevoli rispons adegwat għal dawn l-isfidi. Irid ikollu jinkorpora fih flessibilita’ li tagħti l-Unjoni lok biex tieħu azzjoni meta jfaqqgħu kriżijiet mhux mistenniha.
Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropeja għall hekk imsejjaħ Post-2020 MFF hi ppjanata li tkun lesta f’Mejju tal-2018. L-għan ewlieni tagħna f’dan ir-rigward hu li ma jkunx hemm xokk fil-pożizzjoni netta ta’ Malta u li l-Baġit Ewropew ikompli iservi ta’ strument katalitiku fuq ir-rittmu ekonomiku ta’ Malta.
Fl-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex l-ebda stat membru ma jkun iżolat min-network Ewropew tal-gass, tista’ l-Ministru tagħti aktar informazzjoni dwar x’qed jagħmel il-Gvern Malti biex imexxi ’l quddiem din il-politika maqbula fil-livell Ewropew u biex iwettaq dak li hu mistenni mill-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem sabiex jinbena pipeline tal-gass bejn Malta u Gela, ġewwa Sqallija, li mistenni jitlesta sa sena 2024. Dan l-proġett mistenni jiswa madwar €320 miljun u ser ikun intitolat għall-fondi Ewropej wara li dan qed ikun ikkunsidrat bħala progett ta’ interess komuni għall-Ewropa. Il-Gvern jara dan il-proġett bħala pass importanti ħafna għall-izvilupp u t-titjib tal-infrastruttura ta’ pajjizna. Il-Gvern Malti beda jaħdem fuq il-proċess hekk kif applika formalment għall-permessi kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja.
Peress li skont il-manifest elettorali tal-2017, li bih ġie elett il-Gvern, hemm madwar €24 miljun mill-Fondi Ewropej li se jintużaw għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kif se jintefqu dawn il-fondi u x’tip ta’ proġetti biħsiebu jwettaq il-Gvern fil-parti t’isfel tal-Belt Valletta?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-flus ser imorru għall-investiment infrastrutturali indirizzat lejn tlett oqsma:
· fl-assi kulturali;
· f’titjib fil-bini ta’ housing soċjali pubbliku; u,
· fi spazji miftuħa għal komunita.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - talbiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Tista’ l-Ministru tgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u twegiba tinghata f'seduta ohra.
Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg – ingaġġ ta’ ħaddiema barranin
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk id-DIER jagħmlux aċċertazzjoni li f’kumpaniji tal-manifattura ma jkunx qed jintuża l-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin biex jitbaxxew ir-rati li jitħallsu bihom il-ħaddiema Maltin fuq l-istess xogħol?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-DIER waqt l-investigazzjonijiet tiegħu f’postijiet tax-xogħol differenti jara li l-kundizzjonijiet tax-xogħol kollha, inklużi dawk relatati mal-ħlas ta’ pagi ma jiġux miksura għad-detriment tal-ħaddiema kkonċernati.
F’dan ir-rigward id-Dipartiment ma jiddistingwix fl-investigazzjonijiet tiegħu bejn ħaddiema Maltin u barranin u għaldaqstant jara li l-liġi tkun rispettata fl-intier tagħha.
NCPE – riżultati mill- Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fir-rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien ir-riżultat tax-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tmexxi ’l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi?
Response (DALLI, HELENA)
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) kienet deputy chair fi grupp ta’ ħidma fejn ġew diskussi Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ħiliet tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol li ltaqa’ tlett darbiet waqt il-Presidenza (darbtejn f’Jannar u darba fi Frar). Għaldaqstant, l-NCPE għamlet xogħol bi preparamenti għal dawn il-laqgħat, fosthom ipparteċipat f’diskussjonijiet sabiex ġew imfassla dawn il-Konklużjonijiet u ppreparat l-abbozzi neċessarji; ipprovdiet informazzjoni u suġġerimenti sabiex jissaħħaħ il-prinċipju tal-ugwaljanza fil-Konklużjonijiet; u kienet attiva fid-diskussjonijiet u n-negozjar ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq qbil. Filfatt intlaħaq qbil bejn l-Istati Membri u dawn il-Konklużjonijiet ġew adottati fil-laqgħa tal-Kunsill tal-EPSCO ta’ Marzu 2017.
L-NCPE kienet ukoll deputy chair fi grupp ta’ ħidma dwar il-Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża u miżuri relatati. Sar xogħol sabiex isiru l-emendi neċessarji fid-Direttiva minħabba l-fatt li kienet ilha ma tiġi diskussa mill-2015. Sar ukoll lobbying ma’ rappreżentanti Ewropej sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta’ din id-Direttiva. L-NCPE ipparteċipat fil-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma li saret f’Marzu fejn diversi Stati Membri kkonfermaw li minħabba elementi ta’ subsidiarity u proportionality ma jistax ikun hemm qbil. Il-Presidenza għaldaqstant ippublikat Progress Report biex tagħti rendikont tax-xogħol sa dak iż-żmien.
L-NCPE ħadmet ukoll fl-organizzazzjoni tal-laqgħa tal-High Level Group on Gender Mainstreaming fejn ikkollaborat mal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ma’ diversi rappreżentanti tal-Presidency Unit rigward il-loġistika u l-aġenda tal-laqgħa. Din il-laqgħa mmexxjia mill-Kummissjoni Ewropea tiltaqa’ f’kull Presidenza. Għal-laqgħa li saret f’Malta kien hemm il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha. Il-laqgħa ta’ Malta indirizzat temi relatati mal-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-irġiel, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja.
NCPE –implimentazzjoni tal-politika ta’ gender mainstreaming
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar ħidmet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fejn kienet tidħol l-implimentazzjoni tal-politika ta’ gender mainstreaming fl-operat tal-Gvern?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) regolarment tagħti taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi dwar it-tifsira tal-istrateġija ta’ gender mainstreaming u l-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll dwar kif għandhom jiġu rrappurtati annwalment l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu marbuta ma’ din l-istrateġija fix-xogħol tal-Gvern. Dan ir-rappurtaġġ annwali huwa obbligu ta’ kull dipartiment/entità tal-Gvern, hekk kif imniżżel f’OPM Circular 15/2012, u r-rapporti Barra t-taħriġ regolari, l-NCPE tiltaqa’ ukoll ma’ dawk id-dipartimenti/entitijiet li jkunu jeħtieġu għajnuna sabiex jippreparaw ir-rapport annwali tagħhom.
Mill-2012 sal-2017 l-NCPE tat 32 sessjoni ta’ taħriġ dwar gender mainstreaming fis-settur pubbliku li għalihom attendew iktar minn 500 uffiċjal pubbliku. Kull sena, mill-2013 ‘l hawn, l-NCPE ippreparat rapport li fih eżaminat ir-rappurtaġġ annwali mid-dipartimenti/entitaijet tal-Gvern.
Fl-2017, l-NCPE irċeviet 99 rapport minn dipartimenti/entitajiet tal-Gvern b’informazzjoni dwar xogħol ta’ gender mainstreaming li sar tul l-2016. Fl-evalwazzjoni tagħha, l-NCPE innutat li hemm bżonn ta’ iktar għarfien dwar l-istrateġija ta’ gender mainstreaming u l-obbligu li jsir rappurtaġġ annwali dwar l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu għandhom jintbagħtu lil NCPE sabiex jiġu analiżżati u jitħejja rapport ikkonsolidat.
NCPE – diskussjoni dwar gender quotas fil-politika
Question
Tista’ l-Ministru tindika jekk sarx xi xogħol mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) marbut mad-diskussjoni dwar gender quotas fil-politika?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fl-2016, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) ħejjiet riċerka dwar in-nisa fil-politika u gender quotas li:
· spjegat għaliex huwa importanti li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-parteċipazzjoni politika;
· iddeskriviet it-tipi differenti ta’ kwoti li jeżistu;
· iddiskutiet l-implimentazzjoni tagħhom;
· għamlet rakkomadazzjonijiet fil-kuntest ta’ Malta.
Abbażi ta’ din ir-riċerka, l-NCPE qajjmet iktar kuxjenza dwar dan is-settur fuq il-media permezz ta’ tlett stqarrijiet:
· Ir-rappreżentazzjoni baxxa ta’ nisa fil-politika trid tiġi indirizzata (18/06/2016)
· Il-partiti politiċi għandhom jippreżentaw listi bilanċjati ta’ kandidati nisa u irġiel (13/02/2017)
· Defiċit demokratiku meta n-nisa u l-irġiel ma jkunux rappreżentati b’mod ugwali (27/07/2017)
Tista’ l-Ministru ssemmi l-inizjattivi mmirati lejn l-istudenti li saru mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) minn Jannar 2016 sal-aħħar ta’ Lulju 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tad-Drama, organizzat attivitajiet ta’ teatru interattiv fl-edukazzjoni bit-titlu ‘Sterjotipi’ immirati lejn studenti tal-Forms 2, 3 u 4. Sal-aħħar ta’ Lulju 2017, kienu saru 14-il rappreżentazzjoni u ntlaħħqu 1,354 student. Dan it-teatru ta opportunitὰ lill-istudenti li jaħsbu b’mod kritiku dwar ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel li jeżistu fis-soċjetὰ, sabiex jinfetħu aktar opportunitajiet għal kulħadd. Huwa ppjanat li din l attività titkompla fil-bidu ta’ din is-sena skolastika.
L-NCPE organizzat ukoll roving van biex idur l-iskejjel post-sekondarji u terzjarji bil-għan illi titqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u l-isterjotipi. Waqt din l-attività, l-istudenti rġiel ġew imħeġġa jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq is-suġġett. B’kollox ġew miġbura ‘l fuq minn 850 kumment li qed jiġu mtellὰ fuq is-siti soċjali tal-NCPE. Din l-attività saret f’sitt postijiet (MCAST Mosta, l-Università ta’ Malta, Giovanni Curmi Higher Secondary Naxxar, MCAST Raħal Ġdid, Junior College Msida, u M. A. Refalo Għawdex) bejn Frar u Mejju tal-2017.
Tista’ l-Ministru tgħid x’attivitajiet jew inizjattivi saru mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) minn Jannar 2016 sal-aħħar ta’ Lulju 2017 immirati għal min iħaddem?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li f’Jannar tal-2017, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) organizzat Business Breakfast għal min iħaddem. Waqt din l-attività, ġiet diskussa l-importanza ta’ miżuri favur il-familja fuq il-post tax-xogħol. 70 parteċipant attendew din l-attività.
L-NCPE organizzat ukoll sessjonijiet ta’ konsultazzjoni ma’ Human Resource Managers u kapijiet ta’ entitajiet ġejjin mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku. Diversi parteċipanti qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar tipi differenti ta’ miżuri favur il-familja skont is-settur tal-impjieg. L-ewwel tlett sessjonijiet saru f’April, f’Mejju u f’Settembru tal-2017, u għalihom attendew 55 parteċipant.
L-NCPE tiċċertifika entitajiet fis-settur privat kif ukoll pubbliku li juru impenn sabiex tintlaħaq ugwaljanza bejn is-sessi fl-operat tagħhom. Tul l-imsemmi perjodu, l-NCPE iċċertifikat 23 organizzazzjoni bil-Marka tal-Ugwaljanza (Equality Mark), filwaqt li 12-il organizzazzjoni oħra ġew ri-ċertifikati b’din il-Marka. Sal-aħħar ta’ Lulju tal-2017, kien hemm 78 entità ċċertifikata bil-Marka tal-Ugwlajnza li għandhom madwar 20,800 impjegat.
Peress li hemm rapporti li qed jgħidu li hemm madwar miljun immigrant jistennew fil-kosta tal-Afrika ta’ Fuq biex jaqsmu lejn l-Ewropa, tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux qed isir pjan ta’ kontinġenza fuq livell nazzjonali u/jew fuq livell Ewropew, f’każ li Malta jkollha tiffaċċja influss t’immigranti bħalma kien hemm lura fl-2011?
Peress li r-Renju Unit ħareġ għadd ta’ dokumenti bil-pożizzjoni tiegħu fuq temi differenti fid-dawl tal-Brexit u dwar l-arranġamenti li jridu jsiru wara li joħorġu mill-Unjoni u bdew ukoll in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Britanniku dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni, tista’ l-Ministru taġġorna l-Kamra dwar in-negozjati li saru s’issa? X’inhuma l-prijoritajiet tal-Gvern Malti għal dawn in-negozjati u x’qed isir biex dawn il-prijoritajiet jiġu realizzati? X’inhu jagħmel il-Gvern Malti dwar dawn id-dokumenti li qed jiġu ppubblikati mir-Renju Unit?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Renju Unit sa issa ppublika erbatax (14) il-dokument b’pożizzjonijiet fuq oqsma differenti. Dawn huma l-pożizzjonijiet li se jkun qed jieħu l-Gvern Brittaniku fin-negozjati mal-Unjoni Ewropeja (UE) dwar it-tluq mill-istess Unjoni.
Dawn id-dokumenti qed jiġu studjati mill-Gvern minn Unit apposta li ġie mwaqqaf fis-segrettarjat ghall-affarijiet ewropej fil-Ministeru li jiena mmexxi biex jikkoordina mal-Ministeri kollha kkonċernati tal-Gvern, mar-Rappreżentanza Permanenti ġewwa Brussell, kif ukoll mat-Task Force tal-Kummissjoni Ewropeja responsabbli min-negozjati mar-Renju Unit f’isem l-UE. Sa issa r-Renju Unit ħareġ żewġ tipi ta’ dokumenti:
i. Dokumenti dwar temi li jitrattaw id-divorzju bejn ir-Renju Unit u l-UE – bħad-dokumenti dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u dak dwar it-tqegħid ta’ prodotti fis-swieq qabel id-data tat-tluq mill-UE.
ii. Dokumenti dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit – bħad-dokument dwar id-dwana.
Dawn id-dokumenti huma kollha aċċessibli pubblikament fuq s-sit elettroniku tal-Gvern tar-Renju Unit.
Rigward in-negozjati, sa issa saru erba’ ċikli ta’ negozjati bejn Michel Barnier u t-tim tiegħu, bħala negozjaturi ewlenin f’isem l-Unjoni u t-tim mir-Renju Unit. Dawn iffukaw l-aktar fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju min-naħa tar-Renju Unit u oqsma relatati mas-separazzjoni taż-żewġ naħat. L-aktar li sar progress kien f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tac-ċittadini.
Il-mexxejja qablu illi m’għandhomx jibdew negozjati mar-Renju Unit dwar ir-relazzjoni futura bejn iż-żewġ partijiet qabel ma l-ewwel jiġi maqbul il-ħruġ ordnat tar-Renju Unit b'mod li titnaqqas l-inċertezza u, sa fejn possibbli, jiġi minimizzat it-tfixkil ikkawżat minn din il-bidla f'daqqa. Għaldaqstant, mhux qed jiġu diskussi temi elenkati fid-dokumenti tar-Renju Unit dwar l-arranġamenti futuri.
Il-Gvern Malti qed jappoġġja l-pożizzjoni maqbula bejn is-27 Stat Membru u jemmen li importanti ħafna li bħala blokk nibqgħu magħqudin waqt dawn in-negozjati. Bħala Gvern, il-prijorità tagħna tibqa li ċ-ċittadini Maltin u l-familji tagħhom kemm jista jkun ma jintlaqtux ħażin mill-Brexit. Għaldaqstant qed niżguraw li fil-pożizzjonijiet meħuda waqt dawn in-negozjati, dawk iċ-ċittadini li qed jgħixu – minħabba xogħol, studju eċċ, fir-Renju Unit ma jintlaqtux ħażin.
Qegħdin naħdmu wkoll biex niżguraw li dak li ksibna bħala Gvern matul is-snin frott ir-relazzjoni viċina li dejjem kellna mal-Gvernijiet Brittaniċi f’oqsma differenti (bħall-kummerċ u s-saħħa), jiġi mħares.
Tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea — rendikont
Question
Peress li l-mexxejja tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea aktar kmieni din is-sena qablu li n-negozjatur ewlieni, f’Ottubru għandu jagħti rendikont dwar jekk ikunx sar progress biżżejjed fl-ewwel fażi tan-negozjati dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni biex nimxu għat-tieni fażi, jiġifieri n-negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri, tista’ l-Ministru tindika jekk jidhirx li hemm biżżejjed progress biex jibdew in-negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
Biex ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea ikunu jistgħu jibdew it-tieni fażi tan-negozjati, irid l-ewwel jintlaħaq ftehim dwar il-punti fl-ewwel fażi. L-ewwel fażi tinkludi qbil dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit, u l-familji tagħhom, li jkunu affettwati bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea; dwar is-saldu finanzjarju li għandu jiżgura li kemm l-Unjoni kif ukoll ir-Renju Unit jirrispettaw l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni; kif ukoll li tinstab soluzzjoni flessibbli għall--Irlanda sabiex tiġi evitata fruntiera fiżika, waqt li tiġi rrispettata l-integrità tal-ordni legali tal-Unjoni.
F’dan ir-rigward, wara l-erba’ ċikli ta’ negozjati li saru sa issa bejn iż-żewġ partijiet u b’ċiklu ieħor biss skedat sal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru, jidher li ma hemmx biżżejjed progress dwar it-temi msemmija biex jibdew in-negozjati fuq ir-relazzjoni futura jew dik ta’ tranżizzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Għaldaqstant, ma jidhirx li sal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ dan ix-xahar se jkun hemm il-progress mistenni biex nibdew it-tieni fażi ta’ dawn in-negozjati.
Dan minħabba li sa issa, s-sitwazzjoni politika interna tar-Renju Unit baqgħet fluwida, u l-Gvern Brittaniku għadu ma ffinalizzax il-pożizzjoni tiegħu fuq ċertu temi (bħal per eżempju, fuq is-saldu finanzjarju), li għandhom jiġu deċiżi qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jimxu għall-fażi li jmiss.
Wara s-suċċess tal-ewwel Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, tista’ l-Ministru telabora fuq il-prijoritajiet tal-Gvern Malti f’dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijoritajiet tal-Gvern Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea huma
- l-migrazzjoni u s-sigurtà;
- s-settur soċjali,
- oqsma ekonomiċi u finanzjarji sabiex ikun hemm tkabbir, impjiegi u investiment,
- l-qafas multifinanzjarju post-2020;
- is-settur marittimu
- Brexit: tema li se tiddomina parti sostanzjali tal-aġendi ewropej fix-xhur u snin li ġejjin. Hemm il-prijorita tagħna se tkun li jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini.