Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ambaxxaturi

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 3667, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-wieħed u ħamsin ambaxxatur li jirrappreżenta lil pajjiżna huma Għawdxin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix aktar xi nżid mat-tweġiba mogħtija preċedentement.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hu responsabbli, għandha? Jista' jgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Trade Malta għandha konsulent wieħed. Dan jitħallas €3,500 fis-sena. Huwa kien ġie ngaġġat qabel it-3 ta’ Ġunju 2017. Ma ġewx ingaġġati konsulenti ma din l-entita’ wara it-3 ta’ Ġunju 2017.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – Direct orders bejn l-2008 u l-2013

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Informazzjoni tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha, mill-Ministeru tiegħu, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn informazzjoni disponibbli ma jidhirx illi kien hemm sejħa għal offerti jew tenders .

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — position of trust

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 154, jista' l-Ministru issa jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (ABELA, CARMELO)

Il-positions of trust fi ħdan il-Ministeru tiegħi jinsabu fis-Segretarjat.

Kunsill tal-Ewropa — trattati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm trattati mal-Kunsill tal-Ewropa li pajjiżna huwa firmatarju tagħhom, però ma rratifikahomx jew anke jekk irratifikahom baqgħu ma ġewx fis-seħħ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum, Malta ffirmat sittax-il trattat tal-Kunsill tal-Ewropa li ma ġewx ratifikati. Minn dawn, trattat wieħed ma daħalx fis-seħħ u ieħor se jiġi rratifikat nhar l-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2018.

Kunsill tal-Ewropa — European Convention on the Abolition of Legalisation of Documents executed by Diplomatic Agents or Consular Officers

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk il-European Convention on the Abolition of Legalisation of Documents executed by Diplomatic Agents or Consular Officers (ETS 63) mal-Kunsill tal-Ewropa li pajjiżna ffirma fl-1968, tistax tiġi rratifikata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament saret it-talba lill-Kunsill tal-Ewropa sabiex l-Konvenzjoni hawn fuq imsemmija tiġi rratifikata. Fil-preżent, il-Ministeru, permezz tar-Rappreżentanza permanenti tiegħu fi Strasburgu qed jistenna data mill-Kunsill tal-Ewropa biex Malta tiddepożita l-Istrument ta’ Ratifika għal din il-Konvenzjoni, liema strument ġie ffirmat minni fit-2 ta’ Marzu ta’ din is-sena.

Hague Convention — trattati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm trattati taħt il-Hague Convention, dejjem jekk huwa l-każ, li pajjiżna huwa firmatarju tagħhom, però ma rratifikahomx jew anke jekk irratifikahom baqgħu ma ġewx fis-seħħ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ma hemm l-ebda trattat taħt il-Hague Convention li pajjiżna ffirma imma m’aċċedhiex għalih, jew li rrattifika imma li ma ġewx fis-seħħ. B’kollox pajjiżna aċċeda għal 8 Konvenzjonijiet tal-Hague Convention. Barra minn hekk, żewġ Konvenzjonijiet oħra u Protokol tal-Hague Convention japplikaw għal Malta, bħala Membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Direttur Ġenerali għall-Politika, Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra — Rwol ta’ Persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’poteri ngħataw lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ‘il hinn mill-irwol tagħha ta’ Direttur Ġenerali għall-Politika, Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra biex qed tindaħal fir-remit tad-Direttorat Ġenerali Global Issues? Min eżattament qed imexxi l-Ministeru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija taqdi d-doveri tagħha skont kif ikun mitlub minnha mis-superjuri tagħha.

Ambaxxati – background checks fuq locally engaged staff

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3123, jista’ l-Ministru jgħid sarux background checks fuq is-sewwieq li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta f’Ġinevra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna,li qed jirreferi għalija separament,ġiet ingaġġata fi żmien Gvern Nazzjonalista.Għaldaqstant kien fil-kompitu tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien li, qabel effettivament ingaġġha,jassigura ruħu minn dak li qed jitħasseb dwaru l-Onor. Interpellant illum. Jekk l-Onor. Interpellant irid jgħaddi xi dettalji ulterjuri dwar il-persuna,li rrefera għaliha fil-mistoqsija,anke b’mod kunfidenzjali,nistiednu biex minnufih jinformani u/jekk iħoss il-ħtieġa jinforma anke lill-Pulizija.

Gender-neutral toilets

Question

Peress li l-Gvern Malti kien ħabbar li sa Settembru 2016 ser jintroduċi gender-neutral toilets fil-binjiet tal-Ministeri kollha, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm gender-neutral toilets fil-kwartieri ġenerali ta’ Palazzo Parisio u x'perċentwal dan jirrappreżenta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s’issa hemm tmintax (18) il Tiolet f’Palazzo Parisio. Ħamsa (5) minnhom u cioe’ 30% tat Toilets kollha huma gender-neutral.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhemm l-ebda konsulent ingaġġat mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi.

Konsli Onorarji – telephones

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3117, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji ta’ telephones, jew li huma żbaljati, jew li ma jirrispondi ħadd qatt, u anke l-ismijiet tal-konsli li ma jsibuhom qatt? Se ssir reviżjoni ta’ minn min dawn il-konsli hemm bżonn insibu min jieħu posthom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull ċirkustanza l-Ministeru jieħu l-azzjoni li tkun tenħtieġ skond il-każ.

Ambaxxaturi/Kummissarji Għolja/Rappreżentanti Permanenti/Konsli Ġenerali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3113, jista’ l-Ministru jgħid, minkejja li fil-31 ta’ Jannar 2018 skada t-terminu tal-Konslu Ġenerali fil-Belt ta’ Sydney, u l-konsulent tal-Prim Ministru, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ma ġġedditlux it-terminu minkejja li ntbagħat minn Kastilja u jekk dan tneħħiex minħabba d-diżgwid serju li kellu mal-Kummissarju Għoli ta’ Malta f’Kanberra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-asserzjoni tiegħu hija żbaljata.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ– xogħlijiet fuq is-soqfa tat-tielet sular ta’ Palazzo Parisio

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3108, minkejja r-rakkomandazzjoni tal-periti tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jista’ l-Ministru jgħid meta se tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk isirx saqaf ġdid jew inkella jiżdiedu aktar travi tal-ħadid?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandhiex x’inżid aktar mar-risposta li ngħatat fis-17 ta’ Jannar 2018, għall-mistoqsija parlamentari 3108.

Lista ta’ Ambaxxaturi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-Ambaxxaturi mhux residenti, fejn qed iservu, kemm jitħallsu u meta jiskadi t-terminu tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom huma tal-karriera jew uffiċjali fi ħdan l-istess Ministeru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – programme officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ix-xogħol qabel il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u x’rwol għandhom fil-Ministeru l-programme officers il-ġodda?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li kienu jagħmlu il-Programme Officers il-ġodda qabel il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien wieħed varjat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – inizjattivi tad-diplomazija kulturali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3118, jista’ l-Ministru jgħid x’kriterji ntużaw? Minn min kien kompost il-Bord tal-Għażla għal kull avveniment? Fuq liema bażi ntgħażlu l-artisti mniżżla fir-risposta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-kriterji li fuqhom ntagħŻlu l-applikazzjonijiet fejn Missjonijiet applikaw għal fondi tad-diplomazija kulturali, kienu dawn li Ġejjin: 1. Il-kapaċità sabiex ikun reklamat il-proġett propost inkluż il-pjan għall-promozzjoni (5 %) 2. Ċarezza tal-proposta (5 %) 3. Kapaċità tal-proġett propost sabiex jindirizza l-oġġetivi tal-fond għad-diplomazija kulturali (40 %) 4. Jekk hemmx sors ieħor ta’ fondi jew sponsor għall-proġett (20 %) 5. Kemm hu prattiku li jiġi mwettaq il-proġett fil-ħin. (25 %) 6. L-element ta’ innovazzjoni fil-proġett propost (5 %) Il-Bord ta’ l-Għażla kien kompost minn ufiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, uffiċċjal mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kif ukoll uffiċċjal mill-Arts Council Malta. Il-proġetti ntagħżlu abbażi tal-kriterji msemmija hawn fuq.

Rappreżentanza ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York — Deputat Rappreżentant Permanenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3124, jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jitħallas l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Fuq liema bażi ntgħażel l-individwu? Jista’ jgħid x’esperjenza għandu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CV ta’ dan l-individwu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċjal li qed jagħmel referenza għalih għandu salarju massimu ta’ Skala 7 kif approvat lill-ħaddiema tal-Gvern. L-uffiċjal jirċievi wkoll Post Adjustment Allowance ta’ €71,660 fis-sena. L-uffiċjal intgħażel skont l-esperjenza u l-kompetenza li għandu. Inżid ngħid li mhix il-prassi li tiġi mpoġġija is-CV ta’ individwu fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba l-protezzjoni tad-data.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Ambaxxati u Konsulati – rigali fi żmien il-Milied

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3104, jista’ l-Ministru jagħti l-lista tal-‘kollegi l-oħra’ u jekk dawn il-‘kollegi l-oħra’ humiex is-Segretarju Permanenti, xi Direttur Ġenerali, Diretturi u/jew membri tas-Segretarjat tal-Ministru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Senior Management jinkludi l-iSegretarju Permanenti, id-Diretturi Ġenerali, Diretturi, l-Assistenti Diretturi u ċ-Chief Information Officer, u għaldaqstant il-kollegi l-oħra huma dawk li jaħdmu u jiltaqgħu magħhom fil-Ministeru u mhux huma stess. Rigward it-talba għal lista ta’ dawn il-kollegi l-oħra, jista' l-Onor. Interpellant jindika jekk hux qed jirreferi għal kull min seta’ ħa xi biċċa qagħqa tal-għasel jew xi tamal jew xi ħaga oħra tal-ikel li tqassmu bejn l-istaff minn dawk it-token gifts fiż-żmien tal-Milied bħala turija ta’ kolleġjalità bejn il-ħaddiema?