Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14323 u jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid: a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva? b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’xi seduta oħra.

Żjara tal-GREVIO fuq Vjolenza Domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saret iż-żjara tal-GREVIO f’Malta fuq il-Vjolenza Domestika u b’rabta mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul? Jista’ jgħid ukoll jekk ir-rapport tal-GREVIO ġiex konkluż u meta se jiġi ppubblikat?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-eżercizzju tal-moniteraġġ tal-GREVIO f’Malta seħħ bejn is-17 u l-21 ta’ Frar 2020. Ir-rapport uffiċjali tal-GREVIO mistenni jiġi ppublikat f’ Novembru 2020 fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill tal-Ewropa.

Nutar Prinċipali tal-Gvern – notifiki ta’ terminazzjoni ta’ mandati dwar proprjetà immobbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2017 s’issa, kemm saru notifiki ta’ terminazzjoni ta’ mandati speċjali li jikkonċernaw proprjetà immobbli bejn persuni fiżiċi lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern a tenur tal-L.S. 16.14? Kemm minn dawn saru b’mod elettroniku? Jista’ jgħid kemm mill-2017 s’issa, saru notifiki ta’ terminazzjoni ta’ mandati ġenerali bejn persuni fiżiċi lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern a tenur tal-L.S. 16.14? Kemm minn dawn saru b’mod elettroniku? Jista’ jipprovdi l-link għas-sit fejn wieħed jista’ jikkonsulta r-reġistru pubbliku li għalih hemm referenza fil-L.S. 16.14?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-formoli ta’ applikazzjoni sabiex wieħed jittermina prokura jistgħu jitniżżlu b’mod elettroniku mis-sit tal-Ministeru tal-Ġustiżżja, Ugwaljanza u Governanza. Il-formoli jiġu milqugħa fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern u jiġu kollha sottomessi elettronikament f’Reġistru mill-istess uffiċċju. Wieħed jista’ jkollu aċċess għar-Reġistru fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jew b’mod elettroniku mis-sit https://justicecms.gov.mt/mt/ntg/Pages/Termination-of-Mandates.aspx Mis-sena 2017 sas-7 ta’ Mejju 2020 intlaqgħu b’kollox 397 applikazzjonijiet: Mandati Ġenerali Mandati Speċjali Kummenti 314 83 Kollha sottomossi elettronikament mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern

Inkjesti maġisterjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali u kemm għadhom mhux konklużi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta sal-aħħar ta’ Marzu 2020 kien hemm 1694 inkjesta maġisterjali li għadhom mhux konkluż, waqt li fil-Qorti ta’ Għawdex sal-aħħar ta’ Marzu 2020 kien hemm 333 inkjesti maġisterjali li għadhom mhux konklużi.

Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) – sentence bargaining minn trainee lawyer fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk trainee lawyer fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandux il-libertà u l-awtonomija assoluta li waħdu, mingħajr ma jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Avukat Ġenerali (jew jinformah imqar), huwa jagħmel sentence bargaining mad-difiża fi smigħ ta' appell quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri)? Jekk iva, jistax jgħid liema huma l-każijiet jew istanzi li l-Avukat Ġenerali ta tali permess/awtorizzazzjoni għal sentence bargaining minn trainee lawyer tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali quddiem tali Qorti tal-Appell Kriminali Inferjuri fl-2017, 2018, 2019 u 2010 sal-lum?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Fl-ewwel lok nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għad-domanda 14705 fejn ġie rilevat dan li ġej: “Il-patteġġjament huwa permess mill-Kodiċi Kriminali fl-Artikoli 392A (5) sa (8) dwar reati li ma jkunux soġġetti għal- piena ta’ aktar minn tnax il-sena ħabs, fl-Artikolu 392B(5) in kwantu għal-reati soġġetti għal-piena ta’ iżjed minn tnax il-sena ħabs meta jkun hemm ammissjoni bikrija u fl-Artikolu 453A in kwantu għal proċessi quddiem il-Qorti Kriminali. Dak kontemplat fl-imsemmija artikoli huwa l-uniku forma ta’ patteġġjament applikabbli f’ kawżi kriminali fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali jew tal-Qorti Kriminali.” Il-patteġġjamenti (li jirrappreżentaw qbil formali bejn l-Avukat Ġenerali u l-akku¿at skont il-liġi) isiru b’ nota li tiġi sottomessa lill-Qorti u jkunu iffirmati mill-Avukat Ġenerali personalment. Għalhekk dak illi l-Interpellant qiegħed jirreferi għalih bħala ‘sentence bargaining’ ma huwa ‘sentence bargaining’ xejn iżda huwa biss pożizzjoni illi Avukat prosekutur ikun ha fis-sottomissjonijiet tiegħu lill-Qorti waqt it-trattazzjoni ta’ kawża. Dawk is-sottomissjonijiet jirrappreżentaw il-fehma tal-prosekutur u bl-ebda mod ma jorbtu lill-qorti dwar is-sentenza. Mill-banda l-oħra meta ssir nota ta’ patteġġjament il-qorti tkun preżentata b’ piena speċifika miftehma bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża u hija tista biss jew taċċettaha jew tirrifjutaha kif tkun. Il-politika nterna tal-prosekuzzjoni dwar is-sottomissjonijiet tal-Avukati prosekuturi fil-kawżi m’hix materja li tippresta ruħha għad- diskussjoni pubblika u dan għall-protezzjoni tal-integrita tas-sistema tal-ġustizzja kriminali. Kif stqarrejt ukoll fir-risposta għad-domanda 14705 “ninsab infurmat illi ma sar ebda patteġġjament quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) minn Lulju 2017 sa’ llum.

Imħallfin u Maġistrati — karigi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) u min (bħala Ministru) ħatar lill-Imħallfin u lill-Maġistrati li llum huma fil-kariga tagħhom?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-Ministru ma jaħtarx Imħallfin u Maġistrati. Huwa l-President ta' Malta li jaħtar u dan skont il-Kostituzzjoni: Artikolu 100 (1) jipprovdi li l-Maġistrati għandhom jiġu maħtura mill-President ta' Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru, u, Artikolu 96 (1) jipprovdi li l-Imħallfin għandhom jiġu maħtura mill-President ta' Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru. Illum il-ġurnata wkoll għandna l-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti (JAC), li jservi bħala mekkaniżmu biex jissalvagwardja s-separazzjoni tal-poteri, u l-proċess tal-JAC jseħħ qabel ma l-Ministru in effett jagħmel ir-rakkommandazzjoni tiegħu lill-Prim Ministru. Madanakollu qed npoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra ta’ meta ġew maħtura l-Imħallfin u lill-Maġistrati preżenti.

Avukat Ġenerali — Twaqqif ta’ Joint Investigation Team

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Avukat Ġenerali sal-lum ma talabx lill-Europol biex jitwaqqaf Joint Investigation Team (li mudell tiegħu jinsab f'Council Resolution (2017/C 18/01) liema Riżoluzzjoni “encourages the competent authorities of the Member States that wish to set up a Joint Investigation Team with the competent authorities from other Member States, in accordance with the terms of the Framework Decision and the Convention, or from non-EU States, on the basis of the relevant international instruments, to use, where appropriate, the Model Agreement […] in order to agree upon the modalities for the joint investigation team” fl-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Peress illi l-mistoqsija tal-Onor. Membru hija fis-sustanza identika għal talba magħmula min numru ta’ organizzazzjonijiet għal-libertà tal-istampa reċentement , qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-risposta fattwali mogħtija mill-Avukat Ġenerali għal dik it-talba.

Investigazzjoni fuq individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għamilx investigazzjoni jew ordnax li ssir investigazzjoni biex jistabbilixxi l-fatti kollha u korretti, anke sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex każ ta’ ksur ta’ etika biss jew anke ta’ liġi, dwar it-tluq/riżenja tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2020 tard wara nofsinhar u l-fatt li inqas minn ġurnata wara, fis-6 ta’ Mejju 2020 filgħodu, dan l-istess avukat assoċja ruħu fil-patroċinju tal-individwu li d-dettalji wkoll qed jingħataw separatament li jinsab akkużat b’kompliċita fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, meta sa ġurnata qabel, l-indivdwu li rriżenja kien għadu impjegat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali? Jaf il-Ministru jekk dan l-avukat kellux aċċess għal xi inkartament, provi, evidenza, rapporti eċċ li jinsabu fil-proċess tal-individwu akkużat fil-bini tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Ministru jidderiġi lill-Onor. Interpellant għall-istqarrija tal-Gvern li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u datata 12 ta’Mejju, 2020.

Koppji li għażlu l-Corsa Regime

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il koppja miżżewġa għażlet il-Corsa Regime f'dawn l-aħħar 10 snin? Jista' l-Ministru jagħti din l-istatistika sena b'sena?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li dawn it-talbiet isiru fil-Qorti tal-Ġuridisdizzjoni Volontarja u wara tali awtorizzazzjoni isir kuntratt u jiġi reġistrat fir-Reġistru Pubbliku. Il-Qorti ma tinżammx statistika ta kemm isiru talbiet.

Studenti li kienu assenti mill-iskola mingħajr raġuni – multa lill-ġenituri

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14147, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġenituri li weħlu multa għax naqsu li jibagħtu lit-tfal tagħhom fis-snin imsemmija f’din il-mistoqsija? Kemm kienet il-multa li huma weħlu u kemm minn dawn il-multi ġew imħallsa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — servizzi pubbliċi offruti b’mezzi elettroniċi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-servizzi pubbliċi li l-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet fid-dekasteru tiegħu joffru b’mezzi elettroniċi u jindika liema minnhom l-utent jista’ jinqeda kompletament b’mezzi elettroniċi (ie ma jkollux għalfejn jimla formoli manwalment jew imur fiżikament f’xi uffiċċju ta’ min qed jipprovdi s-servizz)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W27 li ngħatat f’din is-seduta stess.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq bażi ta’ teleworking fl-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet li hemm fid-dekasteru tiegħu u jaqsam l-informazzjoni skont il-grad li għandhom il-persuni rispettivi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 13979.

Ilmenti reġistrati taħt il-Kapitolu 527 tal-Liġijiet ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm reġistrati ilmenti taħt il-Kapitolu 527 tal-Liġijiet ta’ Malta fid-Dipartimenti relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u ċjoè 2017, 2018 u 2019?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fid-dipartimenti relattivi fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma kienx hemm ilmenti reġistrati taħt il-Kapitolu msemmi fis-snin 2017, 2018 u 2019.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza – entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji — tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u għal kull entità jgħid minn min hi komposta t-tmexxija tagħha (chairperson, diretturi, senior management) u x’inhuma l-karigi rispettivi tal-persuni fit-tmexxija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-11 ta’ Mejju 2020. Din it-tabella tinkludi pożizzjonijiet ekwivalenti għal li skali tal-Gvern min skala 5 ’il fuq.

Każijiet tal-familja quddiem il-medjatur f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet tal-familja quddiem il-medjatur f'Għawdex? Kemm hemm medjaturi f'Għawdex u kemm-il siegħa fil-ġimgħa jaħdmu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Quddiem il-medjatur f’Għawdex hemm 68 każijiet tal-familja Fil-Qorti ta’ Għawdex hemm medjatriċi waħda li taħdem erba’ (4) siegħat fil-ġimgħa. Din qedha tlaħħaq mal-każijiet, però qed jiġi kkonsidrat li jiżdied il-ħin skont l-esiġenzi tal-Medjatriċi, jekk ikun il-każ.

Dokument li ntbagħat lill-Kummissjoni Venezja dwar pakkett ta’ riformi kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument li huwa bagħat lil Kummissjoni Venezja dwar pakket ta’ riformi kostituzzjonali wara li llum ir-Rapporteur Pieter Omtzigt tal-Kunsill tal-Ewropa ħareġ stqarrija pubblika fejn qal"“When I visited Malta in February, I was encouraged to hear from the government that an extensive package of reform proposals was almost ready for publication and would be presented to the Venice Commission for its opinion” u li allura sirna nafu li l-Gvern Malti ilu presubbilment minn Frar 2020 bil-proposti lesti u konklużi? Jaqbilx il-Ministru li l-ħabi u s-satra tal-Gvern Malti, fl-ispirtu u fl-għemil, f’ħaġa hekk sensittiva bħalma hija riforma kostituzzjonali, ma jispirawx fiduċja u li l-għaqal jiddetta li tali provost ta’ riformi għandhom ikunu pubbliċi u trasparenti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Ministeru jidderiġi lill-Onor. Interpellant għal dak li ġja ġie ppubblikat mill-Gvern u li għalhekk jinsab fid-dominju pubbliku.

Dokument li ntbagħat lill-Kummissjoni Venezja dwar pakkett ta’ riformi kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-data meta huwa bagħat lill-Kummissjoni Venezja d-dokument dwar ir-riformi kostituzzjonali li fi Frar li għadda huwa qal lil Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt li kien għoddu lest għall-pubblikazzjoni u li kien konkluż?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Ministru jinforma l-Onor. Interpellant li l-istess interpellant għandu japprezza, lill-mertu tad-domanda tiegħu ġie sorvolat.

Dokument li ntbagħat lill-Kummissjoni Venezja dwar pakkett ta’ riformi kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwa infurmax jew wera lir-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt id-dokument bil-proposti għal riformi kostituzzjonali li huwa allegatament bagħat lill-Kummissjoni Venezja? Jekk iva, jista’ jgħid meta dan sar, u jekk le jistax jgħid għala ma sarx?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Ministru jinforma l-Onor. Interpellant li l-istess interpellant għandu japprezza, lill-mertu tad-domanda tiegħu ġie sorvolat.

Inkjesti Maġisterjali pendenti f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Inkjesti Maġisterjali pendenti f'Għawdex? Quddiem liema Maġistrat? Kemm minnhom ilhom anqas minn sena, bejn sena u sentejn u aktar minn sentejn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li f’Għawdex, sal-aħħar ta’ April 2020, hemm 335 Inkjesti Maġisterjali pendenti. Dawn l-Inkjesti jinsabu quddiem il-Maġistrati kif muri hawn taħt: MaġistratNumru ta’ inkjesti pendenti Dr Josette Demicoli20 Dr Monica Vella116 Dr Simone Grech110 Dr Brigitte Sultana89 TOTAL:335 Hemm 52 inkjesta li ilhom inqas minn sena (sal-aħħar ta’ April 2020) Hemm 18 inkjesta li ilhom bejn sena u sentejn (sal-aħħar ta’ April 2020) Hemm 265 inkjesta li ilhom aktar minn sentejn (sal-aħħar ta’ April 2020)

Qorti ta-Maġistrati Għawdex – kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) Ġurisdizzjoni Superjuri? Quddiem liema Maġistrat jinsabu dawn il-kawżi? Kemm-il sena ilhom pendenti dawn il-kawżi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex Ġurisdizzjoni Superjuri hemm 405. Dawn il-każijiet huma pendenti quddiem il-Maġistrati, kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.