Gaming – riskju fuq is-sistema finanzjarja ta’ Malta
Question
Hu fatt li l-aċċess għall-gaming iżid ir-riskju fuq is-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna. Ġie rrapportat li nhar il-5 ta’ Frar saret konsultazzjoni bejn l-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (MGA) u l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) fuq l-implimentazzjoni tal-4 AMLD fuq is-settur tal-gaming. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ f’Ġunju tal-2017. Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex, meta nagħrfu bl-increased risk li dan is-settur iġib, Malta ma rsistitx biex tkun minn tal-ewwel biex timplimenta dawn il-miżuri li huma neċessarji? Jista’ jgħid x’inhu r-risk assessment ta’ dan is-settur fuq is-sistema li l-konsultazzjoni tal-5 ta’ Frar u dak ta’ qabilha tirreferi għalih? Jista’ jgħid x’kienu l-konklużjonijiet? Jista’ jippubblika r-rapport?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-4th AMLD hija l-ewwel direttiva fuq il-ħasil ta’ flus li tinkludi tahtha operaturi ta’ remote gaming. Kien għalhekk li fil-bidu ta’ Lulju 2017, l-FIAU U l-MGA ppublikaw dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-applikazzjoni tal-obbligazzjonijiet il-ġodda fis-settur tar-remote gaming. Id-dokument ippublikat fi Frar 2018 huwa dokument rivedut wara li ż-żewġ awtoritajiet studjaw ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll is-suġġerimenti li rċevew mill-industrija. Għandu jiġi ċċarrat li dawn il-miżuri jservu bħala linji gwida, u wara li l-liġijiet li implimentaw l-4th AMLD diġà daħlu fis-seħħ.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3515, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-ingaġġ tal-assistant principals ma saritx bħalma saru tal-clerks u tal-executive officers?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li joqogħdu f'Għawdex u li qed jaħdmu f'Malta fis-Servizz Pubbliku jew ma’ xi Awtorità, entità jew korporazzjoni governattiva jew fejn il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma? Ma’ liema dipartimenti, awtorità jew korporazzjonijiet jaħdmu dawn il-ħaddiema?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ ħaddiema li joqogħdu f’Għawdex u li jaħdmu fid-Dipartimenti jew fl-Awtoritajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa ta’ 32.
Infurmat illi skont proċedura stabbilita introdotta fil-leġislatura li għaddiet, kull sitt xhur is-Servizz Pubbliku jaġġorna l-lista ta’ ħaddiema Għawdxin fi gradi klerikali u amministrattivi li jaħdmu f’Malta wara li l-uffiċċjali Għawdxin jigu mistoqsija jekk humiex interessati li jitilgħu jaħdmu Għawdex.
Kumpaniji li għandhom ishma f'idejn kumpaniji fejn hemm involut Chief of Staff
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kumpaniji li b’xi mod għandhom xi ishma f’idejn kumpaniji li fihom hemm involut iċ-Chief of Staff tiegħu u/jew il-konjuġi tiegħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija aċċessibbli pubblikament.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-kariga tal-individwu li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separtament fil-Berġa ta' Kastilja? Jista' jgħid x'faċilitajiet qed jagħmel użu minnhom l-imsemmi persuna fil-Berġa ta' Kastilja u x'persunal ġie assenjat biex jassisti lill-istess individwu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onor. Interpellant għandu l-inkarigu ta’ delegat speċjali. Kif naħseb li jifhem l-Onor. Interpellant, il-persuna li qed jagħmel referenza għaliha għandu bżonn uffiċċju biex jopera u għandu 4 persuni jassistuh.
Il-persuna li hemm riferenza għaliha fl-mistoqsija ngħata l-inkarigu tiegħu bl-istess mod li l-Onor. Interpellant innifsu ingħata inkarigi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala person of trust bejn l-2003 u l-2004 bħala Projects Coordinator u bejn l-2007 u l-2012 bħala part-time legal advisor.
Korporazzjoni Intrapriża ta’ Malta dwar il-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali – letter of intent
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti l-ismijiet tat-tliet kumpaniji li ngħataw letter of intent mill-Korporazzjoni Intrapriża ta’ Malta dwar il-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali f'Malta, kif stqarr huwa stess f'intervista fuq Radju Malta nhar is-Sibt 10 ta' Frar 2018 waqt il-programm "Għandi xi ngħid"? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn it-tliet letters of intent?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata mill-Malta Enterprise peress li din hija kkunsidrata kunfidenzjali kif koperta bil-kunfidenzjalita’ imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta tal-11 t'Awwissu 2003 u l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji tal-5 ta' Lulju 1988.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'meritu eċċezzjonali f’servizz lejn Malta ta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u dan wara l-laqgħa li huwa kellu mal-istess individwu f'Settembru 2014 kif ukoll qabel ma l-istess individwu ġie maħtur, mill-President ta’ Malta, fuq il-parir tiegħu bħala Prim Ministru, Kumpann Onorarju tar-Repubblika ta’ Malta nhar it-13 ta' Diċembru 2014?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif kien tħabbar pubblikament lura fl-2014, il-persuna li qed isemmi fl-interpellanza tiegħu kien onorat għall-kontribut tiegħu lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-popli ta’ Malta u tar-Renju tal-Għarabja Sawdita. Dan il-persuna ilu għal snin sħaħ b’interess speċjali f’Malta u r-rabtiet ma’ pajjiżna huma għolja fuq l-aġenda tiegħu.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – ingaġġ ta’ individwu bejn l-2003 u l-2012
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’karigi kellu l-individwu li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separtament fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bejn l-2003 u l-2012, id-dati ta’ meta kien ingaġġat f’dawn il-karigi u l-kundizzjonijiet li taħthom kien ingaġġat? Jista’ wkoll jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju li kellu l-istess individwu u ta’ kull ħaġa oħra li kien intitolat għaliha skont il-kuntratt li kellu mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-individwu li qed issir riferenza għalih mill-Onor. Interpellant kien ingaġġat bħala person of trust fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt żewġ amministrazzjonijiet precedenti Nazzjonalisti, l-ewwel darba fl-2003 u t-tieni darba fl-2008.
Fit-12 ta’ Novembru 2003, l-individwu li qed issir riferenza għalih mill-Onor. Interpellant kien ingaġġat fi hdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bhala person of trust fl-irwol ta’ Projects Co-ordinator. Huwa kellu salarju ta’ skala 6 (€19,162), allowance ta’ 20% ta’ skala 7 (€3,675), car allowance ta’ €1,864 u telephone allowance ta’ €524. Dan il-kuntratt ġie fi tmiemu fl-24 ta’ Marzu 2004 bħala rizultat tal-bidla li saret dak iz-zmien fil-persuna li kien jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru. Fuq il-bazi tal-kuntratt li kien iffirma 4 xhur qabel, l-individwu li qed issir riferenza għalih mill-Onor Interpellant ingħata kumpens ta’ €10,402 minhabba din il-bidla fil-Prim Ministru.
L-istess individwu reġa ffirma kuntratt fl-1 ta’ Frar 2008 biex gie ingaġġat fi hdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala person of trust din id-darba fl-irwol ta’ konsulent legali part-time. Il-kuntratt dahal fis-sehh b’lura, mill-1 ta’ Settembru 2007. Huwa kien marbut li jaħdem minimu ta’ 25 siegha fil-gimgha b’salarju ta’ €20,271. Fil-kuntratt kien hemm imnizzel b’mod speċifiku li x-xogħol li kien jagħmel, l-ewwel mad-ditta legali Aquilina Portelli Advocates u wara fil-prattika privata, ma kienx meqjus bhala f’kunflitt max-xogħol legali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fl-10 ta’ Dicembru 2012, l-individwu li qed issir riferenza għalih mill-Onor Interpellant, iffirma kuntratt ġdid mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li fih iddahhal paragrafu li tah id-dritt b’sehh lura mill-2007, għal kumpens f’kaz ta’ bidla fil-gvern jew fil-Prim Ministru.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3834, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk qabel wieġeb l-imsemmija mistoqsija parlamentari, huwa kienx ivverifika maċ-Chief of Staff tiegħu stess dwar interessi kummerċjali fil-qasam tal-films jew tal-film studios li jirriżulta li għandu l-istess Chief of Staff, hekk kif ġie rrapportat f'gazzetta lokali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-premessa tal-mistoqsija parlamentari tiegħu hija żbaljata, kif tikkonferma t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3834.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati Assistant Principals mill-eżami li sar fl-2017? Kemm fadal persuni li għaddew mill-eżami iżda għadhom ma ġewx ingaġġati fil-grad ta' Assistant Principal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġ ta’ Assistant Principals għaddej skont l-ordni tal-mertu tar-riżultat u li s’issa ġew ingaġġati 290. Il-kumplament jidħlu skont l-esiġenżi tas-servizz pubbliku.
In vista tar-rapport fil-ġurnal Times of Malta ta’ nhar it-Tlieta 6 ta’ Frar 2018, fejn ġie rrapportat li l-Managing Director tal-kumpaniji taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatment, huwa involut fil-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li huma involuti fin-negozju ta’ magni meħtieġa għar-riċiklar ta’ fliexken tal-plastic, in vista tal-proġett imħabbar mill-Prim Ministru dwar dan it-tip ta’ riċiklaġġ. Jista’ l-Prim Ministru jgħid (i) jekk skont hu, dan huwiex kunflitt ta’ interess da parti taċ-Chief of Staff tiegħu peress li l-persuna involuta hija fl-istess ħin il-persuna li tmexxi n-negozji taċ-Chief of Staff tiegħu, (ii) jekk iċ-Chief of Staff tiegħu ddikjarax dan il-konflitt ta’ interess u (iii) x’passi ħa l-Prim Ministru dwar dan il-konflitt ta’ interess?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Iċ-Chief of Staff fl-uffiċċju tiegħi m’għandu x’jaqsam xejn la direttament u lanqas indirettament fil-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament. Dan japplika wkoll għall-Kasco Group. Kull suġġeriment f’das-sens huwa falz u malizzjuż.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-kumpaniji kollha, kemm f’Malta kif ukoll dawk barra minn Malta, li ċ-Chief of Staff tiegħu huwa involut fihom hu jew il-konjuġi tiegħu, u f’kull każ jispeċifika jekk l-involviment hux fil-kapaċità ta’ ishmatarju jew ta’ direttur tal-kumpanija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija aċċessibbli pubblikament.
Negozji, ħwienet jew outlets li huwa involut Chief of Staff
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ negozji, ħwienet jew outlets kummerċjali oħra li ċ-Chief of Staff tiegħu huwa involut fihom hu jew il-konjuġi tiegħu, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta u f’kull każ jispeċifika liema kumpanija hija sid ta’ dan in-negozju?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija aċċessibbli pubblikament.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ prodotti li jinnegozja fihom iċ-Chief of Staff tiegħu u/jew il-konjuġi tiegħu u/jew il-kumpaniji kollha li huma involuti fihom, kemm direttament kif ukoll indirettament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija aċċessibbli pubblikament.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-uffiċjali pubbliċi li għaddew mill-eżami għall-post ta’ Officer-in-charge Minor Staff, li s-sejħa għalih ħarġet fis-27 ta’ Settembru 2016 u r-riżultat ġie ppubblikat fit-18 ta' Novembru 2016? Jista’ jgħid:
a) kemm minn dawk li għaddew ġew appuntati f'dan il-grad;
b) jekk fis-Servizz Pubbliku hemmx postijiet vakanti f'dan il-grad u jekk fl-affermattiv meta hu maħsub li se jingħataw dawn l-
appointments
lil dawk il-persuni li għaddew u għadhom ma ġewx appuntati;
c) id-data sa meta hu validu dan ir-riżultat?
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct orders bejn l-2008 u l-2013
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk iċ-Chief of Staff tiegħu għandux interessi kummerċjali fil-qasam tal-films jew tal-film studios, kemm direttament jew indirettament?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk iċ-Chief of Staff tiegħu għandux interess, dirett jew indirett, fil-kumpanija li isimha qed jingħata separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-persuna li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu m’għandux interess dirett fil-kumpanija li isimha qed jingħata separatament, iżda l-konjugi għandha kif jista jigi kkonstatat minn informazzjoni magħrufa pubblikament.
Trasferimenti ta’ proprjetà immobbli f’Għawdex – atti pubbliċi
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3631 liema mistoqsija kienet dwar atti pubbliċi dwar trasferiment ta' proprjetà immobbli f'Għawdex u fejn fit-tweġiba għaliha ingħad li mill-bidu nett tal-eżistenza tar-Reġistru Pubbliku, fl-1859, qatt ma kienet tinżamm l-informazzjoni mitluba, u peress li għall-mistoqsija simili li kienet saret fil-Leġiżlatura XII (Mistoqsija Numru 22599) fil-fatt kienet ingħatat l-informazzjoni u allura dan jindika li din l-informazzjoni fil-fatt tinżamm, jista' għaldaqstant il-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3631?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li fil-mistoqsija parlamentari 3775 għamel riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22599 li saret lill-Ministeru tal-Finanzi fil-leġiżlatura li għaddiet, l-Uffiċċju tiegħi tkellem mal-istess Ministeru tal-Finanzi.
Il-Ministeru tal-Finanzi għarraf lill-Uffiċċju tiegħi li l-informazzjoni biex setgħet tingħata t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22599 tal-leġiżlatura li għaddiet, inġabret min naha tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Kien għalhekk li l-informazzjoni mitluba oriġinarjament fil-mistoqsija parlamentari 3631 li saret lili, u li kienet simili għall-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari 22599 tal-leġiżlatura li għaddiet, ma setgħetx tingħata min naħa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew xi entità li taqa' taħtu.
Nifhem illi kieku kif għamel fl-aħħar leġiżlatura, l-Onor. Interpellant din id-darba wkoll reġa talab l-informazzjoni b’rabta ma’ atti pubbliċi dwar trasferiment ta' proprjetà immobbli f'Għawdex lill-Ministeru tal-Finanzi, kien jingħata l-informazzjoni kif sar fl-aħħar leġiżlatura.