Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru rigward l-użu tal-parking spaces fl-inħawi madwar il-faċilitajiet sportivi fix-Xagħra tal-Furjana? Kif ibbenefika l-Floriana Football Club minn dawn l-arranġamenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku dwar liema spazji qed jirreferi għalihom.
Verdala — Kulleġġ Santa Margerita - irranġar ta' triq
Question
Issa li bdew l-iskejjel u reġa' qed joqrob l-istaġun xitwi, jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex quddiem il-Kulleġġ Santa Margerita, Verdala, ma jibqax ikun hemm għaddajjar kbar ma' kull ħalba xita?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fix-xhur li għaddew saru xogħlijiet fuq il-culverts eżistenti li hemm fiż-żona tal-iskola u żdiedu l-catchpits biex jkun jista’ jinġabar aktar ilma.
Jista' l-Ministru jgħid meta beda jintuża l-moll fuq in-naħa tal-Isla, li sar għall-cruiseliners? Kemm-il cruiseliner rabat ma dan il-moll sal-lum? Jista' jgħid l-isem ta' kull vapur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-moll tal-Isla (Boiler Wharf) beda jintuża’ sabiex isorġu l-cruise liners f’Awwissu 2009. Minn dak in-nhar 5 cruise liners għamlu użu minn dan il-moll, li kienu:
· The Aegean Pearl
· Coral
· Seven Seas Navigator
· Bleu De France
· Le Ponant
Ħlas lil sidien ta' bajjiet privati biex jorbtu l-opri tal-baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħallsu lill-gvern jew lil xi awtorità oħra tal-gvern dawn is-sidien il-ġodda li qed jingħataw jew li se jingħataw bajjiet bħal dik tal-Fekruna biex delettanti tal-opri tal-baħar jkunu jistgħu jibdew jorbtu mal-mollijiet jew bagi li jipprovdi dan il-kuntrattur u mhux ma' dawk li mdorrija jagħmlu huma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sal-lum ma ġie ffinaliżżat l-ebda kuntratt għall-immaniġġjar ta' rmiġġi (organised mooring areas).
Bajjiet u portijiet fejn jintrabtu l-opri tal-baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bajjiet u l-portijiet kollha humiex se jingħataw lill-privat biex dan jagħmel negozju minnhom ħalli delettani u persuni privati li għandhom qxur tal-baħar ikollhom bilfors jagħmel użu mis-servizzi li jagħtu dawn il-kuntratturi u mhux jagħmlu huma il-mażżra u l-baga li jorbtu il-qxur tal-baħar magħhom?
Jista' l-Ministru jgħid u jagħti tagħrif dwar il-kondizzjonijiet tal-kuntratt li huwa bħala gvern jew xi awtorità f'ismu qed tagħmel ma' dawn in-negozjanti l-ġodda li qed jieħu bajjiet sħaħ ħalli jagħmlu irmiġġi għal dawk id-delettanti li jkunu jridu jagħmlu użu minnhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-negozjati mal-operaturi li ġew identifikati sabiex jorganiżżaw żoni marittimi għall-irmiġġ għadhom mhux konklużi.
Opportunità biex dilettanti jorbtu l-qxur tal-baħar tagħhom mal-irmiġġi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jagħti opportunità lid-delettanti li s-soltu jorbtu l-qxur tal-baħar tagħhom ma' irmiġġi li jieħdu ħsieb kollox huma għall-ispejjeż tagħhom, li dawn jinġabru f'xi bajja partikolari u jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu l-istess prattika li għal snin sħaħ ilhom jagħmlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-prattika li jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hi permessibbli u possibbli.
Jista' l-Ministru jelenka l-lista ta' proġetti infrastrutturali li għandu ppjanati li jsiru bejn Ġunju u Settembru 2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress illi l-proġetti kapitali ta’ dan il-Ministeru huma proġetti pjuttost kbar, ix-xogħol fuqhom ikun jestendi ħafna aktar mit-tliet xhur li semma l-Onor. Interpellant.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — devoluzzjoni lill-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19197 u 18389 u jgħid mis-sena 2008 sal-ġurnata tal-lum x'ġie devolut minn dawk id-dipartimenti, aġenzji, entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu lill-kunsilli lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat illi d-devoluzzjoni tal-poteri lil kunsilli lokali ssir permezz tal-liġi tal-kunsilli lokali li mhijiex fir-responsabilitajiet ta’ dan il-Ministeru.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tiegħu li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu u kif - fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem, jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Talbiet għal reduced working hours
Question
Jista l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal reduced working hours fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment separatament li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn ħaddiema nisa u kemm minnhom saru minn ħaddiema rġiel? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?
Jista' jgħid fil-każ tar-rifjut tat-talba x'kienet ir-raġuni u fil-każ ta' talbiet pendenti f'liema stadju waslet it-talba?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fid-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tiegħi f'dawn l-aħħar 6 xhur kien hemm tlett każijiet fejn saret talba minn ħaddiema għal-reduced hours. Fit-tliet każi l-ħaddiema kienu nisa, tnejn fl-uffiċċju tal-Liċenzji tat-Televiżjoni u oħra fl-Uffiċju tal-Passaporti. L-ewwel żewġ każijiet ġew milqugħa filwaqt li fil-każ tal-aħħar il-persuna konċernata se tkun tista; taħdem bir-reduced hours wara li jsiru t-tibdiliet neċessarji fl-amministrazzjoni ħalli ma jkunx hemm effett negattiv fuq is-servizz lill-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha topera l-MITA, qabel magħrufa bħala l-MITTS, kemm ħallset f’kera għall-proprjetajiet li topera minnhom f’kull xahar, lil min kienet tħallas u llum lil min tħallas tali kera?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi l-oriġini tal-MITA hi l-MSU li ġiet imwaqqfa fl-1990.
Ninsab infurmat ukoll li għall-proprjetajiet mikrija l-MITA tħallas €30,186 fix-xahar (€28,381) għall-Gattard House u fl-1992 kienet tħasllas €15,634.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru illi s-sistema tal-analogue TV se tintefa fi ftit ġimgħat oħra kif kien ikkwotat mill-Onor. David Agius fit-Times of Malta ta' nhar it-Tlieta 28 ta' Settembru fejn qal: "Mr. Agius pointed out that at the request of the committee there was three investigations under way by the Malta Communication Authority, the Consumer Division and the Copyright Board. He noted that, due to the modern digital system, all those currently recieving TV channels via aerials would no longer be able to do so in the coming weeks." Il-pubbliku ġie infurmat b'din id-deċiżjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Nixtieq l-ewwelnett nagħmel kjarifika żgħira. It-traduzzjoni ta’ ‘ in the coming weeks’ m’hijiex ‘fi ftit ġimgħat oħra’ iżda ‘fil-ġimgħat li ġejjin’. Din ta’ l-aħħar għandha ferm anqas konnotazzjonijiet ta’ xi ħaġa li se sseħħ b’mod imminenti. Għaldaqstant mhux neċessarjament hemm konflitt bejn dak li qed jiġi kkwotat li qal l-Onor. Agius u ż-żminijiet stipulati għal-bidla għas-sistema diġitali.
Nixtieq inserraħ moħħ l-Onor. Cauchi li ma hemm l-ebda tifi tas-sistema tat-televizjoni Maltija kontemplat fi ftit gimgħat. Il-bidu tat-trasmissjonijiet diġitali ta’ sitt stazzjonijiet Maltin (tnejn aktar milli hemm illum) huwa mistenni li jseħħ fl-ewwel ta’ Frar 2011. Però ta’ min wieħed josserva li huwa mistenni li għal perijodu ta’ erba’ xhur is-sistema diġitali u s-sistema analoġika (jiġifieri dik li hemm sal-lum) jibqgħu jaħdmu fl-istess ħin. Għaldaqstant is-sistema preżenti mistennija li tintefa' għal madwar Ġunju tat-2011 u wara din id-data tibqa’ biss is-sistema diġitali. Nemmnu li din il-medda ta’ żmien tagħti ċans biżżejjed lil kulhadd li, fejn meħtieġ, jagħmel it-tibdil żgħir neċessarju biex ikun jista’ jgawdi aktar programmi Maltin, bi stampa ta’ kwalità itjeb.
Ta’ min isemmi wkoll li lejn l-aħħar ta’ din is-sena għandu jingħata bidu għal kampanja ta’ nformazzjoni li mistennija tibqa’ għaddejja tul il-proċess tal-bidla, jiġifieri sa’ nofs l-2011. B’hekk naċċertaw li l-pubbliku ikun infurmat sew dwar dak li qed jiġri u x’għandu bżonn jagħmel biex jibdel is-sistema tat-TV tiegħu għad-diġitali, jekk ikun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid min rebaħ it-tender għat-twaqqiegħ tal-bini li qiegħed isir f'Bieb il-Belt? Meta se jitlesta dan ix-xogħol u kemm hu stmat li se jiġi jiswa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tender in kwistjoni li ntrebħet minn BIB Joint Venture , hija stmata li tiswa €484,556 u x-xogħol huwa kkalkulat li jitlesta sa Jannar 2011.
Jista' l-Ministru jgħid liema toroq fil-Belt sal-lum ġew pavimentati? Kemm ġie jqum ix-xogħol s'issa? Liema toroq għad iridu jiġu pavimentati? Meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol kollu ta' pavimentar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s'issa tlestew xogħlijiet ta' pavimentar f'dawn it-toroq fil-Belt Valletta:
· Triq San Kristofru bejn Triq l-Ifran u Triq San Pawl;
· Triq il-Karrijiet;
· Triq Melita bejn Triq l-Ifran u Triq il-Merkanti;
· Triq San Gwann bejn Triq l-Ifran u Triq ir-Repubblika;
· Triq Nofs in-Nhar bejn Triq l-Ifran u Triq ir-Repubblika;
· Triq id-Dejqa bejn Triq Nofs in-Nhar u Triq San Ġwann;
· Triq l-Arċisqof bejn Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti;
· Triq il-Merkanti bejn Triq l-Arċisqof u Triq San Kristofru.
Ix-xogħlijiet li saru s’issa huma stmati li ser jiswew madwar €1.2m.
It-toroq li għad iridu jiġu pavimentati huma:
· Triq id-Dejqa bejn Triq San Ġwann u Triq San Nikola;
· Triq l-Arċisqof bejn Triq il-Merkanti u Triq San Pawl;
· Triq Melita bejn Triq il-Merkanti u Triq il-Batterija;
· Triq San Ġwann bejn Triq il-Merkanti u Triq San Pawl;
· Triq Santa Luċija bejn Triq l-Ifran u Triq ir-Repubblika;
· Triq Santa Luċija bejn Triq il-Merkanti u Triq San Pawl;
· Triq it-Teatru l-Qadim bejn Triq l-Ifran u Triq il-Punent;
· Triq it-Teatru l-Qadim bejn Triq il-Merkanti u Triq San Pawl;
· Triq San Federiku;
· Triq it-Teżor.
Dawn ix-xogħlijiet huma stmati li se jiswew madwar €1.7m, filwaqt li x-xogħol kollu ta’ pavimentar huwa mistenni li jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2011, dejjem jekk kollox imur kif ippjanat.
Jaf il-Ministru kemm se jħallsu d-delettanti li għandhom il-qxur tal-baħar fil-bajja tal-Fekruna, x-Xemxija issa li din il-bajja se tittieħed mill-privat? Jista' jagħti l-prezzijiet ta' kemm se jħallas kull sid ta' kull qoxra skont il-kobor tal-qoxra tal-baħar tiegħu u għal kemm żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 18793.
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jintgħażlu l-operaturi l-ġodda li qed jingħataw bajjiet sħaħ biex jorganizzaw u fl-aħħar mill-aħħar jekk ma tkunx miktub magħhom biex torbot id-dgħajsa jew qoxra tal-baħar tiegħek mhux se tingħata l-opportunità li tagħmel dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-operaturi tas-siti għall-irmiġġ temporanju qegħdin jintgħażlu wara li saru sejħiet pubbliċi għall-offerti. Ta’ min jinnota li dawn is-sejħiet qegħdin isiru għall-operat ta’ siti żgħar ġewwa xi bajjiet u mhux għall-operat ta’ bajjiet sħaħ kif ġie indikat fil-mistoqsija. L-operaturi magħżula se jkunu responsabbli miż-żona indikata lilhom u irmiġġi mhux awtoriżżati mhux se jitħallew jitqegħdu.
Jista' l-Ministru jagħmel dak kollu meħtieġ biex tissolva l-anomalija serja li hemm fi Triq Kent, il-Fgura fejn hemm żewġ djar li għandhom l-istess numru u li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, waħda li tinsab kważi fit-tarf ta' Triq Kent lejn Raħal Ġdid u l-oħra fit-tarf l-ieħor tat-triq ħdejn il-piċċ tal-boċċi?
Apparti l-inkonvenjenzi ta' ittri, kontijiet u oħrajn li jiġu rċevuti bi żball, f'każ ta' xi emerġenza jew jekk tinqala' xi disgrazzja minħabba l-ħin prezzjuż li jista' jintilef sakemm wieħed isib id-dar li jkun irid hu f'każ ta' xi ambulanza, tabib, tifi tan-nar, eċċ, jaħseb il-Ministru li dan l-iżball li ilu għaddej is-snin minkejja t-talbiet li saru mis-sidien taż-żewġ residenzi lid-Door Numbering Unit, lill-Pulizija u lill-Kunsill Lokali għandu jiġi kkoreġut b'mod immedjat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.