Legislature:
Category:
Reset
Active:

Medicina out of stock

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward il-mediċina Anafranil 10 mg li ninsab infurmat li hija out of stocku jgħid meta se tkun ipprovduta għall-pazjenti?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-mediċina 10mgs tinstab 'in stock' għand l-imħażen tal-mediċini tal-GHPS.

Operazzjonijiet — Waiting list

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 74 dwar waiting list f'ċertu operazzjonijiet u l-istess dikjarazzjoni fit-tweġiba, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-passi li l-gvern beħsiebu jieħu fiż-żmien li ġej?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Politika Soċjali — Assigurazzjoni Privata

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-mument liema huma d-dekasteri, dipartimenti u entitajiet li għandhom xi forma ta' Assigurazzjoni Privata (Private Insurance) għall-vetturi, bini, apparat, pitturi, eċċ? Kemm huwa l-ħlas globali f'ċifra ta' flus li qed titħallas għal dawn l-assigurazzjonijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li, minbarra l-Awtorita’ Nazzjonali għax-Xogħol u l-isptar Monte Carmeli, kull Dipartiment u Entita’ taħt id-dekasteru tiegħi ħallas xi tip ta’ assigurazzjoni inkuż dik li tkopri s-safar ta’ uffiċjali. Ninsab infurmat ukoll li, minbarra l-assigurazzjoni msemmija għas-safar, li l-ammont tagħha jvarja skond in-numru ta’ safriet, iċ-ċifra globali li qed titħallas għal assigurazzjoni hi ta' €193,305.25 .

Sussidju fuq Surcharge

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna, li isimha qed jidher separatament hix qed tieħu sussidju tajjeb fuq is-surcharge peress li hu jgħix bil-pensjoni ta' l-invadilita'?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa

Benefiċju

Question

Jista' l-Ministru jara li tfajla li isimha qed jidher separatament , li tieħu l-flus talli tieħu ħsieb lil ommha li tbati bil-marda Huntington's Chorea, u għax kellha lil ħutha jaħdmu, d-dipartiment talabha l-flus lura.Għal din il-persuna huwa sagrifiċċju li ma taħdimx biex iddur b'ommha u hi nġusta li tispiċċa tħallas dawn il-flus? Jista' l-Ministru jara li jitmexxa dan il-każ u ssir ġustizzja?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Pensjoni ta' l-invalidita'

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hux qed jieħu pensjoni ta' l-invalidita' tajjeb, peress li qed iħoss li għandu pensjoni baxxa? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Leg 11 PQ #630 Sitting 14 2008-06-09 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Drittijiet ta' foster parent

Question

Jista' l-Ministru jara li l-koppja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata d-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' foster parents?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-koppja ndikata li tavviċina t-taqsima tal-Fostering fl-Aġenzija Appoġġ biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa fil-parametri legali eżistenti..

Plots tal-Gvern — Konvenju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini Maltin li xi darba ħadu plot tal-Gvern u bnew id-djar tagħhom fuqu u li sal-lum għadhom fuq konvenju? Fejn jinsabu dawn ir-residenzi? Kemm hawn residenzi b'dan il-mod, f'kull lokalita? Meta se jikkonkludu l-ftehim billi l-art li għadha fuq konvenju tgħaddi għal fuq kuntratt?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li hemm 1,324 benefiċċjarji li bnew id-dar tagħhom fuq plot mogħtija lilhom b'ċens mill-Awtorita' tad-Djar u li għadhom fuq Konvenju. Ebda Dipartiment jew entita' taħt id-dekasteru tieghi ma għandu kontroll fuq meta l-artijiet in kwistjoni jghaddu ghand l-Awtorita'. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Housing Authority — Għoti ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm hemm nies jistennew dar mingħand il-Housing Authority? Kemm hemm minnhom single parents? Kemm hemm romol? Kemm hemm minnhom b'familji kbar ta' iktar minn żewġt itfal?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li hemm 3.489 applikazzjoni quddiem l-Awtorita’ tad-Djar għal akkomodazzjoni alternattiva. Minn dawn, 679 huma minn single parents, 189 minn romol u 356 minn familji b’aktar minn żewġt itfal.

Tqassim ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm tqassmu djar/plots/flats lill-poplu bħala skemi tal-Housing? Liema huma dawn l-iskemi? Jista' jgħid jekk hemmx xi skema li mhux kulħadd huwa ntitolat għaliha?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika s-sena jew snin li dwarhom qed jitlob l-informazzjoni..

Vjaġġ minn sptar għall-ieħor

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 167, jista' l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa kull vjaġġ bil-helicopter mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għall-Isptar Mater Dei biex jinġarru pazjenti minn l-isptar għall-ieħor?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-helicopter użat huwa tal-Forzi Armati ta' Malta u t-taqsima tas-Saħħa tagħna ma tħallasx għal dan is-servizz. It-taqsima tas-Saħħaa tħallas biss il-polza tas-sigurta' (Insurance Cover) li tammonta għal EU23.29 kull vjaġġ għal kull persuna mpjegata magħha.

Aġenzija Appoġġ — Social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tas-social workers ta' l-Aġenzija Appoġġ fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Qed isir assessment komprensiv minn dawn il-professjonisti fl-ewwel ġranet meta persuna tidħol f'dan il-post bħala priġunier? Qed isir pjan ta' azzjoni ma' kull priġunier li fih ikun hemm indikat kif dan jista' jirċievi għajnuna prattika waqt li hu jkun qed jiskonta s-sentenza tiegħu? Qed isir after care service ma' l-ex-priġunieri kollha? Qed ikunu megħjuna fil-prattika l-familja ta' kull priġunier?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-ewwel assessment soċjali ta’ persuna meta tidħol fil- Faċilita Korrettiva ta’ Kordin isir minn ħaddiem soċjali u żewg psikologi mpjegati ma’ din il-Faċilita’. Dan it-team jidentifika dawk il-każijiet li jkunu ser jiġu riferuti lill-ħaddiema soċjali ta’ l-Aġenzija Appoġġ. Ix-xogħol tal-ħaddiema soċjali ta’ l-Aġenzija Appoġġ jikkonsisti f’sapport lill-priġunieri li jiġu riferuti lilha waqt li dawn ikunu qegħdin jiskontaw is-sentenza, kif ukoll preparazzjoni għall-integrazzjoni tagħhom lura fil-komunita. Dan jinkludi għajnuna fuq problemi dwar relazzjonijiet ma’ membri tal-familja jew nies oħra, problemi ta’ saħħa, u abbuż ta’ droga jew alkoħol. L-Aġenzija Sedqa ukoll tipprovdi servizz speċjaliżżat lill-priġunieri, fosthom billi tagħmel programmi ta’ riabilitazzjoni fil-Kommunita’ Sta. Marija. Ninsab infurmat ukoll li x-xogħol mal-familji tal-priġunieri, fejn meħtieġ, normalment isir minn ħaddiema soċjali f’servizzi oħra ta’ l-Aġenzija Appoġġ u mhux minn dik li xogħol prinċipali tagħha hu mal-priġunieri.

Ċimiterju ta' l-Addolorata

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li se jsiru fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? Meta huwa maħsub li jitlestew dawn ix-xogħlijiet u kemm hu stmat li se jqumu dawn ix-xogħlijiet? Min se jkun qed iwettaq dawn ix-xogħlijiet, impjegati tal-gvern jew kuntratturi privati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li x-xogħlijiet li qed jiġu ppjanati li jsiru fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata huma xogħlijiet ta' konservazzjoni, restawr u tiswijiet ta' strutturi, fosthom il-kappella gotika u prinċipali fiċ-ċimiterju, toroq u passaġġi li s-snin u n-natura ħallew fuqhom il-marka tagħhom bħala deterjorazzjoni fil-ġebla u ħsarat oħra. Dan ix-xogħol jitlob li jiġi mwettaq b'attenzjoni partikolari u reqqa. Għaldaqstant ix-xogħol li ser isir mistenni jieħu mhedda ta' snin. Xogħolijiet bħal tiswijiet ta' toroq u ħażna ta' l-ilma taħt l-art kif ukoll id- distribuzzjoni ta' l-ilma, diġa bdew u mistennija li jimxu l-quddiem b'pass mgħaġġel. Sa fejn huwa possibli x-xogħolijiet ser isiru mill-impjegati tal-Gvern u entitajiet pubbliċi. Huwa diffiċli li wieħed jagħti stimi ta' kemm ser iqumu dawn ix-xogħlijiet li ma humiex ta' natura ta' produzzjoni iżda fihom ħafna xogħol ta' lavur u arti.

Terapisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema ċirkustanzi jiġu provduti terapisti fid-djar ta' anzjani/persuni b'disabilita' mingħajr ħlas?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura’ fil-Komunita’ jipprovdi terapisti fid-djar ta’ l-anzjani fiċ-ċirkustanzi msemmija hawn taħt: 1. lil dawk il-pazjenti illi wara li joħorgu mill-isptar, jkollhom bżonn l-għajnuna tat-terapista sabiex l-indipendenza fiżika tagħhom tiġi għall-aħjar. Minħabba li l-kundizzjoni tagħhom tkun għadha hekk fraġili, din ma tippermettilhomx li jivvjaġġaw. 2. lil pazjenti li r-restrizzjonijiet strutturali li għandhom ġewwa djarhom jservi ta’ periklu jekk dawn joħorġu. 3. lil carers illi jkollhom bżonn għajnuna, support u direzzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jieħdu ħsieb il-pazjent.

Mewt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li mietu nies xahar b'xahar fis-sena 2007? Kemm minnhom kellhom anqas minn 65-il sena? Kemm minn dawn jirriżulta li kienu self-employed?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Dħul fi djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-waiting list għad-dħul fid-djar ta' l-anzjani, kif ukoll f'San Vinċenz?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-waiting list għad-dħul fid-djar ta' l-Anzjani tal-Gvern sal-31 ta' Mejju 2008 hija ta' 1,090. Informat ukoll li dwar il-waiting list għad-dħul fir-Residenza San Vincenz de Paule, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tal-Mistoqsija numru 585.

Vista ta' l-Għajnejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-waiting list għal vista ta' l-għajnejn fiċ-Ċentri tas-Saħħa?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l- waiting list u t-total ta’ pazjenti li qed jistennew biex jingħataw is- servizz għal vista ta’ l-għajnejn fic- Ċentri tas- Saħħa hija kif tidher hawn taħt. · Gżira - Frar 2009 - 800 pazjent · Mosta - Mejju 2010 - 2595 pazjent · Qormi - Jannar 2010 - 900 pazjent · Floriana - Gunju 2010 - 2200 pazjent · Paola - Novembru 2009 - 1900 pazjent · B’Kara - Marzu 2009 – 665 pazjent Ma jingħatax servizz għal visti ta’ l-għajnejn fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Bormla u r-Rabat. Nixtieq ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej proċess attwali biex din il- problema ta’ dewmien tiġi riżolta.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi protocol biex anzjani 'l fuq minn 72 sena b'pensjoni minima ta' madwar €317 fix-xahar jingħataw xi għajnuna addizjonali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li dawk il-pensjonanti li jagħlqu 72 sena u, flimkien mal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali, jirċievu wkoll pensjoni tas-servizz, issirilhom stima mill-ġdid tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali, fejn ma jiġix ikkalkulat 50% tal-parti kkomutata tal-pensjoni tas-servizz. Dan jista’ jirriżulta f’żieda fir-rata tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali. Ta’ min iżid ukoll li persuna li ddħul tagħha hu limitat għall-pensjoni bir-rata indikata mill-Onor. Interpellant, normalment tkun intitolata wkoll għall- allowance supplimentiari mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.

Każijiet ta' HIV

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' HIV rappurtati li daħlu fl-isptarijiet lokali matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li, minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary (ECS), fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena ma jirriżultax li kien hemm irreġistrati persuni li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ HIV (ICD-10 codes: R75 u Z21). Mhux eskluż il-fatt li jista’ jkun hemm xi persuni li huma HIV+ u li ddaħħlu l-isptar għal xi kundizzjoni oħra u għalhekk fid-discharge diagnosis ma jkunx imniżżel li huma HIV+. Il-fatt li wieħed jkun HIV+ mhux neċessarjament jkollu bżonn jiddaħħal l-isptar.

Każijiet ta' lebbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' lebbra rappurtati li daħlu fl-isptarijiet lokali matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li, minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary (ECS), fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena ma kien hemm ebda każ li ddaħħal fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ lebbra (ICD-10 code: A30).