Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar pubbliku — Customer care

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nies talbu għajnuna mingħand il-customer care ta' l-isptar pubbliku matul is-sena 2007? Liema kienu l-iktar problemi li ġew jitolbu għajnuna fuqhom? Kemm minn dawn il-problemi ġew solvuti?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ammont totali ta’ rikjesti irreġistrati għas-sena 2007 huwa ta’ 1,719 u kienu mqassma kif ġej: · 60% għamlu xi forma ta’ ilment · 20% talbu pariri dwar aċċess għas-servizzi · 10% talbu nformazzjoni dwar servizzi · 9% taw suġġerimenti · 1% talbu gwida jew direzzjoni L-iktar ilmenti li jaslu għand il-customer care huma kif ġej: - · Ħin ta’ stennija għal appuntament ma konsulent fl-outpatients · Files mediċi spustati · Posponimenti ta’ appuntamenti · Nuqqas ta’ mediċini · Ħin twil ta’ stennija għal operazzjonijiet · X-Rays spustati · Ħin twil ta’ stennija fil-ġurnata ta’ l-appuntament fl-outptients Persentaggi ta’ każijiet solvuti/mhux solvuti 20% jiġu solvuti fil-ħin li jiġu rrapurtati 30% jiġu solvuti f’inqas minn 48 siegħa 15% jiġu solvuti fi żmien ġimgħa jew aktar 30% tinstab xi forma ta’ soluzzjoni 5% ma jiġux solvuti.

Disability Pension

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 488, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jindika eżatt għal liema disability pension qed tirreferi, hux disability pension għax ikun ġara xi inċident jew inkella diżabilita' mit-twelid jew mard?

Response (DALLI, JOHN)

Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, id-disability pension, li kienet is-suġġett tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 488, hi dik il-pensjoni mħallsa dwar persuna li jkollha sittax-il sena jew aktar u tkun ċertifikata li qed issofri minn subnormalità mentali severa jew li tkun persuna gravament diżabilitata, u tkunu tissodisfa it-test tal-mezzi skond l-istess l-Att. Għalhekk, l-informazzjoni mogħtija bi Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 488 kienet speċifikament dwar din il-pensjoni..

Waiting list

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 345, jista' l-Ministru jgħid is-624 angiogram li saru tul 2008 kemm kien ilhom fuq il-waiting list? Kif jiddefinixxi "fair" l-Ministru? Min qed jassigura li kollox isir "fair"? Japprezza li min ma jistax iħallas jista' jkun żvantaġġjat bis-sistema kif inhi llum? Kif jassigura l-Ministru li min ikun ra speċjalista privatament ma jaqbiżx in-nies li jkunu fuq il-waiting list? Jista' biex jitnaqqas l-abbuż tibda tiġi pubblikata lista u turi l-ordni ta' min imissu u meta tpoġġa fuq il-waiting list? Jekk l-oġġezzjoni għal dan huwa Data Protection Act tista' tiġi ippublikata skond in-numru tal-karta ta' l-identita'? Dan jista' jiġi applikat wkoll għad-dipartiment tal-kirurġija u ta' l-għajnejn?

Response (DALLI, JOHN)

It-terminu “Fair” fil-Medicina tfisser “Bzonn Kliniku”. Huwa għalhekk li għandna departiment ta’ emerġenza li jara pazjenti qabel oħrajn li jiġu eżaminati fl-Outpatients. Barra minn hekk, jekk it-tabib responsabbli mill-pazjent iħoss li l-kundizzjoni tal-pazjent qed tiddeterjora malajr jew li progress kliniku jirrikjedi azzjoni mmedjata, dan jista’ jagħmel kuntatt mal-Konsulent ikkoncernat li jkun jista’ jieħu azzjoni dwar dawn il-bżonnijiet. Dan il-process japplika għal kull minn jiġi eżaminat. Individwi jitpoġġew fuq waiting list komuni u l-kriterji ta’ urgenza japplikaw għal pazjenti li l-kundizzjoni klinika tagħhom tirrikjedi li jingħataw prijorita fil-lista. Il-Kodici ta’ l-Etika tal-Professjoni Medika tassigura l- fairness li l-Onorevoli Parnis qed jistaqsi dwarha. Il- waiting lists qatt ma huma bbażati fuq “First Come first served basis” imma l-urġenza tal-każ tiddetta iż-żmien ta’ stennija għall-procedura necessarja. Hemm Team Mediku tal-Kardjologija fuq standby fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa biex jinvestiga u jittratta każi urġenti li jidħlu mid-Dipartiment ta’ l-Emergenza. Barra minn hekk, każi fejn il-pazjent ikun rikoverat fl-Isptar wara li sofra sintomi ta’ problemi kardijaci akuti jingħataw precedenza fuq dawk il-pazjenti fuq il- waiting list li jkunu jistgħu ikomplu l-ħajja normali tagħhom.

Postijiet Ikkundannati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji li fil-mument għandhom talbiet għall-akkomodazzjoni alternattiva kawża li l-fondi li jgħixu fihom huma kundannati bħala perikolużi.u fi stat li jista' jiġġarraf? X'inhi l-politika tal-Gvern quddiem dawn il-każijiet? Kemm minnhom se jingħataw l-akkomodazzjoni mitluba fis-sena li qegħdin fiha?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar għanda 100 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva minn postijiet li hemm xi tip ta’ periklu, mhux neċessarjament tal-gravita’ indikata mill-Onor. Interpellant. Il-politika tal-Gvern f’dawn il-każijiet hi li jagħti priorita’ lil dawn l-applikazzjonijiet l-ewwel nett billi jgħin biex isiru xogħlijiet ta’ rranġar, taħt l-iskemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, biex jitneħħa l-periklu. Sfortunatament, ħafna jippreferu li ma jagħmlu l-ebda xogħol u jibqgħu fil-perikolu. Għal diversi raġunijiet, fosthom dik imsemmija hawn fuq, kif ukoll in-numru ta’ postijiet battala u addattati li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-Awtorita’, mhux possibli Tweġiba għall-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Leg 11 PQ #651 Sitting 15 2008-06-10 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Requisition Order

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu llum in-numru ta' propretajiet li għad għandhom requisition order fuqhom f'kull belt u raħal? Kemm minn dawn il-propjetajiet huma tal-Gvern u tal-privat? Kemm kien in-numru totali ta' rekwiżizzjonijiet li kellu d-Dipartiment tad-Djar fl-1992,meta inbeda l-proċess tal-komputeriżazzjonijiet f'Malta u Għawdex?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-ewwel rekord tan-numru globali ta’ postijiet rekwiżizzjonati jmur lura għas-sena 1995 u juri li kien hemm 25,217 post rekwiżizzjonat. Illum, dan in-numru hu 1,759. Infurmat li r-rekords ma jindikawx kemm minn dawn il-postijiet huma tal-privat jew tal-Gvern. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #703 Sitting 15 2008-06-10 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Studju ta' Pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 465 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe'jgħid jekk qattx sar studju mid-Dipartiment tas-Saħħa jew mill-Universita' ta' Malta biex jitkejjel a) l-ammont ta' pestiċidi fl-ambjent intern ta' l-iskejjel b) l-ammont ta' pestiċidi fl-ambjent tad-djar taċ-ċittadini? U jekk iva, x'inhuma r-riżultati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li qatt ma’ saru studji tan-natura msemmija mill-Onor Interpellant. Għar rigward ta’ studji li setgħu saru mill-Universita’ ta’ Malta nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ħal Far — Adult Training Centre

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm nurse fl-Adult Training Centre ta' Ħal Far minħabba li qed ikun hemm numru ta' problemi marbuta ma' tqassim ta' pilloli minħabba li l-carers ma jistgħux jagħmlu x-xogħol ta' nurse anke minħabba l-fatt li mhumiex kwalifikati għal dan ix-xogħol?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Spiża totali f'Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 483 u jgħid kemm kienet l-ispiża totali biex jitmexxa Mater-Dei minn mindu fetaħ xahar b'xahar?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li għall-perjodu ta’ bejn Novembru ta’ l-2007 u April ta’ l-2008 l-ispiża totali ta’ l-Isptar Mater Dei on a Cash Basis maħruġa mid-Departmental Accounting System (DAS) kienet tammonta għal €50,515,898. L-ammont imqassam kull xahar qiegħed jiġi muri f’Kolonna (1), fit-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat ukoll li l-ammonti f’kollonna (1) ma jinkludux il-materjal mediku u farmaċewtiku li jidher f’Kolonna (2) – liema materjal ma jaqax taħt il-Vot Cost Centre G08 Mater Dei Hospital iżda jinsab taħt Programmi u Inizjattivi, Item 5400 Cost Centre G07 Government Pharmaceutical Services (GPS). Jekk ngħoddu dawn l-ammonti murija f’kolonna (2) ma’ dawk li jidhru f’kolonna (1) in-nefqa totali għal dal-perjodu titla’ għal 67,611,523 Ewro, kif qed jiġi spjegat f’kolonna (3).

Abbużi minn Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm rriżultaw każijiet ta' abbuż minn persuni li applikaw għal għajnuna soċjali wara li sseparaw mill-konjuġi tagħhom iżda nstabu joqgħodu fl-istess dar?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni speċifika mitluba mill-Onor. Interpellant. L-istatistika li tinżamm hi dwar kemm twaqqfu każijiet ta’ benefiċċji minħabba ksur ta’ provvedimenti ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Ninsab infurmat li n-numru ta’ dawn il-każijiet li twaqqfu bejn Jannar u l-aħħar ta’ Mejju 2008, kien ta’ 362.

Reġistrar għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm rriżultaw każijiet ta' persuni li ma rreġistrawx għax-xogħol għal raġuni ta' mard, xahar b'xahar minn Jannar sa Mejju ta' din is-sena? Kemm minnhom għamlu dan għal aktar minn darba,darbtejn, tliet darbiet, eċċ?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tobba — Settur Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tobba li gradwaw mill-Universita' ta' Malta fl-aħħar ħames snin għadhom impjegati mas-settur pubbliku? Kemm minnhom ġeddew il-liċenzja tal-Kunsill Mediku din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li n-numru ta’ tobba li gradwaw mill-Universita’ ta’ Malta fl-aħħar snin u għadhom fis-Servizz Pubbliku huwa kif ġej : Sena Tobba Gradwati Għadhom fis-Servizz 2003 34 29 2004 65 58 2005 61 60 2006 44 44 2007 52 52 Informat ukoll li din is-sena kull tabib impjegat mas-settur pubbliku ġedded il-liċenzja mal-Kunsill Mediku skond l-Avviż Legali 330/2006.

Bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twaqqa' u reġa' ttella' bini tal-gvern fl-ibliet madwar il-Port il-Kbir f'dawn l-aħħar 20 sena lokalita' b'lokalita'? Kemm ittellgħu appartamenti, maisonettes lokalita' b'lokalita'? X'inhu ppjanat li jsir f'dawn il-lokalitajiet fis-snin li ġejjin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma ‘l-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar 20 sena, ittellgħu b’kollox 673 appartament/maisonette ġdid u ġew rijabilitati 51 unit fil-Belt, il-Furjana u l-Kottonera. Proġetti ta’ rikostruzzjoni għall-futur (bil-permessi tal-MEPA) f’dawn l-istess ibliet, s’issa jkopru 104 unit oħra. Ser inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi d-dettalji lokalita’ b’lokalita’.

Myalgic Encephalomyelitis

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kondizzjoni ME (Myalgic Encephalomyelitis) tiżdied ma' dawk id-diżabilitajiet li għalihom jibbenefikaw mill-home help u mill-installazzjoni ta' lift?

Response (DALLI, JOHN)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat.

Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mediċini li għadhom jiġu manifatturati li kienu jiġu mpurtati f'pajjiżna fl-2006 u li ma baqgħux fl-2007? Kemm minn dawn kienu jiswew anqas minn €7 (Lm3) kull pakkett? Kemm minn dawn qed jiġu provduti mill-ispiżeriji tal-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #812 Sitting 15 2008-06-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptarijiet tal-Gvern — Waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni, f'dawn l-oqsma - Kirurġija Ġenerali, Uroloġija, Newrokiruġija, Kirurġija Plastika, Kirurġija tat-Tfal, ENT, Ġinekoloġija, Oftalmoloġija, Ortopedija, Kirurġija tal-Qalb u Dentistrija - fl-isptarijiet tal-gvern illum u kemm ilhom jistennew f'kull każ?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat ukoll li l- waiting times mhux dejjem jistgħu jinġabru b’mod eżatt għal dawn ir-raġunijiet: · Pazjenti qed jiġu kontinwament miżjuda fil-listi ta’ l-operazzjonijiet u dawk li saretilhom l-operazzjoni huma mneħħija mill- waiting lists . Għalhekk iż-żmien ta’ stennija ivarja minn persuna għall-oħra e.g. fl-istess wating list jista’ jkun hemm pazjent li ilu x-xhur kif ukoll wieħed li jkun ilu jistenna ftit ġranet. · Pazjenti li l-kundizzjoni ta’ saħħithom titbiddel tali li l-operazzjoni li qed jistennew jagħmlu ma tkunx tista’ ssirilhom, ġieli ma jinfurmawx l-isptar sabiex jitneħħew minn fuq il-waiting list. Fl-istess kategorija jkun hemm pazjenti li għamlu l-operazzjoni x’imkien ieħor jew li jmutu jew li jħallu l-pajjiż waqt li għadhom fuq il-lista. · Hemm każijiet fejn pazjent ikollu bżonn ta’ zewġ operazzjonijiet e.g. bilateral cataracts. Dan il-pazjent, allavolja operat, jibqa’ fuq il- waiting list għat-tieni operazzjoni.

Ċentri tas-saħħa

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 660, jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għall-perijodu ta' bejn Jannar u Diċembru 2007?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-5:00 p.m il-bereġ kollha jkunu magħluqin. L-istatistika li tinżamm fiċ-centri tas-sahha hija ta’ kemm jattendu nies bejn it-8.00 a.m u t-8.00 p.m. u mit-8.00 p.m. sat-8.00 a.m. Għalhekk ma hux possibbli li tingħata l-istatistika kif qegħda tintalab fl-Interpellanza. In-numru ta’ pazjenti li attendew fiċ-ċentri tas-saħħa kollha matul il-perjodu indikat huwa kif jidher hawn taħt: Sena 2007 8a.m. sa 8p.m. 8p.m. sa 8a.m. Għand it-tabib tal-familja 288,478 36,394 Fit- Treatment Room 152,879 22,477 Ma tinżammx statistika ta’ kemm pazjenti jintbagħtu l-emerġenza jew ta’ kemm dawn idumu fic-centri tas-sahha. L-anqas issir distinzjoni ta’ kemm minnhom kienu barranin jew Maltin. Madankollu tinġabar statistika ta’ kemm jattendu nies barranin globalment fis-sena. Il-medja kull xahar matul l-2007 kienet ta’ 133 pazjent.

Għawdex — Teenage Pregnancies

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 536, li saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien hemm teenage pregnancies f'Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn separatament u tindika l-etajiet?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #836 Sitting 15 2008-06-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sea Malta — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 615 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid x'qed iżomm lill-Gvern milli jiżgura li l-ex ħaddiema tal-kumpanija Sea Malta jieħdu madwar Lm1 miljun f'benefiċċji tat-terminazzjoni ta' l-impjieg u benefiċċji oħra dovuti lejhom skond il-Liġi tar-Relazzjonijiet Industrijali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-kwistjoni tal-ħlas ta’ benefiċċji tat-terminazzjoni ta’ l-impjieg dwar il-persuni ndikati mill-Onor Interpellant hi s-suġġett ta’ proċeduri ċivili fil-Qorti.
Leg 11 PQ #843 Sitting 15 2008-06-10 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ommijiet taħt is-16-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal lil ommijiet taħt is-16-il sena minn Jannar 2007 sa Mejju 2008? Jista' jaqsam l-informazjoni skond l-eta' u l-lokalita' li joqgħodu fiha dawn l-ommijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li fis-sena 2007 twieldu 15 il-tarbija lill-ommijiet taħt is-sittax il-sena. Il-lokalitajiet huma kif jidhru fit-tabella hawn taħt: Trabi li-twieldu lill-ommijiet taħt is-16 il-sena fis-sena 2007:- Lokalita' Trabi lill-ommijiet taħt is-16 il-sena Gozo 0 North Harbour 4 South Harbour 7 South East 4 Northern 0 Western 0 Malta and Gozo 15