Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li mardu bil-leukemia u lymphoma

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10980, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal sa 16-il sena u kemm persuni minn 16-il sena 'l fuq, li mardu bil-leukemia u lymphoma f’dawn l-aħħar 15-il sena? Jista' jg]id ukollk emm minn dawn fiequ kompletament, kemm mietu u kemm għadhom qegħdin jieħdu l-kura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ tfal sa 16-il sena li mardu bil-leukemia bejn is-sena 2007 u s-sena 2021 kien ta’ 52. Dawn il-każi ġew segwiti u sal-31 ta’ Diċembru 2023, mietu 5 u 47 huma ħajjin. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’ tfal sa 16-il sena morda bil-lymphoma bejn is-sena 2007 u s-sena 2021 kien ta’ 22. Dawn ġew segwiti u sal-31 ta’ Diċembru 2023 u kollha huma ħajjin. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’persuni minn 16-il sena 'l fuq, li mardu bil-leukemia bejn is-sena 2007 u s-sena 2021 kien ta’ 608. Kull każ ġie segwit u sal-31 ta’ Diċembru 2023 kienu mietu 405 u 203 huma ħajjin. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’persuni minn 16-il sena 'l fuq, li mardu bil-lymphoma hu ta’ 1,600. Dawn ġew segwiti u sal- 31 ta’ Diċembru 2023, mietu 691 u huma 909 ħajjin. Finalment, ninsab infurmat li statistika mill-2021 ’il quddiem għadha tiġi miġbura, ikkodifikata, verifikata u analiżżata. Rigward in-numru ta’ tfal sa 16-il sena li bħalissa qed jieħdu trattament ta’ kemoterapija, hemm 13-il pazjent bil-leukemia u ebda pazjent bil-lymphoma. Rigward in-numru ta’persuni minn 16-il sena 'l fuq li bħalissa qed jieħdu trattamenti ta’ kemoterapija, hemm 119-il pazjent bil-leukemia u 125 pazjent bil-lymphoma.

Sptar Mount Carmel — Gym

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-gym tal-Isptar Mount Carmel qed ikun magħluq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-isptar Mount Carmel huwa mgħammar b’iktar minn gym wieħed. L-użu u l-ftuħ tagħhom huwa spjegat fis-segwenti: • Il-gym tar-rijabilitazzjoni fid-dipartiment tal-fiżjoterapija jintuża kontinwament. • Il-gym ‘sports and cultural club’ li jinsab ukoll ġewwa l-isptar Mount Carmel huwa disponibbli għall-membri kollha, kemm l-istaff kif ukoll il-qraba bi sħubija valida. Huwa aċċessibbli mit-Tnejn sal-Ħadd inklużi l-vaganzi mis-6.30 am sad-9.30pm. • Il-gym f'AW1 u AW2 huwa disponibbli għall-użu tal-klijenti skont it-talba u l-ħtieġa. • Il-gym fl-AW3 huwa disponibbli fuq talba meta jkun hemm bżonn li jintuża mill-klijenti, altrimenti, jkun imsakkar u ċ-ċwievet ikunu disponibbli mingħand l-infermiera responsabbli. • Il-gym li jinsab fiċ-Ċentru Soċjali jintuża bejn it-Tnejn u l-Ħadd fejn is-sessjonijiet ta’ eżerċizzju jkunu skedati minn qabel. Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-pazjent kif ukoll tiġi evitata ħsara lit-tagħmir, il-gym huwa użati taħt superviżjoni.

Sptar Mount Carmel — Pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Mount Carmel, kemm minnhom qed jieħdu kura għall-problemi psikjatriċi u kemm minnhom qed jieħdu kura minħabba addizzjonijiet jew abbużi minn droga/alcohol jew oħrajn? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa ġewwa l-Isptar Mount Carmel hemm 257 pazjent (88 nisa u 169 irġiel). Minnhom hemm 187 pazjent li qiegħdin jieħdu kura għal problemi psikjatriċi u 70 pazjent li qiegħdin jieħdu kura minħabba addizzjonijiet jew abbużi minn droga/alkoħol. Mit-total ta’ pazjenti, 53 pazjenti huma ta’ nazzjonalità barranija. 10 huma nisa u 43 huma rġiel.

Appuntamenti għal outpatients — Sistema ta' messaġġi bit-telefon ċellulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sistema ta' messaġġi bit-telefon ċellulari jinnotifika lill-pazjenti b'appuntamenti għal outpatients mhux qed taħdem, u meta ser tibda taħdem minħabba li ilha xhur wieqfa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Is-sistema ta’ notifika lill-pazjenti bl-appuntamenti tagħhom f’diversi outpatients fis-servizzi tas-saħħa qed taħdem. F’Diċembru u Jannar 21,093 SMS inħareġ mill-Kura Primarja, 20,238 inħareġ mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, 751 inħareġ mill-Isptar ta' Rijabilitazzjoni Karen Grech u 7,044 inħareġ mill-Orthotics & Prosthetics Unit, fl-Sptar San Luqa. Fl-Isptar Mater Dei, is-servizz ta’ notifika b’SMS twaqqaf temporanjament minħabba tibidliet fis-sistema sabiex is-servizz ta’ notifika bl-SMS ikun jista’ jiġi integrat mas-servizz ċentralizzat ta’ notifika diġà offrut mill-Aġenzija Maltija għat-Teknoloġija tal-Informatika (MITA). In-notifika permezz ta’ SMS lill-pazjenti bl-appuntamenti tagħhom fl-outpatients ta’ Mater Dei reġa’ beda jaħdem fid-9 ta’ Frar 2024.

San Ġiljan/Tas-Sliema/Il-Gżira – Periklu għall-anzjani li jmorru jimxu fuq il-promendade minħabba l-użu tal-e-scooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jagħti serħan il-moħħ lill-anzjani li jmorru jimxu fuq il-promenade f’San Ġiljan/Tas-Sliema/Il-Gżira li l-e-scooters privati li ser jibqgħu jkunu jistgħu jintużaw fuq il-promenade mhux se jkunu ta’ periklu għalihom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Sigaretti – Passi biex jitnaqqas l-abbuż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex jitnaqqas l-abbuż tas-sigaretti fost il-popolazzjoni, anke minuri, peress li s-sigaretti huma wieħed mill-fatturi prinċipali li jwasslu għal diversi mard u anke mwiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li qed tiġi żviluppata l-ewwel strateġija speċifika dwar il-Kontroll tat-Tabakk li se tkun tinkludi firxa wiesgħa ta’ inizjattivi mmirati biex titnaqqas tal-prevalenza tat-tipjip u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Din l-istrateġija ser tinkludi miżuri biex: • titnaqqas l-affordabbiltà tal-prodotti tat-tabakk, • titnaqqas id-disponibbiltà tal-prodotti tat-tabakk, • jitnaqqas ir-reklamar tal-prodotti tat-tabakk, • tiskoraġġixxi l-kummerċ illeċitu ta’ prodotti tat-tabakk, • jissaħħaħ l-għarfien dwar l-impatt fuq is-saħħa u l-kontroll tat-tabakk permezz kampanji diversi fuq media, li twassal għal kultura aktar b’saħħitha fil-pajjiż kontra tabakk, • jiżdiedu s-servizzi biex jassistu lil kull min ipejjep biex jieqaf, • jissaħħu l-isforzi ta’ sorveljanza u riċerka. Id-Direttorat għal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard Ambjentali fis-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika joffri sessjonijiet one-to-one b'xejn għal individwi li jixtiequ jieqfu jpejpu jew inaqqsu l-vizzju tagħhom. Isir pjan individwali speċjalizzat biex jgħin lin-nies jieqfu jpejpu. L-individwi jistgħu jirreferu lilhom infushom billi jċemplu fuq il-Quitline 80073333. Jiġu organizzati ukoll ‘group sessions’ għall-ħaddiema fuq il post tax-xogħol biex jieqfu mit-tipjip. Issir ħidma wkoll ma’ skejjel primarji, medji, sekondarji u post-sekondarji dwar l-effetti tat-tipjip u l-vaping. Għajnuna oħra tiġi provduta permezz tal-website u l-pjattaformi tal-midja soċjali. Barra minn hekk, jiġu mtellgħin kampanji nazzjonali kontra it-tipjip u dwar is-servizzi offruti flimkien ma' informazzjoni edukattiva. Il-kampanja tal-2024 ser tiffoka fuq il-vaping.

Obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuwa l-pjan tal-Gvern fejn tidħol il-problema tal-obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li qed jiġi żviluppat Policy Framework for the Prevention of Non-Communicable Diseases and the Promotion of Wellbeing, qafas komuni ta’ politika li jindirizza l-aspetti li jiffaċiltaw jew ixekklu l-implimentazzjoni effettiva ta’ strateġiji u policies. Fl-istess waqt, permezz ta’ dan il-qafas komuni ta’ politika qed isir tfassil ta’ tliet strateġiji separati li jindirizzaw it-tnaqqis tal-piż żejjed u l-obeżità, jiġifieri l-Healthy Eating and Nutrition Strategy, il-Health-Enhancing Physical Activity Strategy u l-Management of Overweight and Obesity Strategy. Implimentazzjoni b'suċċess ta’ dawn l-inizjattivi tinħtieġ is-sehem tad-diversi oqsma tas-saħħa u ta’ numru ta’ dipartimenti u l-aġenziji pubbliċi, magħruf bħala Health-in-All Policies. Ma nistgħux nimmodifikaw il-ġenetika tagħna iżda nistgħu nibdlu d-drawwiet tagħna ta’ ikel, xorb u eżerċizzju biex nevitaw l-obeżità u l-effetti ħżiena fuq is-saħħa.

Kuntratt għal Ambulanzi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq xiex huwa bbażat il-kuntratt tal-ambulanzi l-ġodda? Kif ingħata dan il-kuntratt u liema kriterji ġew addottati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li dan il-kuntratt intrebaħ wara proċess kompettiv u dawn l-ambulanzi ġew disinjati speċifikament għall-ħtiġijiet tas-servizz tas-Saħħa Malti.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — Servizz ta' podjatrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ser jitneħħa s-servizz ta' podjatrija mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Jista’ jgħid x'ser jiġri mis-servizzi mogħtija u l-istaff konċernat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-podjatri li kienu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġew trasferiti għall-Primary HealthCare bil-għan li tiġi mmassimizzata l-effiċjenza u l-effettività ta’ dan is-servizz għall-benefiċċju tal-pazjenti. Għaldaqstant, filwaqt li s-servizz tal-podjatrija fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mhux ser jieqaf, dan ser jibqa’ jingħata skont il-ħtieġa. Ninsab infurmat li:  Ftit tal-ġimgħat ilu beda jingħata miċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid ta’ Victoria.  Ser jiżdied għal jumejn fil-ġimgħa fil-Klinika tal-Komunita’ tal-Għarb.  Ser jibda jingħata b’mod regolari minn Dar Padova.  Ser jibda jingħata mill-Klinika tal-Komunità tal-Qala fil-ġimgħat li ġejjin.

Residenza San Vinċenz De Paul — Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-management ta’ San Vinċenz de Paul mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista jgħid x’kien dan it-tibdil u min huma l-persuni l-ġodda li qed jokkupaw dawn l-irwoli u jekk inħarġux sejħa għall-applikazzjonijiet għal dawn l-irwoli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ma kienx hemm tibdil fil-management ta’ San Vinċenz de Paul.

Dar l-Annunzjata –Carers li jakkumpanjaw anzjani meta jkollhom imorru l-isptar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex f’Dar l-Annunzjata mhux qed jintbagħat carer mal-anzjani li jkollhom appuntamenti l-isptar jew ikunu jeħtieġu jmorru l-Isptar Mater Dei b’emerġenza? Jista’ jgħid ukoll x’jiġri meta l-qraba ma jkunux jistgħu jattendu għal kull appuntament jew emerġenza li jkollhom l-anzjani u wkoll meta l-anzjani ma jkollhom ebda qraba?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani — Bord tal-Gvernaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani ġiex imwaqqaf? Jekk iva, jista’ jgħid min huma l-membri ta’ dan il-Bord? Jista’ jgħid ukoll min qed jokkupa l-irwol ta’ Segretarju tal-Bord?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat, li il- Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani ġie mwaqqaf nhar it-18 ta Jannar 2024. Il-Membri huma: Chairperson: Dr. Joseph Dimech Viċi Chairperson: Sur Joseph Calleja Membru: Sa Philomena Meli Membru: Sa Svetlana Sammut Membru: Dr. Nadine Stivala Membru: Sur Paul Vella Membru: Dr. Alexander Attard (Kummissarju ghall-Anzjani) Ex-Uffiċju Segretarju: Sur David Scicluna

Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani – Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani appuntax l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-istess Awtorità? Jekk iva, jista’ l-Ministru jagħti dettalji ta’ dan l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni; jekk kienx hemm sejħa għal applikazzjonijiet għal dan l-irwol, u kemm applikaw għal din l-istess kariga? Jekk le, jista’ jgħid meta ser ikun qed jiġi appuntat u meta ser tkun qed tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal din il-kariga?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat, li il-Bord tal-Governaturi tal-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani fl-24 ta’ Jannar 2024 ħatret lis-Sur George Fenech bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni, li kien jokkupa l'istess pożizzjoni qabel ma’ l-Awtorità nfirdet minn mal-Awtorità tal-Standards tal-Ħarsien Soċjali.

L-Isptar Mater Dei –Dipartiment tal-Emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15113 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi xift b'xift (jew partijiet minnhom) minn 00:00AM tal-15 ta' Jannar, 2024 sa 00:00AM tas-16 ta' Jannar, 2024, ta’ kemm persuni ngħataw servizz fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, u kemm kien l-istaff f'kull grade u trade li kien assenjat fl-istess dipartiment fil-ħin imsemmi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Għawdex — Ċentru tas-Saħħa - Chief Nursing Manager

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħiet għal applikazzjoni għal Chief Nursing Manager li preżentement hemm ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa f’Għawdex? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-appuntament ta' Chief Nursing Manager fiċ-Ċentri tas-Saħħa f'Għawdex kien bi proċess ta' Deployment skont l-esiġenzi tas-Servizz.

Anzjani li ġew interdettjati mill-familjari tagħhom minħabba mard mentali

Question

Jista' dl-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 11047 u 11767, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva u lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza rispettivament u jgħid kemm hawn anzjani li ġew interdettjati mill-familjari tagħhom minħabba mard mentali jew mard ieħor, sena b’sena, mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Silver-T Service

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jopera s-servizz tas-Silver-T? Min u kif wieħed jista' jagħmel użu minn dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tas-Silver T huwa servizz ta’ trasport għall-persuni ‘l fuq minn sittin (60) sena, li għandhom bżonn assistenza biex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom ta’ kuljum. Dan is-servizz jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7:00 ta’ filgħodu sas-2:00 ta’ wara nofsinhar u huwa bla ħlas. Għal dan is-servizz Malta ġiet maqsuma fi ħdax-il reġjun u Għawdex reġjun għalih. Wieħed jista’ juża s-servizz, minn lokal għall-ieħor fl-istess reġjun, biex imur postijiet bħall-klinika, l-bank, il-kunsill lokali, supermarkets u postijiet oħra. Persuni anzjani li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz iridu jibbukjaw minn tlett ijiem qabel mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7:00 ta’ filgħodu u s-2:00 ta’ wara nofsinhar fuq in-numru tat-telefown 22788900.