Legislature:
Category:
Reset
Active:

Konsulenza — benefiċċji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23972, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatat konsulenza għall-valur ta' ċifra ta' flus li tammonta għal €177,625.89? X'benefiċċju ħareġ minn din il-konsulenza in kwistjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din il-konsulenza kienet waħda ta’ superviżjoni teknika fuq ix-xogħlijiet kollha li seħħew fl-Impjant għat-Tisfija tad-Drenaġġ fin-Nofsinhar ta’ Malta, limiti tax-Xgħajra. Din il-konsulenza approvat id-disinji kollha li għamel il-kuntrattur, kif ukoll, il-materjal u l-apparat kollu li nxtara u ġie nstallat fl-istess impjant. Il-konsulent kien ukoll responsabbli li jikkumenta fuq l-installazzjonijiet u x-xogħolijiet kollha u ppropona rimedji dettaljati ta kif għandu jsir titjib fil-kwalità tal-prodott finali, rimedji li ġew rikjesti li jsiru mill-kuntrattur li kien qed jattwa ix-xogħolijiet imsemmija.

Konsulenza — benefiċċji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23972, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatat konsulenza għall-valur ta' ċifra ta' flus li tammonta għal €108,598.95? X'benefiċċju ħareġ minn din il-konsulenza in kwistjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament ingħatat kuntratt biex jipprovdu servizz ta’ konsulenza teknika u legali lil Enemalta b’konnessjoni ma’ kuntratti tal-provistà tal-gass. Enemalta għamlet użu minn dawn is-servizzi fin-negozji tagħha mas-suppliers li rrispondew għal RFP li ħarġet minn Enemalta.

konsulenza — benefiċċji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23972, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatat konsulenza għall-valur ta' ċifra ta' flus li tammonta għal €300,000.00? X'benefiċċju ħareġ minn din il-konsulenza in kwistjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament ġiet mogħtija kuntratt biex jipprovdu servizz ta’ konsulenza lill-Enemalta għal formazzjoni tal-kumpanija biex topera l-interconnector għal Sqallija. Enemalta għamlet użu mill-konsulenza li ngħatat waqt in-negozju ma’ Terna.

Konsulenza — benefiċċji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentar 23972, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatat konsulenza għall-valur ta' ċifra ta' flus li tammonta għal €140,420.00? X'benefiċċju ħareġ minn din il-konsulenza in kwistjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ikkwotat jikkonsisti f’żewġ fatturi: waħda ta’ €36,580 u oħra ta’ €103,840. Il-fattura ta’ €36,580 tirrelata mar-riviżjoni tat-tariffi ta’ l-elettriku b’effett mill-1 t’April 2009. Dan kien jinkludi kompilazzjoni ta’ l-ispejjeż kollha, evalwazzjoni ta’ mudelli finanzjarji u ħruġ ta’ rapporti. Il-fattura ta’ €103,840 tirrigwardja proposta ta’ studju ta’ kif proposti mir-Regolatur jolqtu l-operat u l-finanzjar tal-Korporazzjoni Enemalta. Dan l-istudju analizza wkoll il-mekkaniżmu tal-‘ROCE’ li jirrifletti n-natura ta’ l-ispejjeż tal-Korporazzjoni fit-tariffi tagħha.

Konsulenza — benefiċċji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23972, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatat konsulenza għall-valur ta' ċifra ta' flus li tammonta għal €136,154.61? X'benefiċċju ħareġ minn din il-konsulenza in kwistjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din hija ażjenda internazzjonali ta’ avukati li tispeċjalizza fis-servizzi finanzjarji. L-ażjenda ilha tassisti l-MFSA fil-kamp tal-iżvilupp tal-leġislazzjoni skont standards internazzjonali, fil-kamp tal-awtorizzazzjoni tal-operaturi fis-settur u fil-kamp tat-taħriġ tar-regolaturi.

Air Malta — piloti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm piloti jaħdmu mal-Air Malta? Hemm xi pjan li dawn jonqsu? Jekk iva, fuq liema kriterju?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Airmalta għandha 146 piloti jaħdmu magħha. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant il-kumpanija għaddejja minn pjan ta’ ristrutturar u għaldaqstant mhuwiex il-waqt li tingħata informazzjoni ta’ dan it-tip.

Persuni li għalqu l-età tal-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li minkejja li għalqu l-età pensjonabbli baqgħu jaħdmu: a) part-time ; u b) full-time? Kemm minnhom huma: a) nisa; b) irgiel? Kemm iħallsu f'kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali dawn l-persuni? Jekk dawn ma jħallsux kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali, kemm iħallsu taxxa tad-dħul komplessivament? B'liema rata?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mis-sigurtà soċjali.

Air Malta — Sqallija - fueling

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jinnega rapporti li dan l-aħħar ajruplani ta' Air Malta marru għall-fueling ġo Sqallija? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm ajruplani li marru jagħmlu refuelling ġewwa Sqallija.

Ħlas ta' kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-perjodu meta huwa kien bis-sick sabiex ikun jista' jingħata r-refund mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni skont l-informazzjoni li l-individwu ġabar mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dipartiment tat-Taxxi Interni diġà talab informazzjoni lill-individwu msemmi, u din l-informazzjoni għadha ma ġietx ipprovduta b’mod sħiħ lill-istess dipartiment. Mingħajr din l-informazzjoni ma jistax jiġi kkalkulat l-ammont tar-refund. L-individwu għandu jġib l-informazzjoni rikjesta mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali.

Dipartiment tal-Artijiet — store għal bar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 25613, jista' l-Ministru jgħid kif id-Dipartiment tal-Artijiet aċċetta u awtorizza tibdil fl-użu minn store għal bar, meta l-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jgħid: “Change of use from a store to a premises for the promotion and permanent display of artesan artefacts with secondary ancillary dispensing facility”? Jista’ l-Ministru jipprovdi l-ftehim imsemmi fil-mistoqsija parlamentari 25613?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi wara li l-inkwelin ta’ dan il–fond ottjena il-permess mill-MEPA, l-Awtorità tat-Turiżmu ħarġet il-permess meħtieġ lill-inkwelin biex juża il-fond bħala second class restaurant u ħarġitlu l-liċenzja. Peress li l-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kirja, tippermetti li l-użu tal-fond jista’ jinbidel, dan id-dipartiment ikkonċeda l-fond jintuża għall-skopijiet kummerċjali minħabba li ngħataw il-permess mill-Awtorità kemm, mill-MEPA u mill-Awtoritajiet tat-Turiżmu. Kopja tal-liċenzja u tal-ftehim tal-kirja qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

meter tal-elettriku meqjus bħala residenzjali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25885, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kriterji tuża l-Arms Ltd biex taċċerta li dawk li jiddikjaraw li huma residenti f'post partikolari fil-fatt ikunu residenti f'dak il-post partikolari?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-sid tal-kont huwa responsabbli sabiex jiddikjara liema jkunu dawk il-persuni residenti fl-istess fond. Persuna hija eliġibli għal sussidju fuq fond wieħed biss, u ARMS Ltd. tinvalida l-informazzjoni dikjarata elettronikament. Hija deċiżjoni tal-persuna nnifisha sabiex tiddeċiedi fuq liema fond għandha tirċievi dan is-sussidju.

Ħal Qormi — Qormi FC - art

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar art li hija f'idejn il-Qormi FC u li dwarha hemm allegazzjoni li tista' tkun proprjetà ta' persuni privati? Jista' jagħti spjega tas-sitwazzjoni? Jista' jgħid jekk huwa l-każ, kif inhuwa allegat, x'passi qed jittieħdu mill-gvern biex l-art ma titteħedtx lill-Qormi FC u b'hekk ma jitlifx faċilità importanti għall-promozzjoni tal-football permezz tal-5-a-side ground li hemm fi Triq Valletta, partikolarament biex ma jintilfux l-isforzi kbar u sagrifiċċji li tant voluntiera qed jagħmlu fi ħdan il-Qormi FC biex irawwmu imħabba lejn dan l-isport f'Ħal Qormi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skont id-dettalji li għandu d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, parti mill- 5-a-side ground li hemm fi Triq Valletta, Qormi, nbena fuq art li hija proprjetà tal-Gvern u fuq parti oħra li tinsab fuq proprjetà privata. Din l-informazzjoni kienet ingħatat lill-Perit imqabbad mill-Klabb tal-Football ta’ Qormi FC fis-7 ta’ Lulju 2010. Qormi FC talbu li jkollhom titlu fuq dan il-ground u fis-17 ta’ Settembru 2010, ġew infurmati li l-parti privata trid tiġi l-ewwel akkwistata mill-Gvern u għalhekk għandha issir talba mid-Dipartiment ikkonċernat sabiex iseħħ dan l-akkwist. Sallum jidher li din it-talba għadha ma saritx lid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern.

Privatizzazzjoni tal-MOBC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizazzjoni tal-MOBC? Jista’ jikkonferma li ebda impjieg m'hu se jintilef f’dan il-proċess, jiġifieri ebda impjegat, u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tiegħu preżenti mal-MOBC mhux se jiċċaqlaq jew jintilef ma' din il-privatizazzjoni, bħalma seħħ f’diversi entitajiet li ġew privatizzati? Fir-rigward tal-privatizazzjoni msemmija, il-ħaddiema jew ir-rappreżentant tal-ħaddiema, qed jiġu infurmati dwar il-proċess skont l-istess Council Directive 2001/23/EC li tittratta dwar safeguarding employees’ rights in the event of transfers of undertaking?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-negozjati dwar il-proċess tal-Privatizzazzjoni tal-operat tal-Petroleum tal-Enemalta u l-attivitajiet kummerċjali tal-MOBC għadhom għaddejjin. Il-proċess ta’ privatizzazzjoni jinkludi wkoll it-trasferiment tal-ħaddiema mal-kumpanija li magħha qed isiru n-negozjati.

Revenue tal-MOBC — stop order

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed titlef f’revenue l-MOBC minn kirjiet relatati mal-istorage ta’ żjut sa minn meta ħarġet li stop order jiġifieri sa mill-aħħar ġimgħa ta’ April 2011? Jista’ jgħid liema huma l-kumpaniji li għandhom il-ħażna taż-żejt tagħhom fi ħdan il-faċilitajiet tal-MOBC tul iż-żmien imsemmi? Jista' jgħid kemm qed titlef l-MOBC minn mindu ħarġet l-stop order tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuqha, fir-rigward ta’ supply lis-suq lokali? Jista’ jgħid min illum qed joffri l-istess servizz imsemmi fir-rigward ta’ supply lis-suq lokali flok l-MOBC?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mhux prudenti tingħata l-informazzjoni mitluba minħabba li din hija ta’ natura kummerċjali.

estensjoni l-ġdida tal-power station f'Delimara — kuntratt tal-manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġi ffirmat il-kuntratt tal-manutenzjoni mal-BWSC għall-estensjoni l-ġdida tal-power station f'Delimara? Jista' jgħid fejn waslu n-negozjati? X'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-kuntratt għadu ma ġiex iffinalizzat u ffirmat, sentejn wara li l-BWSC ntagħżlet biex tingħata l-kuntratt? Jista' jgħid jekk il-BWSC fin-negozjati hix tinsisti li l-prezz tal-kuntratt ikun iżjed minn €18 miljun li semmiet fl-offerta li għamlet u li biha rebħet il-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf llill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet bejn Enemalta u l-BWSC fuq il-manutenzjoni tal-kuntratt għadhom għaddejjin u mhux prudenti li jinħarġu dettalji f’dan l-istadju.

estensjoni tal-power station f'Delimara — makni u apparat ittestjat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-makni, l-apparat u x-xogħlijiet kollha li għalihom il-BWSC s'issa tħallset €150 miljun għall-estensjoni tal-power station f'Delimara ġewx ittestjati kollha? Liema ġew ittestjati u ċertifikati u liema ma ġewx? Minn min qed isir l-ittestjar u l-verifikar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-magni u l-apparat jiġu kollha ttestjati qabel ma jitwasslu fuq il-post li hu parti mill-proċeduri tal-‘Factory Acceptance Test’. Ix-xogħol kollu li jsir fuq il-post jiġi ċċertifikat mill-enġiniera tal-Enemalta fuq il-post qabel ma jsir il-ħlas.

Tax payers — Dħul mill-impjieg

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' tax payers li twieldu wara l-1 ta' Jannar 1962 u li fis-sena 2009 kellhom dħul mill-impjieg ta' aktar minn €17,000? Jista' jikkategorizza n-numru ta' tax payers skont id-dħul tagħhom kif inhu indikat: 1. minn dħul ta' €17001 sa €20,000; 2. minn dħul ta' €20,001 sa €25,000; 3. minn dħul ta' €25,001 sa €30,000; u 4. dħul ta' aktar minn €30,001?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' tax payers li twieldu wara l-1 ta' Jannar 1962 u li fis-sena 2009 kellhom dħul mill-impjieg ta' aktar minn €17,000, kategorizzat kif mitlub fil-mistoqsija parlamentari, kien kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħlas u self lill-Greċja

Question

Issa li qed joqrob iż-żmien għal ħlas jew self tat-tieni tranche ta' self tal-Greċja, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-opinjoni tal-gvern dwar il-qagħda fil-Greċja illum wara li kien hemm l-ewwel fażi ta' bail out fil-bidu ta' din is-sena? Jista' jgħid jekk il-gvern għamilx xi studju huwa stess dwar il-qagħda Griega? Jekk iva, jista' dan l-istudju jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qiegħed isir studju dwar il-qagħda tal-Greċja mill-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, bil-għajnuna tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dan l-istudju għandu jgħaddi wkoll għand il-Gvern Malti.

Raħal Ġdid — Triq Valletta - ħsejjes u storbju - Dipartiment tad-Drenaġġ

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Valletta f'Raħal Ġdid, għadhom qed jilmentaw mill-fatt li f'ċertu ġranet u f'ċertu ħin, jinstemgħu ħsejjes kbar u l-bini jitheżżeż, u peress li huma informati li dan isseħħ meta id-Dipartiment tad-Drenaġġ jiftaħ bil-qawwi xi pompi, jista' l-Ministru jara kif jista' dan l-inkonvenjent jiġi eliminat jew tal-inqas, jitnaqqas drastikament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel xogħolijiet ta’ upgrade fil-Marsa Pumping Station (tad-drenaġġ) biex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat.

Kummissjoni Ewropea — infringement procedures

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'pożizzjoni ħa mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-infringement procedures relatat mal-każ tal-pensjoni tas-servizz kontributorja tal-eks servicemen li kienu mal-Kuruna Ingliża? X'risposta ta l-gvern fl-aħħar ta' Jannar 2011? Jista' jagħti d-dettalji kollha dwar dawn l-infringement procedures?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26254.