Legislature:
Category:
Reset
Active:

Flus minn studenti li jiġu jitgħallmu l-lingwa ingliża

Question

Tista' l-Ministru tagħti statistika ta' kemm iħallu flus fil-pajjiż dawk l-istudenti li jiġu biex jitgħallmu l-lingwa Ingliża f'Malta? Tista' tgħid kemm huwa stmat li hemm ħaddiema f'dan is-settur? Xi pjanijiet għandu l-Gvern għal dan is-settur?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, skont l-aħħar statistika miġbura mil-Bord ta’ Sorveljanza tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija u li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika nhar il-15 ta’ Ġunju, 2009, fis-sena 2008 kien hemm total ta’ 1,340 ħaddiema jaħdmu f’dan is-settur. Fir-rigward ta’ din l-istatistika, dawn il-ħaddiema huma għalliema. Minn dawn l-għalliema, 115 jaħdmu full-time waqt li 1,225 jaħdmu part-time . Rigward ħaddiema oħra li hemm f’dan is-settur nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Rigward xi pjanijiet għandu l-Gvern għal dan is-settur nibda biex ngħid li nbeda proċess sabiex jiġi rivedut l-Avviż Legali Nr. 60/96 li jirregola lil dan is-settur bil-għan li l-Avviż Legali l-ġdid ikun jirriffletti aktar il-ħtiġijiet tal-lum. Huwa ukoll il-ħsieb tal-Gvern li, permezz ta’ strutturi professjonali u adegwati, jassigura li l-livell f’kull programm ta’ tagħlim offrut mill-iskejjel li jgħallmu l-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija jkun tal-ogħla kwalità u standard . Għal dan il-għan il-Gvern għadu kif alloka lill-Bord ta’ Sorveljanza tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija s-somma ta’ €100,000 fil-baġit għal 2010.

Għajnuna lill-iskejjel tal-lingwi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern jagħtix għajnuna lil dawk li jkunu jridu jwaqqfu skola tal-lingwi u li jkunu lesti jgħallmu lill-barranin li jiġu Malta biex jistudjaw il-lingwi? Tista' tispjega x'tip t'għajnuna jingħataw jekk din tingħata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma tingħata ebda għajnuna lil dawk li jkunu jridu jwaqqfu skola tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija u li jkunu lesti jgħallmu lill-barranin li jiġu Malta biex jistudjaw il-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija.

Xogħlijiet fuq post fil-Birgu

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol biex jitbiddel saqaf ta' post tal-gvern fil-Birgu, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, li jinsab ikkundanat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultax li saret talba mill-inkwilini tal-post imsemmi biex isiru t-tiswijiet meħtieġa. F’każijiet bħal dawn, l-inkwilini għandhom minnufih japplikaw taħt Skema Structural Maintenance for Government Owned Property sabiex l-Awtorità tad-Djar tkun tista’ tipproċessa t-talba u eventwalment tipproċedi bix-xogħol jew tagħti l-għajnuna meħtieġa lill-inkwilini sabiex jitneħħa l-periklu u jsiru t-tiswijiet strutturali.

żieda fil-bini ta' skejjel mill-awtoritajiet tal-Knisja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se jiswa lill-Gvern iż-żieda li se jkun hemm fil-bini ta' skejjel mill-awtoritajiet tal-Knisja u allura f'għalliema u studenti fit-tliet snin li ġejjin? Qed tara x'implikazzjonijiet, pożittivi u negattivi, li dan l-iżvilupp jista' jkollu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pjani tal-bini tal-iskejjel tal-Knisja u l-istima preċiża ta’ bini ikkalkolati skont id-disinn tal-bini qegħdin fil-proċess li jkunu finalizzati. Meta joħorġu l-permessi kollha u jkun hemm data aktar preċiża meta l-bini se jkun finalizzat, wieħed ikun jista’ jagħmel kalkoli preċiżi. Dan l-iżvilupp qed ikun meqjus bħala pass pożittiv fis-sistema edukattiva biex jinħoloq level playing field għall-istudenti kollha, sabiex ikun hemm tranżizzjoni bla skossi mill-primarja għas-sekondarja.

Talba biex jitmexxa każ quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se jdum l-Uffiċċju tal-Arbitru ma jibgħat għall-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex jisma' l-appell tagħha? Taħseb il-Ministru li d-dewmien f'dawn il-każijiet hu ta' dannu kbir għall-familja u għat-tifel involut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-appell tal-persuna indikata huwa wieħed minn dawk li ser jinstemgħu lejn l-aħħar ta’ Marzu 2010. L-Uffiċċju tal-Arbitru qed jagħmel dak kollu possibli biex il-każijiet kollha jinstemgħu fl-inqas żmien possibli. Infatti bħalissa hemm tliet Arbitri li qed jisimgħu l-każijiet tal-appell.

Programm Edukattiv Individwali — Konsultazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Programm Edukattiv Individwali, jekk tfassal, għat-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tfassalx b’konsultazzjoni mal-ġenitur, għalliem, LSA u professjonisti /NGO kif rakkmandat mill-Istatementing Moderating Panel fid-29 ta’ Ottubru 2009? Tista’ tgħid ma’ min, minn dawn, saret il-konsultazzjoni u meta saret?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif ġie spjegat f’Mistoqsija Parlamentari Numru 15098, il-Programm Edukattiv Individwali ma setgħax isir s’issa. Madankollu, ġie żviluppat “ Behaviour Modification Programme ” biex tiġi modifikata l-imġieba tat-tifel billli kien ta’ periklu għalih innifsu u għal xi studenti oħra fl-iskola. Kien hemm diversi laqgħat bejn l-għalliema, l-Learning Support Assistant u professjonisti biex tiġi ppreparata timetable , bażi Programm Edukattiv Individwali apposta għal dan l-istudent. L-edukaturi qed joħorġu bi proposti dwar x’għandu jsir għall-ġid ta’ dan l-istudent. Involuti hemm ukoll l-istudent stess u ommu biex niskopru l-aħjar mod kif għandna naħdmu miegħu. Laqgħat/konsultazzjonijiet differenti saru nhar it-13/11, 16/11, 20/11, 26/11, 3/12, 8/1, 15/1, 27/1, 28/1, 29/1, u 4/2. Hemm ippjanat Case Conference oħra fil-ġranet li ġejjin. L-iskola tittama li l-ġenitur tikkopera aktar u tieħu lit-tifel għas-sessjonijiet li jkollu bżonn.

Programm Edukattiv Individwali — żvilupp

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’liema stadju ta’ żvilupp u twettiq wasal il-Programm Edukattiv Individwali tat-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jekk tfassal wieħed għalih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif ġie spjegat f’Mistoqsija Parlamentari Numru 15098, il-Programm Edukattiv Individwali ma setgħax isir s’issa. Madankollu, ġie żviluppat “Behaviour Modification Programme”. Dan il-programm tfassal apposta għall-istudent imma madanakollu billi l-imġieba hija imprevedibbli, filli jkun fil-klassi u filli jkun irid imur f’kamra tiegħu speċi ta’ withdrawal room, fejn saru ħafna provisti għalih, dan il-programm jieqaf diversi drabi. L-imġieba tal-istudent ħafna drabi tkun dik ta’ rabbja u aggressivita’ jekk xi ħadd jopponih, madanakollu l-eżamijiet ta’ nofs is-sena għamilhom ukoll u mar mhux ħażin. Hu għadda minn kollox barra mill-Istudji Soċjali. Dan juri li bi ftit aktar rieda tajba u sforz jasal biex jgħaddi mill-eżami tal-Junior Lyceum li jrid jersaq għalih fi żmien xahrejn oħra. Hemm diffikultà li l-ġenitur mhux dejjem qed issegwi l-pariri tal-professjonisti. It-tifel għandu bżonn is-servizz taċ-Child Guidance Clinic, imma l-ġenitur s’issa ġieli rrifjutat dan is-servizz.

Tifel b'diffikultajiet — Għajnuna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex f’Diċembru 2009 lill-ġenitur tat-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qalulha biex ma tibagħtux iżjed l-iskola sakemm jerġgħu jinfurmawha li tista’ tibagħtu u t-tifel tħalla mingħajr l-għajnuna meħtieġa b’dannu għall-izvilupp tiegħu? Peress li t-tifel għandu diffikultajiet emozzjonali u ta’ mġieba, ingħata l-għajnuna kollha meħtieġa biex ikun jista’ jigi edukat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-professjonisti li qed jaħdmu fuq dan il-każ taw parir lill-ġenitur sabiex iżomm it-tifel għal xi żmien id-dar għax kellu bżonn cooling off period billi kien għaddej minn mumenti ta’ mġieba distruttiva, u kellu bżonn jattendi xi sezzjonijiet ta’ psikoterapija ma’ ommu. Madanakollu ma tantx attenda jew ikkopera f’dawn is-sezzjonijiet u għall-aħħar 3 appuntamenti l-omm ma ħaditx it-tfiel. Billi l-Kap tal-Iskola taf li dan it-tifel għandu diffikultajiet emozzjonali u ta’ mġieba serji, dan xorta waħda reġa’ ngħata ċ-ċans biex jibda jattendi l-iskola. It-tifel għandu bżonn is-servizz taċ-Child Guidance Clinic però l-omm ma tridx tieħdu. Il-professjonisti qed jippruvaw jaħdmu ma’ l-omm biex taċċetta l-għajnuna taċ-Child Guidance Clinic.

Kunsill Malti għall-Isport — investiment fil-faċilitajiet tal-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li applikaw biex isir ftehim mal-Kunsill Malti għall-Isport biex isir investiment fil-faċilitajiet tal-iskejjel filwaqt li jagħmlu użu minnhom wara l-ħin tal-iskola? Meta hu mistenni li jsir dan il-ftehim?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport m’għandu l-ebda applikazzjoni pendenti f’dan ir-rigward.

Kunsill Malti għall-Isport — għajnuna lill-kunsilli lokali

Question

Tista' l-Ministru tgħid b'liema mod qed jgħin il-Gvern permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport lill-kunsilli lokali ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport flimkien mad-Dipartiment għall-Kunsilli Lokali qed jgħin lill-Kunsilli Lokali permezz tal-iskema ‘Inizjattivi Sportivi għall-Kunsilli Lokali’ fejn kull Kunsill jista’ japplika biex jorganizza attivitajiet sportivi fil-lokal tiegħu u jingħata 50% tal-ispejjeż li fl-ebda każ ma jkunu jaqbżu it-€3,000. Għas-sena 2009 applikaw total ta’ 24 Kunsill Lokali li b’kollox bejniethom żammu 84 attivita’ sportiva b’parteċipazzjoni ta’ madwar 4,500 persuna. Bħalissa qed issir l-aġġudikazzjoni tal-applikazzjoni għall-attivitajiet li ser jinżammu fl-2010 u li għalihom applikaw 28 Kunsill Lokali b’87 attivita’ sportiva. Il-Kunsilli Lokali jistgħu wkoll jissieħbu mal-Kunsill Malti għall-Isport sabiex iżidu jew itejbu faċilitajiet sportivi fl-iskejjel biex jintużaw mill-istudenti waqt il-ħin tal-iskola u mill-komunita’ wara l-ħin tal-iskola. Il-Kunsill Lokali Birgu kien l-ewwel u sa issa l-uniku Kunsill li ipparteċipa b’dan il-mod.

kunsilli lokali — investiment fil-politika sportiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn Jannar 2008 sal-lum kemm investa l-Gvern fi flus fil-politika sportiva tiegħu vis-a-vis il-kunsilli lokali ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskema Inizjattivi Sportivi għall-Kunsilli Lokali tnediet f’Jannar 2009. Il-fond għal din l-iskema kien ta’ €120,000 li nofshom ħarġu mill-Gvern. Il-Gvern ikkometta ruħu u għal din is-sena (2010) reġa’ alloka l-istess fond bl-istess ammont.

courses relatati mal-qasam tas-saħħa

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistosija parlamentari 11509, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid jekk hux beħsiebu jiftaħ course ieħor matul is-sena skolastika 2009/2010 għal dawk l-istudenti li xtaqu jattendu courses relatati mal-qasam tas-saħħa u ma ntgħażlux minħabba xi raġuni jew oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fi Frar 2010 infetħu dawn il-korsijiet ta’ Tagħlim Professjonali Tul il-Ħajja (Continuing Professional Development) fil-Midwifery, fin-Nursing u fir-Radiography. MID3227 – Education of Midwifery Mentors MID4501 – Preparation for Parenthood: Educating the Educator NUR3217 – Basic Life Support (Provider) NUR3227 – Mentorship RAD4701 – Administration of Prescribed Medicinals by Radiographers RAD5001 – MRI in Practice RAD5002 – Clinical Application of MRI – CNS Fetaħ ukoll il-kors Post-Graduate Certificate in Radiography (Breast Imaging).

ETC — training and framework

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġiet introdotta l-iskema tat-Training Aid Framework? Kemm kien hemm azjendi li applikaw biex jibbenefikaw minnha? Kemm minnhom diġà ibbenefikaw minnha? Kemm hemm applikazzjonijiet li għadhom pendenti? X’inhi r-raġuni li f’ċerti każijiet hemm min ilu xhur sħaħ li applika u għadu ma ħax tweġiba fiex waslet l-applikazzjoni tiegħu? L-iskema għadha fis-seħħ jew għalqet? X’passi jistgħu jittieħdu biex ikun hemm fast tracking aktar u iżjed effiċjenti min-naħa tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskema tat-Training Aid Framework ġiet introdotta mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ fl-20 ta’ Frar 2009. Sal-lum madwar 333 azjenda ssottomettew madwar 1080 applikazzjoni bejniethom biex jibbenefikaw minn din l-iskema. Minn dawn 163 azjenda differenti ġew mgħarrfa dwar l-andament tal-applikazzjoni tagħhom u anke ffirmaw il-ftehim. Mill-applikazzjonijiet li ġew sottometti għad fadal madwar 145 li għadhom qed jiġu vverifikati kif ukoll 172 li qegħdin quddiem is- Selection Committee . Ir-raġunijiet li f’ċerti każijiet hemm min ilu ammont ta’ ġimgħat li applika u għadu ma ħax tweġiba kien minhabba li 1. il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ irċeviet ħafna applikazzjonijiet 2. Bosta minn dawn kienu b’informazzjoni nieqsa u għalhekk l-applikant f’ċertu okkazjonijiet ntalab jagħti aktar informazzjoni 3. Kien hemm ukoll ħafna azjendi li talbu għall-għajnuna u għalhekk il-persuni responsabbli utilizzaw ħafna mill-ħin tagħhom biex jgħinu lill-azjendi minflok li jipproċessaw l-applikazzjonijiet. Biex tissolva din il-problema, minn Jannar ta’ din is-sena ġew impoġġija aktar riżorsi fuq din l-iskema u wkoll qed titħaddem strateġija biex l-applikazzjonijiet li qed jidħlu jiġu pproċessati fi żmien tlett ġimgħat.

Persuni li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 10847 u 13976 u tgħid, xahar b’xahar minn Jannar 2008 sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, kemm kien hemm persuni residenti f’Malta u Għawdex separatament li kienu qed jirċievu benefiċċji mhux kontributorji bħala: pensjoni/allowance ta’ diżabilità assistenza soċjali, assistenza medika? Tista’ tagħti l-ispiża relattiva għal kull benefiċċju għal Malta u Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li applikaw għall-eżamijiet tal-MATSEC

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il student, subien u bniet separatament, applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-Matsec f’livell avvanzat u f’livell ordinarju din is-sena? Kemm kienu minn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti? Liema huma s-suġġetti li se joqogħdu għalihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

familji li l-Gvern qed jgħin minħabba l-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-familji li l-Gvern jgħid li qed jiġu mgħejjuna minħabba l-kontijiet għolja tad-dawl u l-ilma? Dawn żdiedu mis-sena l-oħra wara li ġew introdotti rati ġodda x-xahar li għadda? Minn liema bliet u rħula huma dawn il-familji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-2009, 26,397 familja rċevew l-Benefiċċju ta’ l-Enerġija mid-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali. Id-Diviżjoni f’dan il-mument mhix f’pożizzjoni illi tindika jekk in-numru ta’ familji fuq din l-għajnuna żdiedux jew le peress li l-ħruġ tal-kontijiet bit-tariffi l-ġodda għadu fil-fażi inizjali tiegħu u għaldaqstant m’hemmx l-informazzjoni kollha meħtieġa.

Junior College Msida — Faċilitajiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jiġri mill-faċilitajiet sportivi li hemm fil-Junior College Msida, peress li issa ilhom is-snin fi stat li ħadd ma jista' jagħmel użu minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-Junior College qed jiġu pprattikati diversi dixxiplini sportivi, fosthom Badminton, Basketball, Football, Table Tennis u Volleyball. Dawn l-attivitajiet jiġu pprattikati f’multi-purpose pitches u f’gymnsium li ġie refurbished is-sena l-oħra. Hemm ukoll faċilitajiet għall-logħob tat-table tennis u outdoor chess. Il-Kulleġġ jieħu sehem f’ħafna kompetizzjonijiet sportivi u sports festivals, b’riżultati tajbin ħafna. Bejn it-tmienja ta’ fil-għodu u l-ħamsa ta’ fil-għaxija l-istudenti jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-faċilitajiet tal- Activezone , li hu Health and Fitness Centre fil- Junior College u li hu attrezzat b’apparat mill-aktar modern. Bħalissa qed isiru preparamenti għal xogħol ta’ fencing f’wieħed mill- multipurpose pitches . Qed isiru wkoll pjanijiet biex il- ground il-kbir tal- football , l-unika faċilità li mhux qed tintuża u li għandu wiċċ tar-ramel, jinbidel fi ground b’wiċċ ta’ ħaxix sintetiku u jiġi mgħammar biex ikun state of the art ground .

Raħal Ġdid — MCAST - faċilitajiet Sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jiġri mill-faċilitajiet sportivi li hemm fl-MCAST ta' Raħal Ġdid peress li issa ilhom fi stat ta' telqa għal ħafna snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul dawn l-aħħar 3 snin biss intefqu madwar €40,000 fil-faċilitajiet sportivi f’Raħal Ġdid. Il-Kulleġġ għandu ppjanti faċilitajiet sportivi akbar fil-Masterplan Project. Għaldaqstant peress li l-faċilitajiet eżisteni jistgħu jiġu allokati f’post ieħor sakemm ikun għaddej l-iżvilupp tal-proġett, kull tip ta’ upgrading huwa bħalissa wieqaf.