Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpanija Loqus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Loqus li huwa involut fiha l-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ħaditx xi kuntratt tal-Lands Registry? Jekk iva, kienx direct order u x'kien l-ammont tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma' sar l-ebda kuntratt bejn il-kumpanija Loqus u r-Reġistru tal-Artijiet.

proċess tal-karti tal-identità il-ġodda

Question

In vista tad-diversi rapporti konfliġġenti li kien hawn minn sezzjoni tal-medja, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal eżattament il-proċess tal-karti tal-identità il-ġodda u meta hu maħsub li jibdew jinħarġu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Qormi — tiswijiet fit-triq li minn Mdina Road twassal għall-industrial area tal-Ħandaq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq prinċipali li minn Triq l-Imdina f'Ħal Qormi twassal għall-industrial area tal-Ħandaq tiġi mogħtija wiċċ tarmak ġdid għax dak li kien hemm fiħ ħafna ħsara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabbiltà tad-dekasteru tiegħi.

San Pawl il-Baħar — bus stops bla ilqugħ

Question

Jista' l-Ministru jara li tissolva l-problema li qegħdin jesperjenzaw it-turisti u r-residenti li joqogħdu fi Triq il-Qawra, Triq l-Iskuna, Triq il-Frejgatina u oħrajn f’dawk l-inħawi f'San Pawl il-Baħar li jużaw it-trasport pubbliku minħabba li ż-żewg stages minn fejn wieħed jista’ jirkeb dan it-tip ta’ trasport jinsabu mingħajr ilqugħ u allura huma esposti għall-elementi tan-natura fis-sajf u fix-xitwa għal kesħa u xita? Jista' jara li jsir dan l-ilqugħ għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament qed isir stħarriġ rigward l-eżiġenzi ta' bus shelters fuq in- network il-ġdid tat-trasport pubbliku. Dan l-istħarriġ jinkludi n-numru ta' karozzi tal-linja li jieqfu fuq kull bus stop, kif ukoll id-domanda għas-servizz f'kull lokalità. Dan qiegħed isir biex fost affarijiet oħra jiġi stabbilit fejn hu neċessarju li jitwaħħlu bus shelters ġodda.

Park and Ride — ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Park and Ride fi Blata l-Bajda se ssir bil-ħlas? Jekk fl-affermattiv, minn meta se jibda dan il-ħlas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Park and Ride tal-Blata l-Bajda se jiġi operat mill-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku. Id-diskussjonijiet f’dan ir-rigward għadhom għaddejjin bejn it-TM u l-operatur.

xogħol tal-lift tal-Barraka ta' Fuq

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li ġie approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar il-permess għall-proġett tal-lift tal-Barraka ta' Fuq , meta mistenni li jibda x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa l-proġett? Huwa possibbli jkollna breakdown tan-nefqa kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol in kwistjoni mistenni jibda wara li jingħata t-tender relattiv u n-nefqa preċiża tkun tista' tingħata wkoll fl-istess żmien.

Ħal Qormi — Triq l-Imrieħel - periklu biex taqsam

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Ministeru tiegħu biex il-periklu li hemm fi Triq l-Imrieħel, Ħal Qormi jispiċċa darba għal dejjem wara li mietu diversi nies minħabba li m'hemmx minn fejn taqsam?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 13780.

Marina tal-Imsida — skall tad-dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19548 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u ċioe: B’referenza għall-iskall li hemm qrib il-Marina l-Imsida, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex is-sidien tad-dgħajjes ikunu jistgħu jibqgħu jtellgħu u jniżżlu d-dgħajjes tagħhom fil-baħar mingħajr xkiel, fl-inħawi quddiem il-Lucky Bar, billi minħabba li hemm ħafna karrijiet fin-nofs u speed boats mitfugħin għall-bejgħ qed jiġu mxekkla milli jagħmlu dan? Dan l-ilment qed jitressaq f’isem għadd ta’ sidien tad-dgħajjes Misidjani.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

Gżira — Triq Gerry Zammit - One way

Question

Billi huwa mifhum li xi żmien ilu kienet qed tingħata kunsiderazzjoni serja li Triq Gerry Zammit, Gżira ssir one way – iżda allegatement din id-deċiżjoni ġiet imwaqqfa minħabba pressjoni mill-ħwienet konċernati, jista’ l-Ministru jara li tingħata kunsiderazzjoni lit-talba ta’ għadd ta’ residenti biex din it-talba antika tiġi riattivata minħabba t-trasport eċċessiv li jgħaddi mit-triq li lanqas hi main road, kif ukoll minħabba l-problemi ta’ ħsejjes u tniġġis li jirriżultaw mis-sitwazzjoni preżenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta lesta tikkunsidra sistema ta’ one way fi Triq Gerry Zammit, Gżira. L-imsemmija triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Gżira u għaldaqstant tkun tista' tikkunsidra l-każ meta u jekk issir talba għal dan mill-kunsill lokali.

San Pawl il-Baħar — tqegħid ta' gradilji fuq il-culverts fil-bypass

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jerġgħu jitqiegħdu f'posthom numru ta' gradilji tal-ħadid li kienu jgħattu l-culvert matul il-bypass ta' San Pawl il-Baħar (f'partijiet biss minnha) li nsterqu, billi dan qed jikkawża problemi għall-bdiewa li jridu jidħlu fl-għelieqi tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-gradilji msemmija fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar qegħdin effettivament jinħadmu sabiex jiġu stallati fuq il-post.

riġenerazzjoni ta’ Forti Sant Iermu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett imħabbar minnu ftit xhur ilu għar-riġenerazzjoni ta’ Forti Sant Iermu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett għar-riġenerazzjoni ta’ Forti Sant Iermu jinsab fi stadju inizjali. S'issa ġie mogħti l-ewwel tender, dak ta’ Cost Beneift Anaylsis.

sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt — proġett imħabbar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett imħabbar mill-Prim Ministru ftit xhur ilu għas-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt partikolarment issa li beda t-twaqqigħ tal-bini eżistenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett ta’ Bieb il-Belt, li jinkludi t-Teatru Rjal u l-bini ta’ Parlament ġdid, jinsab fi stadju inizjali, għalkemm diġà saru bosta xogħlijiet fosthom: Site Wide Enablement Works Is-sit tal-proġett ġie magħluq għall-pubbliku, imħares bl-aqwa mezzi ta’ sigurtà. Xogħol ieħor ta’ loġistika jibqa’ għaddej matul il-perjodu ta’ kostruzzjoni. Temporary Site Accommodation Ġew istallati kabini fuq is-sit biex iservu bħala uffiċini għall-ħaddiema. Mistennija li jibdew jintużaw mill-1 ta’ Novembru 2010. Site Investigations (Freedom Square, Yellow Garage & City Gate) Investigazzjonijiet għadhom għaddejjien fuq is-sit skont l-esiġenzi meħtieġa. Exploratory works – Opera House Ix-xogħol meħtieġ issa tlesta u xi fdalijiet ġew merfuha. Demolition & Excavation of Boreholes Il-ħwienet u l-loġġa ġew imwaqqgħin; il- boreholes għadhom qegħdin jiġu skavati. Restoration of Opera House Ruins Sar tindif fuq il-faċċata ta’ Victory Street u beda r-restawr tal-ġebel; beda x-xogħol ukoll f’Ordinance Street; xi scaffolding qiegħed jiġi armat biex ikun jista’ jkompli l-proċess tar- restawr.

Belt Valletta — Vertical Transportation System - proġett imħabbar

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett imħabbar għal Vertical Transportation System ghall-Belt Valletta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett għal Vertical Connection tal-Barrakka jinsab fi stadju inizjali. Fil-15 t’Ottubru 2010 ġie ippubblikat l-ewwel tender, dak ta’ Design and Build tal-lift u landscaping ta’ Lascaris Ditch, din l-offerta tagħlaq fit-18 ta’ Jannar 2011.

Mosta, Attard u Balzan — studju dwar toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17732 u jgħid liema kien l-aħħar studju li sar biex jara xi stat jinsabu fih it-toroq tal-Mosta, Attard u Balzan? Jista' jgħid jekk ġiex ippubblikat dan l-istudju u kemm hija l-ispiża kkalkulata biex isiru dawn it-toroq li għandhom l-istat tagħhom b'iktar minn 50% ħsara, imkissra jew qatt ma ngħataw wiċċ ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 19277.

Teachers & Parents Fusion ESF Project Tender — ECDL courses and certification

Question

Jista' l-Ministru jagħti din l-informazzjoni dwar it-Teachers & Parents Fusion ESF Project Tender - ECDL Courses & Certification: a) kemm kien il- budget oriġinali għal din it- tender ; b) kemm applikaw ġenituri, teachers u studenti u kemm fil-fatt attendew; ċ) min huma in-nies, u minn liema dipartiment ġejjin, li qed jimmaniġjaw il-proġett għan-nom tal-Ministeru u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni; d) kemm fil-fatt se jiġi jqum il-kuntratt li ġie ffirmat u x'kienu s-savings vis-à-vis l-budget oriġinali; e) jista' jgħid jekk dawn is-savings hux se jiġu utilizzati biex jidħlu applikanti oħra, inkluż teachers, li jistgħu jkunu interessati f'dawn il-courses; f) x'qed iżomm lill-Ministeru li joħroġ call oħra jekk il-flus li ġew ibbagitjati oriġinarjament mhux se jintnefqu kollha għall-ewwel kuntratt aktar u aktar meta dawn il-flus ġejjin minn fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Dwal fl-inħawi taċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta, tikkordina mal-Korporazzjoni Enemalta, jew ma min jista' jkun responsabbli biex id-dawl li hemm fl-inħawi taċ-Ċirkewwa, fejn jidħol il-vapur ta' Għawdex, kemm fuq il-moll innifsu kif ukoll fil-madwar, jinxtegħel kollu u dan fl-interess ta' dawk kollha li jiffrekwentaw u jużaw dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dawl fl-inħawi tal-port taċ-Ċirkewwa se jiġi indirizzat b'mod permanenti bħala parti mil-proġett tat-terminal il-ġdid. Fil-fatt, f'dan ir-rigward, dalwaqt se jiġi ppublikat t-tender għal xogħlijiet tal-elettriku u mekkanika. Fil-frattemp, Transport Malta qed tagħmel arranġamenti temporanji biex jitjieb id-dawl fil-port.

policies dwar speed cameras

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta waslitx għal xi konklużjoni dwar il-policies li għandhom jiġu applikati meta tkun qiegħda ssir konsiderazzjoni dwar twaħħil ta' speed cameras madwar Malta? Kemm kienu u liema kienu t-talbiet għal speed cameras li għalkemm kienu diġà approvati minn Transport Malta jew mill-Awtorità dwar it-Trasport, baqgħu ma twaħħlux?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-policy li tistabilixxi l-proċeduri dwar l-istallazzjoni ta’ speed cameras se tiġi ppublikata bħala dokument għall-aħħar tas-sena 2010. Hemm ħames talbiet oħra għat-twaħħil ta’ speed cameras li se jerġgħu jiġu eżaminati fl-isfond ta’ l-iSpeed Policy il-ġdida li qed tiġi mħejjija minn Transport Malta. Dawn it-talbiet huma għat-twaħħil ta’ speed cameras fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, fi Triq il-Kosta (limiti tan-Naxxar), fi Triq l-Imġarr (Għajnsielem, Għawdex), fi Triq Għajn Tuffieħa (Mġarr, Malta) u fi Triq il-Mosta (Mġarr, Malta).

Breakwater — tiswijiet neċessarji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20195, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-istudji li hemm referenza għalihom fit-tweġiba? Billi l-ħsara li tidher li hemm taħt il-wiċċ il-baħar tista' twassal biex dan il-breakwater jitkisser, b'konsegwenzi kbar fuq l-inħawi nvoluti, jista' l-Ministru jara li t-tiswijiet neċessarji jsiru fl-iqsar żmien possibli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istudji in kwistjoni saru bejn l-2006 u l-2007. Peress li l-Onor. Interpellant qed jgħid li l-"ħsara li tidher li hemm taħt wiċċ il-baħar tista' twassal biex dan il-breakwater jitkisser" nitolbu jgħaddi kwalunkwe informazzjoni li għandu lil Transport Malta sabiex din teħodha in konsiderazzjoni fil-pjanijiet għat-tiswija.

operat ta' marinas

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20228, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi waħda mill-marinas temporanji indikati fit-tweġiba li fil-fatt tħaddmet matul is-sajf li għadda? Fil-każ li ġew operati, liema mill-marinas ġew operati?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19984, li ċioe l-operaturi tal-marina temporanja fil-Kalkara għadhom qed jistennew il-permessi neċessarji mill-MEPA għal pontoons. Madanakollu, numru limitat ta’ yachts ġew akkomodati fuq irmiġġi stern to quay matul is-sajf.