Legislature:
Category:
Reset
Active:

Intrapriżi — innovazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2004 ‘l hawn li kienu qed iwettqu attivita’ ta’: a) innovazzjoni teknoloġika; b) innovazzjoni mhix teknoloġika; ċ) innovazzjoni sew teknoloġika kif ukoll innovazzjoni mhix teknoloġika? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont id-daqs ta’ kemm iħaddmu nies dawn l-intrapriżi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba mhux possibbli li tingħata fuq bażi reġjonali.

Valletta Rehabilitation Project — Kontijiet tad-dawl u l-Ilma ta' appartamenti

Question

Jaf il-Ministru li kien sar arranġament mal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li kien inkarigat mal-Valletta Rehabilitation Project biex l-appartamenti li nbnew fiż-żona magħrufa bħala Old Slave Prison, liema appartamenti jikkonfinaw ma’ dawn l-erba’ toroq; St Christopher Street, Mediterranean Street, Ursola Street, u St Dominic Street ma jħallsux l-ispejjeż tad-dawl konċernanti, il-liftijiet u l-komun tal-appartament in kwestjoni u dan peress li kien sar xi żvilupp ieħor sovrapost l-arja ta’ dawn l-appartamenti li kien irreka inkonvenjent u preġudizzju konsiderevoli? Jista’ jispjega fid-dawl ta’ dan kollu, għaliex ir-residenti tal-appartamenti ta’ 177 St Christopher Street, qed jirċievu l-kontijiet, nonostante dan l-arranġament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Toroq Residenzjali — twaħħil ta' bozoz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema hi d-distanza li mistennija jkun hemm bejn bozza u oħra fit-toroq residenzjali, għal dak li hu dawl pubbliku? Billi spiss jiġri li persuni li jitolbu biex titwaħħal bozza, ikunu huma stess li joġġezzjonaw li dik il-bozza titwaħħal ma' proprjetà tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri jittieħdu biex tali problemi ma jitħallewx jikbru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-prattika li biha timxi l-Korporazzjoni Enemalta u li fuqha tibbaża l-pariri li tagħti lill-Kunsilli Lokali, hi li d-distanza ta’ bejn il-bozoz f’żoni residenzjali tkun bejn wieħed u ieħor 30 metru. Din tista’ tvarja skont in-natura tal-bini minħabba dellijiet u skont in-natura tal-lanterni użat. F’każ ta’ konflitt mar-residenti fejn tkun sejra teħel il-bozza huwa l-Kunsill Lokali li jintervjeni biex isib xi forma ta’ kompromess.

Lands Department — ordnijiet ta' żgumbrament

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħarġu ordnijiet ta' żgumbrament mil-Lands Department matul l-2010 u l-2011 fl-inħawi tal-Mellieħa, Mġarr, Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttur tal-Kuntratti — parir tal-Avukat Ġenerali

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 24333, 25140, 25464 u 25839 dwar struzzjonijiet lid-Direttur tal-Kuntratti biex jieħu l-parir tal-Avukat Ġenerali dwar it-tqegħid ta’ kopja ta’ kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra, jista’ l-Ministru issa jgħid jekk l-Avukat Ġenerali tax il-parir tiegħu lid-Direttur tal-Kuntratti? Jekk fl-affermattiv, x’inhu l-parir li ta? Jekk fin-negattiv, għaliex dan id-dewmien? X’inhi l-problema tal-Ministru biex jagħti tagħrif daqhekk sempliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 25140.

pajpijiet li minnhom jgħaddi human waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta' pajpijiet hawn taħt it-toroq f'Malta u Għawdex li minnhom jgħaddi human waste?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 1340km ta’ mejnijiet ta’ drenaġġ f’Malta u 225km f’Għawdex.

Taxxa tad-Dħul — Skema Reduction of Penalties and Interest

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar każ ta' persuna li bbenefikat mill-iskema Reduction of Penalties and Interest tat-taxxa tad-dħul?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 25198.

kamra taħt il-Monument tal-Ħelsien — servizz tal-provvista tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25049 u jikkonferma jekk hux veru li nqata' s-servizz tal-provvista tal-ilma fil-kamra taħt il-Monument tal-Ħelsien u li tintuża minn voluntier għall-manutenzjoni tal-istess monument? Jekk huwa minnu, jistgħu l-awtoritajiet jirrikonsidraw il-pożizzjoni tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ammonti dovuti fuq dan il-kont għall-użu ta’ l-ilma ilhom diversi snin ma jitħallsu, tant li l-aħħar kont tħallas fil-25 ta’ Ġunju tal-1996. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ħadet diċizjoni biex, kif tagħmel fil-każ ta’ kontijiet oħra li jkollhom bilanċi bħal dawn, taqta’ s-servizz ta’ provvista tal-ilma sakemm dan jitħallas.

azzjoni fuq kwestjoni partikolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-awtoritajiet konċernati għadhom ma ħadux azzjoni fuq l-ittra li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ilment li kien hemm fl-ittra li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament qed jiġu nvestigati u jekk jinstab li kien hemm xi irregolaritajiet, jittieħdu l-passi kollha neċessarji skont il-liġi.

Marsa — problema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25854 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il ilment tressaq lid-dipartiment li jitratta problemi ta' drenaġġ, fir-rigward tal-problema tad-drenaġġ li jiżbroffa minn Triq Diċembru 13, jinżel fil-playing field li jinsab taħt il-Monument tar-Repubblika, l-Marsa u jibqa' sejjer fi Triq is-Sajjieda, b'inkonvenjent u b'detriment għal saħħet itfal u r-residenti tal-inħawi msemmija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-drenaġġ jiżbroffa fi Triq Diċembru 13, il-Marsa, kull darba li tagħmel xita qawwija. Dan jiġri peress li l-volum tal-ilma fis-sistema tad-drenaġġ jiżdied minħabba li hemm użu irregolari minn sistemi esterni fejn l-ilma tax-xita jispiċċa fis-sistema tad-drenaġġ. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha pjan li bih ser tkabbar is-sistema tad-drenaġġ f’dawn l-inħawi biex issolvi din il-problema.

Marsa — Triq is-Sajjieda - problema ta' rwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25853 li saret lill-Ministru għar-Rizorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il ilment tressaq lid-dipartiment li jitratta problemi ta' drenaġġ, fir-rigward tal-problema ta' rwejjaħ li joħorġu mill-culvert fi Triq is-Sajjieda, l-Marsa u xi żviluppi seħħew? Jista' jagħti garanzija lir-residenti li din il-problema ġiet solvuta? Jekk le, għaliex?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26037.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Valuri tat-tenders

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-valur tat-tenders kollha li ngħataw matul is-sena 2010 u 2011 ta' servizzi klerikali li ħareġ il-gvern? Jista' f'kull każ jgħid liema kienet il-kumpanija li rebħet it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Valur tal-esportazzjoni — merċa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26047 u jgħid kemm kien il-valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u minn Malta separatament ta’ affarijiet ta’ merċa (goods) xahar b'xahar mill-ewwel ta’ Jannar 2011 sal-lum maqsumin skont l-areas ġeografiċi ewlenin u skont il-prodotti esportati?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26047.

Kumpanija Go — ħlas ta' calls

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kumpanija Go li l-gvern għandu sehem minnha, tara l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li qed tintalab tħallas calls li m'għamlitx?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14305.

Avukati impjegati mal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati impjegati mal-gvern ċioe dawk li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u entitajiet governattivi, kemm jekk b'kuntratt, kemm jekk fuq bażi indefinita, kif ukoll bħala konsulenti, li jitħallew jeżerċitaw il-professjoni tagħhom privatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — spejjeż legali

Question

Jista' l-Ministru jispjega kemm intnefqu flus fi spejjeż legali mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jista' jgħid għas-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011, sena b’sena kemm intnefqu flus fi spejjeż legali? Jista’ jindika min huma l-avukati li lilhom qed jiġi farmed out ix-xogħol legali fis-snin indikati? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus lil dawn l-avukati wieħed b’wieħed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni dwar spejjeż legali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informazzjoni dwar l-avukati ma tistax tingħata għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità skont l-Atti dwar it-Taxxa.

Assi tal-Gvern Libjan f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-assi li għandu l-Gvern Libjan hawn Malta? Jista' jgħid kif intlaqtu dawn l-assi bis-sanzjonijiet imposti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi Malta qed tosserva d-deċiżjonijiet u s-sanzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

MFSA — LA Vallette Sicav Plc Multi Manager Property Fund

Question

Peress illi, in konnessjoni mal-investigazzjonijiet tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta fir-rigward tar-rappreżentazzjonijiet ta’ ħafna investituri fil-La Vallette Sicav Plc Multi Manager Property Fund, iċ-Chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ġie rappurtat darbtejn fit-Times of Malta u fil-Business Times tal-10 ta’ Frar 2011 u tas-7 ta' April 2011 li rapporti u investigazzjoni fuq dan il fond huma lesti, u peress li l-ħarsien tal-investimenti huwa ta’ interess pubbliku u nazzjonali u huwa l-missjoni prinċipali għat-twaqqif tal-istess Awtorità, jista’ l-Ministru jitlob lill-Awtorità kopja jew kopji tar-rapport jew rapporti dwar din l-investigazzjoni u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Dan huwa fl-interess tal- investituri, fl-interess tas-settur u huwa obbligu tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta u għalhekk il-pubblikazzjoni tal-istess rapport huwa obbligatorju u għalhekk il-Ministru għandu r-responsabilità li jassigura li tali rapport jkun mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra jew jagħti data definita meta se jkun ippubblikat?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 25694.

Ħal Luqa — Industrial Estate - Tneħħija ta' hut u arblu

Question

Jista' l-Ministru jara x'qed iżomm milli jitneħħew in-Nestle hut u arblu li qegħdin fl-Industrial Estate ta' Ħal Luqa, preċiżament quddiem Motor Test Services Ltd, meta dawn suppost li ilhom li tneħħew is-snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-Nissen (Nestle) hut imsemmija fil-mistoqsija, hija preżumibbilment hut 104. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm diversi nissen huts fiż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa li jridu jitwaqqgħu. Dan it-twaqqiegħ jiddependi minn diversi fatturi bħal sid li jkun għadu ma beniex l-art li tkun allokata lilu jew lilha u allura jkun għadu jokkupa il- hut li kellu qabel. Oħrajn, bħal f’dan il-każ imsemmi, jekk jittwaqqgħu issa, jiġu affetwati nissen huts oħra li bħalissa għadhom okkupati. Fil-fatt f’dan il-post partikolari hemm erba’ huts oħra (101, 102, 103 u 122) li jridu jitwaqqgħu sabiex isir parkeġġ. Wieħed irid japprezza li ma tistax twaqqa’ hut kultant, iżda trid tagħmel xogħolijiet f’fażijiet sħaħ. Għalhekk il- hut imsemmija fil-mistoqsija ser titwaqqa’ m’oħrajn f’proġett sħiħ biex il-post ikun rippristinat skont il-pjanti proposti.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Family Friendly measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-preżent: a) id-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qegħdin bħalissa joffru l-faċilità ta’ family friendly measures bħal teleworking, sigħat imnaqqsa , parental leave, u flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol; b) kemm huma (skont kull miżura) il-ħaddiema fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qegħdin jibbenefikaw minn xi waħda minn dawn il-miżuri msemmijin hawn fuq; ċ) kien hemm xi talbiet għal miżuri family friendly li xi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma laqgħux, f'din il-Leġislatura? Jekk iva, x’ kienet ir-raġuni; u d) kemm huma d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li fihom introduċew iċ-Childcare Unit u kemm huma dawk il-ħaddiema li bbenefikaw minn din il-miżura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.