skejjel primarji u sekondarji — edukazzjoni fiżika
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jagħmlu edukazzjoni fiżika kull ġimgħa l-istudenti fl-iskejjel primarji u fl-iskejjel sekondarji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skond iċ-ċirkulari DCM 28/2007 hu indikat li l-istudenti kollha tal-primarja jagħmlu sagħtejn edukazzjoni fiżika fil-ġimgħa. Ħafna skejjel qed jagħmlu żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa b’uħud jilħqu l-miri hekk kif imniżżla fiċ-ċirkulari.
Fl-iskejjel sekondarji, fl-ewwel sentejn, l-istudenti qed ikollhom żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa filwaqt li fl-aħħar tliet snin qed ikollhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa.
xogħol biex fil-Parlament jitressaq l-Abbozz tal-Edukazzjoni Ogħla
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol biex fil-Parlament jitressaq l-Abbozz tal-Edukazzjoni Ogħla li kellu jitressaq sa Ġunju 2009? Meta hemm il-ħsieb li jitressaq dan l-abbozz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Preżentement qed issir ħidma biex jitfassal l-Abbozz għall-Edukazzjoni Ogħla u dan bil-għan li jitressaq fil-Parlament l-aktar kmieni possibbli.
Arbitru fejn isiru Appelli tas-Sigurtà Soċjali — appell pendenti
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-arbitru fejn isiru l-Appelli tas-Sigurtà Soċjali milli tisma' l-appell tal-individwu li dettalji tiegħu qed jintbagħat separatament li ilu pendenti għas-smiegħ sa minn Novembru 2009?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-appell tal-persuna imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari huwa wieħed minn dawk li ser jinstemgħu lejn April - Mejju 2010.
Tista' l-Ministru tara li ssir spezzjoni fuq is-saqaf tal-flat tal-Gvern li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li dan jinsab fi stat perikoluż?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-inkwilin tal-flat li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġiet l-Awtorita’ tad-Djar nhar it-22 ta’ Frar 2010 fejn irrappurtat li fis-saqaf tat-tromba hemm xi konkrit qiegħed jaqa’ u l-apromorta qegħda twaqqa l-ġebel. Dan il-fond qiegħed mal-lista sabiex jiġi spezzjonat fil-futur qrib
Tista' l-Ministru tgħid kif tista' tgħin lir-raġel separat li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li spiċċa bla dar u qed jgħix fil-karozza u meta applika għal post alternattiv qalulu li jaqbeż is-somma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna li għaliha qegħda ssir referenza m'għandha l-ebda applikazzjoni pendenti mal-Awtorita' tad-Djar. Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid lil din il-persuna sabiex tirrikorri fit-taqsima tal-Customer Care tal-Awtorita' tad-Djar sabiex tingħata informazzjoni ta’ kif tista’ l-Awtorita’ tad-Djar tkun ta’ għajnuna għalih.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol, maqsumin bejn Malta u Ghawdex u irgiel u nisa, fuq l-ewwel parti u t-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad rispettivament f’dawn il-ġranet:
8 ta’ Jannar, 15 ta’ Jannar, 22 ta’ Jannar, 29 ta’ Jannar 2010?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 11206 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6598, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar għadha m'għamlet xejn dwar din il-problema li qed tikkawża ħsarat fil-proprjetà tar-residenti minħabba negliġenza min-naħa tal-Awtorità tad-Djar? Jista' jinvestiga l-ħsara li reġgħet saret fil-proprjetà ta' dawn ir-residenti għat-tielet darba konsekuttiva f'dawn l-aħħar snin minkejja li kien imwiegħed mill-Awtorita' li se tiġi solvuta din il-problema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif diġa ntqal fir-risposti għall-mistoqsijiet preċedenti, ix-xogħlijiet meħtieġa kellhom isiru mill-Kunsill Lokali bħala parti mill-proġett ta’ landscaping fl-istess lokalita’. Il-fatt li dan ix-xogħol s’issa għadu ma sarx, ċertament mhuwiex minħabba xi negliġenza min naħa tal-Awtorita’. Madanakollu l-Awtorita’ ser tagħmel laqgħa mal-Kunsill Lokali biex tinvestiga r-raġuni għaliex ma sarux ix-xogħlijiet u tidentifika soluzzjoni alternattiva.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 14663 u tagħti l-informazzjoni hawn taħt mitluba rigward il-qasam tax-xogħol f’Malta u f’Għawdex, kull gżira għaliha, fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2008 u tal-2009:
(i) In-numru ta’ nies, skond il-grupp ta’ l-età tagħhom (15-24, 25-34, 35-44, 45-54, 55-64), (a) jaħdmu għal rashom,
(b) impjegati, (ċ) qegħda u (d) inattivi;
(ii) ir-rata ta’ attività tal-popolazzjoni attiva ukoll skont il-grupp ta’ l-età tagħhom;
(iii) in-numru ta’ nies jaħdmu klassifikati skont l-attività ekonomika; u
(iv) id-dħul gross annwali medju tan-nies jaħdmu skont l-attività ekonomika tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 14664 u tgħid x’inhu x-xogħol li qed ifittxu dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol f’Għawdex taħt l-ewwel parti u t-tieni parti tar-Reġistru separatament? Tista’ tagħti n-numru ta’ reġistranti skont ix-xogħol li qed ifittxu u maqsuma f’nisa u rġiel?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
servizz ta' occupational therapy fl-iskejjel primarji taż-Żejtun
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta se jibda s-servizz ta' occupational therapy fl-iskejjel primarji taż-Żejtun? Tista' tgħid x'inhi r-raġuni li tfal li għandhom bżonn assessment mill-occupational therapist biex ikunu jistgħu jiġu allokati facilitator qed ikollhom jistennew xhur sħaħ bil-konsegwenza li bosta ġenituri qed ikollhom jirrikorru għal occupational therapists privati minflok ma qed jieħdu s-servizz minn dawk tal-Gvern?
X'qed isir min-naħa tal-Gvern biex din is-sitwazjoni titranġa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi joffri servizz ta’ Occupational Therapist waħda u hu xogħol speċjalizzat ġo l-Access to Communication and Technology Unit (ACTU). Din taħdem bħala parti minn tim transdixxiplinarju flimkien ma’ professjonisti oħra fuq teknoloġija assistiva. L-għan prinċipali hu li jsiru assessments lit-tfal li għandhom diffikultajiet fil-komunikazzjoni u diffikultajiet oħra li jimpedu milli dawn jistgħu jaċċessaw t-teknoloġija.
Servizz ta’
occupational therapist
ġenerali fl-iskejjel hu ikkoordinat mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Tarzna — ex ħaddiema impjegati bħala self employed
Question
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk fit-tarzna fl-aħħar ġimgħat kenux qed jiġu impjegati bħala self employed, ex-ħaddiema ta’ l-istess tarzna li fix-xhur li għaddew kienu ingħataw is-somma taħt l-iskemi li kienu tniedew ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Persuni li jkunu jridu jagħmlu xogħol għal rashom huma obbligati bil-liġi li jinfurmaw lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li bdew dan l-impjieg għal rashom. Iżda l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex informazzjoni lil minn huma qegħdin jipprovdu dan is-servizz, għalhekk din il-Korporazzjoni ma tistax tipprovdi l-informazzjoni mitluba.
Università ta' Cambridge — International Diploma rikonoxxuta
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Cambridge International Diploma in Information and Communications tal-Università ta' Cambridge hix rikonoxxuta jew le hawn Malta? Jista' jagħti l-każ li din hija rikonoxxuta mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki imma mhux qed tiġi rikonoxxuta mill-MCAST u/jew mill-Università ta' Malta? Xi tkun ir-raġuni jekk jirriżulta li huwa hekk?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Cambridge International Diploma in Information and Communication tal-Università ta’ Cambridge hija kwalifika rikkonoxxuta f’Malta mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.
Iċ-ċertifikat sħiħ tal-International Diploma in Information and Communication Technology tal-Università ta’ Cambridge huwa aċċettat mill-MCAST għad-dħul f’numru ta’ programmi
skont il-kors. F’każijiet oħra dawn jiġu kkunsidrati każ b’każ skont it-talba tal-istudent.
L-Università ta’ Malta tikkunsidra applikazzjonijiet minn persuni li jippreżentaw id-
Diploma
in Business
mogħtija mill-University of Cambridge International Examinations. Information and Communications Technology hija waħda mill-
modules
f’dan il-kors.
Riżorsi finanzjarji u umani — prinċipali ta' kulleġġi
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-riżorsi finanzjarji u umani li ngħataw f'dawn l-aħħar sentejn lil kull prinċipal ta' kull kulleġġ biex ikun jista' jwettaq ħidmietu? Fiex kienu jikkonsistu dawn ir-riżorsi finanzjarji u umani u għal liema skopijiet intużaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid minn issa sas-sena 2013, liema skejjel ġodda hemm il-ħsieb li jinbnew f'Malta u f'Għawdex u f'liema lokalità hemm il-ħsieb li jinbnew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa qed jinbnew skejjel sekondarji fil-Mosta u f’Għawdex. Hemm ukoll ħsieb li sal-2013 tinbena skola oħra fil-Ħandaq, limiti ta’ Ħal Qormi, skola sekondarja għal bniet.
Skejjel primarji u sekondarji — xogħol ta' manutenzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid matul din is-sena liema skejjel primarji u sekondarji f'Malta u Għawdex hemm il-ħsieb li jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni u f'kull skola fiex se jkun jikkonsisti x-xogħol ta' manutenzjoni u tisbiħ li se jsir?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ix-xogħol ta’ manutenzjoni li jsir matul is-sena hu dak li jinqala’ minn żmien għal żmien, skont il-bżonn ta’ kull skola li tkun.
Issa li kull kulleġġ għandu l-
College Precincts Officer
, il-Prinċipal tal-Kulleġġ u l-Kapijiet tal-Iskejjel, jiddeċiedu l-prijorità ta’ manutenzjoni u tisbiħ ta’ natura żgħira u medja meħtieġa, taħt id-direzzjoni ġenerali tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi.
Xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ aktar estensiv isir taħt id-direzzjoni tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi b’responsabbilità tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex hemm prinċipali ta' kulleġġi li qed jiġu ppreferuti fuq prinċipali ta' kulleġġi oħra u jingħataw iżjed riżorsi biex jaħdmu bihom, liema prattika tista' tagħti l-impressjoni lit-tfal tal-kulleġġi kollha mhumiex stmati indaqs?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-riżorsi li għandhom id-Direttorati huma mqassma b’mod ċar fost il-Kulleġġi. Nitlob l-Onor. Interpellant jiċċara xi jfisser meta qed jitkellem fuq riżorsi. Qiegħed jirreferi għar-riżorsi umani, riżorsi finanzjarji jew xi xorta oħra ta’ riżorsi.
Id-Diretturi huma impenjati biex jibqgħu jittrattaw lill-istudenti kollha ndaqs.
Tista' l-Ministru tgħid jekk saritx investigazzjoni għall-claim li għamlet l-koppja li dettalji tagħhom qed jinbagħtu separatament, ta' aġir tal-ħaddiema tal-Awtorità tad-Djar? Tista' tgħid jekk dawn humiex se jingħataw ir-rimedju li qed jitolbuha tal-ħsarat kawżati mill-istess ħaddiema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar din il-kwistjoni, għaddejja korrispondenza bejn l-avukat li jirrappreżenta l-koppja u l-avukat li jirrapreżenta l-Awtorità tad-Djar. L-Awtorità tad-Djar dejjem kienet disposta li ġġiegħel lill-kuntrattur imqabbad minnha jagħmel ix-xogħol rimedjali li huwa ġustifikat.
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni, isem b'isem, li se jmexxu t-tim li se jieħu ħsieb dak kollu relatat mad-diska Maltija 'My Dream' ta' Ms Thea Garrett fil-Eurovision Song Festival li ġej? Meta nħatar dan it-tim? Xi kriterji kellhom jissodisfaw dawn il-persuni biex jinħatru? Xi ħlas se jingħataw? X'inhuma t-terms of reference tagħhom? Xi pjanijiet ta' ħidma ħejjew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.