Legislature:
Category:
Reset
Active:

deċiżjoniet mill-ogħla uffiċjali fid-direttorati edukattivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex minkejja li s-sistema tal-kulleġġi nħolqot biex tiddeċentralizza s-sistema edukattiva u iżjed deċiżjonijiet jittieħdu direttament qrib l-iskejjel, hemm ħafna deċiżjonijiet li għadhom jittieħdu mill-ogħla uffiċjali fid-direttorati edukattivi jew mill-ministeru u hekk qed ixejnu l-proċess ta' devoluzzjoni li nbeda fis-sistema edukattiva mill-1995?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dak li qed jiġi allegat fil-mistoqsija parlamentari mhux minnu. Kull deċiżjoni ewlenija ilha għal dawn l-aħħar sentejn tiġi diskussa u tittieħed fl-Education Leadership Council li huwa kompost mid-Diretturi Ġenerali u mid-Diretturi u Prinċipali tal-Kulleġġi. Fejn ikun opportun, ċerti materji jiġu diskussi anke fil-kunsilli tal-kapijiet u dawn jagħtu feedback lura lill-Education Leadership Council.

suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jidħlu suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji? Fejn wasal ix-xogħol biex jidħlu dawn is-suġġetti? Liema suġġetti hemm il-ħsieb li jiddaħħlu? Min hemm involut fil-proċess biex jiddaħħlu dawn is-suġġetti vokazzjonali u ġie maħtur mill-Ministeru jew mid-direttorat biex jitmexxa dan il-proċess? Hemm xi barranin imdaħħlin? Min huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorati Edukattivi kontinwament jesploraw kif jistgħu itejbu l-proviżjoni edukattiva fl-iskejjel. Ir-riforma u l-iżvilupp fid-dinja tal-lum jesiġu li wieħed jikkonsidra firxa ta’ suġġetti li għandhom jiġu offruti lill-istudenti. Din hija wkoll id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea. Bħalissa d-Direttorati qed jaħdmu internament il-possibilta’ li studenti jkollhom opportunita’ għall-firxa aktar wiesgħa ta’ suġġetti. Dan qed isir b’konsultazzjoni preliminarja fost l-uffiċċjali fid-Direttorati, ukoll ma’ kollegi internazzjonali fosthom Pearson Education li huma ibbażati fl-Ingilterra. Dan kollu hu marbut max-xogħol li għaddej fir-review tal-Kurrikulu Nazzjonali.

Malta Union of Teachers — titjieb fir-relazzjoni

Question

Peress li huwa kruċjali li biex jinkiseb suċċess edukattiv għandu jkun hemm l-aħjar relazzjonijiet mal-union li tirrapreżenta lill-għalliema f'pajjiżna, tista' l-Ministru tgħid x'beħsiebu jagħmel il-Ministeru fiż-żmien li ġej biex ifejjaq u jtejjeb ir-relazzjonijiet ħżiena li hemm mal-Malta Union of Teachers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru u d-Direttorati dejjem kellhom u dejjem ser ikollhom il-bibien miftuħa għal kwalunkwe Union li tixtieq taħdem għall-ġid tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jaħdem ma’ bosta Unions, apparti l-M.U.T., fosthom il-U.Ħ.M., il-G.W.U., l-U.M.A.S.A., l-M.A.M., l-M.U.M.N., u dawn kollha jafu li l-Ministeru dejjem dispost għal laqgħat ta’ diskussjoni.

Żoni Industrijali — fabbriki vojta

Question

Peress li d-dettalji tal-fabbriki jinsabu fil-mistoqsijiet li hemm referenza għalihom fil-mistoqsija, tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 14946, 14740, 14442, 12847 u 13386 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġew riferuti lilha rispettivament u tgħid kemm kienu jħaddmu nies iż-żewġ fabbriki li kienu jipproduċu auto switches u prodotti tar-rubber li kienu jintużaw u li issa jinsabu vojta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kumpanija Pamargan fix-Xewkija, Għawdex, skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, għadha qiegħda timpjega 113-il persuna. Rigward il-kumpanija Methode fix-Xewkija, Għawdex, (magħrufa bħala Merit-Malta Ltd. skont l-informazzjoni li għandha l-ETC) għalqet fil-31 ta’ Dicembru 2004. Fix-xahar ta’ Diċembru 2004 ġew issensjati 19-il persuna.

Talba għal facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ għall-ġid tat-tifel ta' tmien snin li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li sena ilu l-familja tiegħu kienet talbet għal facilitator u barra minn hekk għamlet ukoll kura u attenzjoni privata minħabba li dan it-tifel la jaf jikteb u lanqas jaqra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Marzu 2010, il-ġenituri ngħataw appuntament biex jidhru quddiem il-Bord tal-iStatementing fit-23 ta’ Marzu 2010.

Talba għal spezzjoni ta' shaft

Question

Tista' l-Ministru tara li ssir spezzjoni f'shaft ta' flat sabiex issir manutenzjoni fuq talba tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jipprovdi iktar dettalji, sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.

Talba għal post

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' single parent li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha li applikat ħafna snin sabiex tingħata post u tinsab bla saqaf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanta applikat fit-22 ta' Mejju, 2008 u ġiet offruta post alternattiv fit-28 ta' Lulju, 2009 liema post ġie irrifjutat.

Nies li jirreġistraw — informazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tghidilna kemm kien in-numru ta’ nies li: 1. nqatgħu mir-reġistrar u għalfejn? 2. bdew jirreġistraw għax-xogħol? 3. kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u sabu xogħol? f’dawn il-ġimgħat: ġimgħa li tibda 4 ta’ Jannar 2010 ġimgħa li tibda 11 ta’ Jannar 2010 ġimgħa li tibda 18 ta’ Jannar 2010 ġimgħa li tibda 25 ta’ Jannar 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tabella A turi n-numru ta’ nies li nqatgħu mir-reġistrar f’Diċembru 2009 u għal liema raġuni (skond l-aħħar informazzjoni). Tabella A Diċembru 2009 Inqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw 11 Irrifjutaw opportunita ta' xogħol 83 Irrifjutaw taħriġ 21 Total 115 In-numru ta’ persuni li bdew jirreġistraw l-ewwel darba għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru f’Jannar 2010 kien ta’ 315. Tabella B turi kemm f’Jannar 2010 kien hemm persuni li kienu qed jirreġistraw u sabu xogħol fil-ġimgħat mitluba. Tabella B: Ġimgħa: Numru ta' persuni 4/1/2010 - 10/1/2010 30 11/1/2010 - 17/1/2010 92 18/01/2010 - 24/01/2010 58 25/01/2010 - 31/01/2010 47 Total 227

MCAST — student body li jirrappreżenta l-interessi tal-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-fatt li fl-MCAST m'hemm ebda student body li jirrappreżenta l-interessi tal-istudenti fuq il-mudell tal-KSJC jew KSU?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST kellha l-Kunsill tal-istudenti u dan ħa bosta inizjattivi b’risq sħabhom sakemm baqa’ jopera. Sfortunatament dan għadda minn fażi fejn l-istudenti rtiraw il-parteċipazzjoni tagħhom u l-operat tiegħu waqaf. Sa mill-bidu ta’ din is-sena l-MCAST ħa l-inizjattiva li jerġa’ jgħin lill-istudenti jerġgħu jwaqqfu l-Kunsill tagħhom bil-parteċipazzjoni tal-istituti kollha. Il-proċess għadu fil-fażi tal-implimentazzjoni tiegħu u dan il-Kunsill għandu jkun imwaqqaf fi żmien qasir.

Żgħażagħ taħt it-18-il sena li qegħdin jirreġistraw

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' żgħażagħ taħt it-18-il sena li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru? Tista' tgħid minn liema lokalità huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tradesmen u instructors mal-gvern — permanent warrant

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-complement ta' senior tradesmen jew tradesmen mal-Gvern li għandhom il-permanent warrant? Kemm hu l- complement ta' instructors mal-Gvern li għandhom il-permanent warrant?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmat mill-Kunsill Dwar il-Professjoni tal-Għalliema f’Malta li hemm senior tradesman wieħed li għandu permanent warrant. M’hemm l-ebda instructor li għandu l- permanent warrant

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — kumpaniji b'maġġoranza tal-ishma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u xogħlijiet li d-dipartimenti tal-Gvern, l-awtoritajiet, il-korporazzjonijiet, l-entitajiet, l-aġenziji, l-organizzazzjonijiet indipendenti statutorji u l-kumpaniji b’maġġoranza ta’ ishma pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu se jwettqu f’Għawdex sena sena minn din is-sena sal-2013? Kemm hu/kemm hu stmat il-valur ta’ kull proġett, programm, eċċ.? Liema minn dawn il-programmi, inizjattivi, eċċ. huma/se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea? Meta bdew jitwettqu/meta mistenni li jibdew jitwettqu u meta huwa mistenni li jitlestew/jispiċċaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħlas ta' benefiċċji kontributorji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2003 sal-2009 għar-rigward ta’ benfiċċji kontributorji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1987 għal: · Pensjonijiet tal-invalidità? · Pensjonijiet tal-irtirar? · Bonus ? · Pensjonijiet tar-romol? · Pensjonijiet għal żmien qasir ( short-term )?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

informazzjon dwar adozzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rikorsi ta' adozzjoni f'dawn l-aħħar ħames snin kull sena separatament f'Għawdex u f'Malta separatament u jindika n-numru ta' adottati skont il-pajjiż ta' fejn tkun saret l-adozzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tabella li tidher hawn taħt tindika n-numru ta’ adozzjonijiet li saru mis-sena 2005 sa 2009. L-informazzjoni dwar rikorsi tista’ tinstab mill-Qrati ta’ Malta u Għawdex peress li huma l-entitajiet responsabbli. PAJJIŻ 2005 2006 2007 2008 2009 Malta 23 17 12 - 5 Albanija - 1 - 1 1 Bulgarija - 2 1 2 - Kamboġja - - 2 2 1 Eritrea 1 - - - - Ethiopja 24 21 15 9 5 Indja - 1 - - - Malawi - 1 - - - Pakistan 1 2 3 3 3 Romanija 1 - - - - Russja 10 29 40 26 23 Tajlandja 2 1 3 - - Renju Unit - 1 - - - Użbekistan - 1 - - - Filippini - - - - 1 TOTAL 62 77 76 43 39

ratifikar tal-konvenzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'progress sar a rigward ir-ratifikar tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara li l-Gvern Malti ffirma l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ flimkien mall-Protokoll Mhux Obbligatorju f'Marzu 2007, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru waqqaf il-Kumitat Inter-Ministerjali maħtur biex jistudja liema liġijiet jridu jsiru emendi fihom biex jiġu konformi ma' din il-Konvenzjoni u hekk din tkun tista' tiġi ratifikata. Dan ir-rapport tlesta u ġie preżentat rapport lil, fost oħrajn, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan l-Uffiċċju bagħat il-proposti tiegħu li ġew aċċetatti mill-Kumitat. Minn informazzjoni li għandi, ir-rapport qiegħed għand ir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta fi Brussell għall-approvazzjoni, minn fejn għandu jgħaddi għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

maternity u paternity leave — pożizzjoni tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'pożizzjoni se jieħu l-Gvern a rigward il-proposti ta' l-estensjoni tal-maternity leave għall-20 ġimgħa u tal-paternity leave?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

skema MGSS — persuni li għadhom jitħallsu l-paga tagħhom

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li ngħataw borża ta' studju fl-iskema MGSS li jaħdmu mal-Gvern u waqt iż-żmien tal-istudju tagħhom qed ikomplu jitħallsu l-paga?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm 35 persuna li ngħataw borża ta’ studju fl-iskema Malta Government Scholarships Scheme (MGSS) li jaħdmu mal-Gvern u waqt iż-żmien tal-istudju tagħhom qed ikomplu jitħallsu l-paga.

skema MGSS — persuni li qed jagħmlu dottorat fuq bażi part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li ngħataw borża ta' studju fl-iskema MGSS li qed jagħmlu dottorat fuq bażi part-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onor. Membru li hemm 31 persuna li ngħataw borża ta’ studju fl-iskema Malta Government Scholarships Scheme (MGSS) li qed jagħmlu dottorat fuq bażi part-time.

Kors tal-PGCE — tul ta' sentejn minflok sena

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjan biex il-PGCE jitwal għal sentejn? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li tidħol din il-bidla? X'inhi r-raġuni għal din il-bidla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Le, m’hemm ebda pjan biex il-kors tal-PGCE jitwal għal sentejn.

xogħol ta' Precincts Officers fil-kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien se jkun jikkonsisti x-xogħol tal-Precincts Officers fil-kulleġi? X'riżorsi ngħataw biex jaħdmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-dmirijiet tal-Precincts Officers fil-Kulleġġi huma kif hemm imniżżel fis-sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa fil-Gazzetta tal-Gvern Nru. 18,415 tat-8 ta’ Mejju 2009 (paġni 3883 u 3884, para. 6) u fil-Job Description tagħhom. Il- Precincts Officers fil-Kulleġġi ingħataw dawn ir-riżorsi biex jaħdmu: Riżorsi Umani Ingħataw l-inkarigu tal-ħaddiema tekniċi u ġenerali li hemm fl-iskejjel. Ser ikollhom ukoll responsabbilita’ tal-ħaddiema tekniċi li għadhom jitmexxew b’mod ċentrali. Għodda Ingħataw l-inkarigu li jaraw li l-ħaddiema tagħhom jużaw b’mod għaqli l-għodod tal-iskejjel tal-Kulleġġi. Ma’ dawn iridu jiżdiedu l-għodod l-oħra li qed jintużaw ukoll b’mod ċentrali. Ser jinxtara ammont sostanzjali ta’ għodda oħra biex kull kulleġġ ilaħħaq mat-talbiet li jkollu għal xogħlijiet żgħar u medji. Għodda Amministrattiva Qed jingħataw taħriġ kontinwu ta’ leadership u management skills , biex jgħarfu jmexxu l-ħaddiema li għandhom taħt ir-responsabbilita’ tagħhom. Ingħataw laptop u qed jingħataw taħriġ professjonali fl-użu tiegħu biex jgħinhom jamministraw b’mod aktar effiċjenti x-xogħol tagħhom.