B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14965 rigward is-servizzi offruti miċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx lista ta' stennija għas-servizz ta' fiżjoterapija? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il tifel jew tifla qegħdin fuq din il-lista biex jibdew jingħataw dan is-servizz? Meta jiġi kkonfermat li tifel jew tifla jkollhom bżonn dan is-servizz, kemm idumu jistennew biex jingħataw dan is-servizz għall-ewwel darba?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-servizz tal-Fiżjoterapija m’għandux listi ta’ stennija u kull każ ġdid jiġi ikkuntatjat u jirċievi appuntament fl-ewwel 15-il ġurnata ta’ xogħol kif imniżżel fil-linji gwida tax-xogħol tagħna.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14965 rigward is-servizzi offruti miċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx lista ta' stennija għas-servizz ta' occupational therapy? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il tifel jew tifla qegħdin fuq din il-lista biex jibdew jingħataw dan is-servizz? Meta jiġi kkonfermat li tifel jew tifla jkollhom bżonn dan is-servizz, kemm idumu jistennew biex jingħataw dan is-servizz għall-ewwel darba?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-servizz tal-Occupational Therapy ġewwa s-CDAU għandu 50 każ ġdid fuq il-lista ta’ stennija. Dawn idumu madwar 6 sa 8 ġimgħat biex jibdew is-servizz.
Is-servizz għandu wkoll 43 każ ta’ re-referrals qed jistennew appuntament. Dawn huma tfal li diġa kienu jużaw is-servizz u waqqfu jattendu jew ma kellhomx iżjed bżonn is-servizz.
Ċentri tas-Saħħa – Professjoni ta’ Allied Health Practitioners
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Allied Health Practitioners fic-Ċentri tas-Saħħa u jelenka xi professjoni jipprattikaw?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fiċ-Ċentri tas-Saħħa hemm 72 professjonist fil-grad ta’ Allied Health Practitioner (AHP) maqsumin kif ġej:
Professjoni
Numru ta’ AHP
Fiżjoterapisti
13
Podjatri
16
Patologi tal-lingwa u diskors
34
Radjografi
8
Nutrizzjonista
1
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx mediċini għall-POYC out of stock u jekk iva, liema huma?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għal-lista tal-POYC li qeda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u li tkun ippublikata fuq is-sit eletroniku; healthservices.gov.mt
Ministeru għas-Saħħa u Jobsplus — Kors “Embracing Diversity”
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11896 fejn ingħad: “Il-Ministeru għas-Saħħa ħoloq kors mal-Entità ta’ Jobsplus imsemmi Embracing Diversity. Dan ser jkun offrut lil kull impjegat barrani ġdid fuq pratiċi lokali, użanzi, kif ukoll informazzjoni prattika li jkollu bżonn kull impjegat li jgħix hawn Malta.”
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. Meta ser jibda jingħata dan il-kors?
b. Kemm fih sessjonijiet u sigħat?
ċ. It-temi partikolari li ser jiġu indirizzati f’kull sessjoni?
d. Jekk hemmx xi miżati marbuta miegħu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-kors Embracing Diversity se jibda jingħata minn Marzu li ġej. Dan ser jkun jikonsisti f’9 sessjonijiet li jagħmlu 20 siegħa. Fost it-temi partikolari li ser jingħataw waqt il-kors insibu; Cultural Competence, Adapting to working in the Maltese Health Care system, Work Ethics, Human Rights and Practical Information about living & working in Malta. M’hemm l-ebda miżata marbuta ma’ dan il-kors.
Customer Care tas-servizzi tas-Saħħa Mentali — Telefonati
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11881, jista’ Ministru jgħid kemm fil-fatt kellu telefonati fis-sena 2023 il-Customer Care tas-servizzi tas-Saħħa Mentali li jista’ jiġi kkuntattjat fuq 2330 4444?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Customer Care tas-servizzi tas-Saħħa Mentali kellu 98 telefonata matul is-sena 2023, li jirrigwardjaw servizzi kliniċi u professjonali.
Kien hemm ukoll madwar 350 telefonata oħra matul is-sena 2023, fejn intalab tagħrif ġenerali kemm mill-istess klijenti kif ukoll mill-qraba tagħhom.
Customer Care tas-servizzi tas-Saħħa Mentali – Promozzjoni tas-servizz
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11881, jista’ Ministru jgħid kif jiġi promoss il-Customer Care tas-servizzi tas-Saħħa Mentali li jista’ jiġi kkuntattjat fuq 2330 4444 sabiex persuni jagħmlu użu minn dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll jitqassamx xi tip ta’ pamphlet fil-kliniċi tas-saħħa mentali fil-komunità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi kull pazjent li jidħol fl-isptar Monte Carmeli, jinagħta ktejjeb ta’ informazzjoni mill-Customer Care. Il-ktejjeb jinkludi tagħrif dwar is-servizzi kollha li jingħataw fis-Saħħa Mentali.
Customer Care tas-servizzi tas-Saħħa Mentali — Ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti il-Customer Care tas-servizzi tas-Saħħa Mentali li jista’ jiġi kkuntattjat fuq 2330 4444 fis-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll dwar xiex kienu l-ilmenti f’persentaġġi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Customer Care tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali irċieva 299 ilment matul is-sena 2023.
Infurmat ukoll li l-persentaġġi ta’ lmenti kienu kif ġej:
• Talba għall-bidla tal-Konsulent kuranti – 13.7%
• Talba għall-bidla fit-Trattament – 4%
• Imġieba ta’ pazjenti – 5.7%
• Kwistjonijiet Kliniċi – 7.4%
• Appuntamenti – 6.7%
• Talba għal rekords Mediċi – 5.7%
• Talbiet varji għall-informazzjoni – 9.7%
• Talba għal rilaxx mill-isptar – 3%
• Każijiet oħra varji – 44.1 %.
Sptar Mater Dei — Persuni taħt l-influwenza tal-Alkoħol u/jew droga li daħlu fl-Emerġenza
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14899 dwar in-numru ta’ attendenzi li daħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei taħt l-influwenza tal-alkoħol u/jew droga, jista’ l-Ministru jgħid:
a. kemm minn dawn il-każijiet daħlu taħt l-influwenza tad-droga u liema droga;
b. kemm daħlu taħt l-influwenza tal-alkoħol; u
ċ. kemm daħlu taħt l-influwenza tad-droga u tal-alkoħol flimkien?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Sptar Mater Dei — Persuni taħt l-influwenza tal-Alkoħol u/jew droga li daħlu fl-Emerġenza
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14899 dwar in-numru ta’ attendenzi li daħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei taħt l-influwenza tal-alkoħol u/jew droga , jista’ l-Ministru jgħid:
a. kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel; u
b. kemm minnhom kienu taħt it-18-il sena, kemm kellhom bejn id-19 u t-30 sena, kemm kellhom bejn 31 u 55 sena u kemm kellhom aktar minn 56 sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu full-time jew part-time mal-Ministeru tiegħu b’kuntratt jew bħala persons of trust jew advisers jew experts li għandhom:
i. ’l fuq minn 65 sena;
ii. ’l fuq minn 70 sena; u
iii. ’l fuq minn 80 sena?
Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont l-etajiet indikati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella t’hawn taħt:
Full-Time
Part-Time
’l fuq minn 65 sena
5
1
’l fuq minn 70 sena
/
1
’l fuq minn 80 sena
/
/
Faċilità San Vinċenz de Paul — Servizzi tal-outpatients
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'servizzi tal-outpatients jingħataw fil-Faċilità San Vinċenz de Paul?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellant, li is-servizzi ta’ out-patient tal-isptar tal-kura ġerjatrika jingħataw minn timijiet multi-dixxiplinarji ta’ professjonisti minn San Vinċenz de Paul u mill-isptar Mater Dei, li joffru kura speċjalizzata u integrata lill-anzjani, kollha taħt saqaf wieħed. Il-kliniċi kollha huma mgħammra b’faċilitajiet mill-aqwa, magħmulin b’mod li jagħmlu inqas użu ta’ enerġija u għandhom servizzi mekkaniċi, elettriċi u sanitarji ġodda.
Is-servizzi/kliniċi huma dawn:
• Ġerjatrija
• Radjoloġija (X ray, videofluoroscopy, Ultrsound, Bone densitometer etc.)
• Oftamoloġija
• Oftalmoloġija u Avastin Injection
• Awdjoloġija
• Tehid tad-Demm
• Pace maker
• ECG
• Kardjoloġija
• Cardio-Thoracic
• Vaskulari
• Dermatoloġija
• ENT
• Newroloġija
• Kirurġija Newroloġika
• Pain clinic
• Klinika għall-kura tas-saħħa tal-mara / ġinekoloġija
• Frailty clinic
• Psikjatrija
• Dentistrija
• Fiżjoterapija
• Occupational therapy
• Speech Language pathology
• Podoloġija
• Interventi kirurġiċi minuri
• Pre – assessment clinic
Barra minn hekk, fl-isptar tal-kura ġerjatrika bħalissa qed isir programm nazzjonali ta’ screening fl-oftalmoloġija.
Il-pjan huwa li fiż-żmien li ġej, is-servizzi jkomplu jespandu b’iżjed kliniċi speċjalizzati fosthom MRI u CT scanner. Dan bl-iskop li jkun hemm diċentralizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u b’hekk, inkunu qed innaqqsu l-lista ta’ stennija għal appuntamenti fl-Isptar Mater Dei.
Raħal Ġdid — Ċentru Vincent Moran - Bini tal-proġett
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-bini tal-proġett taċ-Ċentru Vincent Moran f'Raħal Ġdid u meta ser jinfetaħ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-proġett tal-bini u tlestija taċ-Ċentru Vincent Moran f’Raħal Ġdid bħalissa għaddej b’pass mgħaġġel. Fost ix-xogħolijiet li qegħdin jiġu mwettqa hemm dawk tat-twaħħil ta’ persjajjen u screens mal-faċċata, tlestija tal-bankini, sinjali fuq ġewwa u fuq barra, ittestjar fuq is-switchgear prinċipali tal-elettriku, installazzjoni ta’ għamara, u ta’ strumentazzjoni li jirregola sistemi bħal dawk tat-tifi tan-nar, gassijiet mediċi u dawk tat-tisħin tal-ilma fost l-oħrajn.
Huwa maħsub li ċ-Ċentru Vincent Moran f’Raħal Ġdid jinfetaħ lejn l-aħħar tat-tieni kwart ta’ din is-sena.
POAC — Appuntamenti għat-tieni darba wara li jkunu tħassru l-operazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il-pazjent kellu appuntament mal-POAC għat-tieni darba wara li tkun tħassritlu operazzjoni u għalhekk ikollhom jerġgħu jsiru t-testijiet kollha mill-ġdid?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li din l-informazzjoni mitluba mhux disponibli.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — Servizzi multidixxiplanarji
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16337, jista’ l-Ministru jgħid x’ser isir fir-rigward tas-servizzi multidixxiplanarji fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex wara li tneħħew il-podjatri kollha? Jista’ jgħid ukoll kif u meta ser jaħdmu dawn is-servizzi multidixxiplanarji?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-4 podjatri li jaħdmu f’Għawdex se jkunu qedin jaħdmu hekk;
Pod 1 – Tnejn – Ġimgħa Victoria HC + Għarb CC (kull ħmistax nhar ta’ Tnejn + kull nhar ta’ Ġimgħa)
Pod 2 – Tnejn – Ġimgħa Victoria HC
Pod 3 – Tnejn – Ħamis Dar Padova
Pod 4 – Tnejn – Ġimgħa Qala HC – L-Erbgħa filgħaxija Dar Padova
Kull podjatra jattendi l-isptar Ġeneral t’Għawdex darba fil-ġimgħa.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11788, fejn intqal li: “Dan huwa eżerċizzju li jieħu ħafna ħin u jkun disponibbli bejn l-aħħar ta’ din is-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla.” u fid-dawl li issa nbdiet sena ġdida, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kawżi tal-imwiet għas-sena 2022?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet, in-numru ta' persuni residenti f’Malta u Għawdex li mietu fis-sena 2022 skont il-kawża tal-mewt, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.