Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienu impjegati persuni ġodda mal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2010, xahar b'xahar u f'liema grad? Kif sar kull impjieg, ċioe jekk hux b'sejħa pubblika jew le?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ġew impjegati 16-il ħaddiem ġdid. Iktar dettalji jinsabu fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — overtime

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm tħallas f'overtime matul is-sena 2010, xahar b'xahar fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2010 tħallsu €39,626 fil-Head Office, Malta u €63,870 f'sittax-il ambaxxata/rappreżentanza barra minn Malta. Id-dettalji jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — kirijiet ta' għamara, pitturi, pjanti u siġar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid matul l-2010 sarux xi kirjiet ta' għamara, pittura/i, pjanti u siġar mill-Ministeru u/ jew dekasteri/entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tul l-2010 ma sarux kirjiet kif indikat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — informazzjoni dwar il-ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm nies jaħdmu fil-ministeru tiegħu? X'kariga u x'paga għandhom?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru tiegħi hawn tliet mija u tmienja u erbgħin (348) uffiċjal pubbliku li minnhom, 24 uffiċjali qegħdin fuq unpaid leave. Il-Kariga tal-ħaddiema tinfirex minn skala 2 sa skala 20 u jitħallsu a bażi tal-iskeda tal-pagamenti tal-Estimi Finanzjarji 2011.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — printers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inxtraw printers matul is-sena 2010 sabiex jintużaw mill-Ministeru u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża f'kull każ u b'liema mod ġie deċiż mnejn jinxtraw? Mnejn inxtraw?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — ħlasijiet għal tenders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid illum kemm huwa kkalkulat f'ċifra ta' flus globali l-ħlasijiet li l-Ministeru jrid jgħaddi lill-kuntratturi li jissuplixxu s-sevizzi u provvisti abbażi ta' tenders li ttieħdu mill-istess kuntratturi u kumpaniji mill-ministeri u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-ċifra kalkulata ta' flus globali tal-ħlasijiet mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għal tenders tammonta għal €56,260.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — laptops

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inxtraw laptops matul is-sena 2010 sabiex jintużaw mill-Ministeru u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża f'kull każ u b'liema mod ġie deċiż mnejn jinxtraw? Mnejn inxtraw?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Unjoni Ewropea — tħaddim tal-pensjoni

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma x’inhi l-pożizzjoni li ħadu l-istanzi tal-Unjoni Ewropea dwar it-tħaddim tal-pensjoni taż-żewġ terzi f’Malta fir-rigward ta’ min hu jew kien intitolat għal żewġ pensjonijiet fuq bażi ta’ kontribuzzjonijiet magħmula, u li d-dħul minnhom safa limitat għal żewġ terzi tal-aħħar snin tal-paga? Jista’ jinforma kif inbniet din il-pozizzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea u safejn waslu l-aħħar żviluppi dwarha?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

amministrazzjoni ta’ Dar Malta fi Brussels — ħlas lil diversi ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x’passi se jieħu l-Gvern Malti kontra min kien responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ Dar Malta fi Brussell talli għal xi żmien ħallas diversi ħaddiema bil-kuntratti definiti, pagi u kundizzjonijiet li jmorru taħt dak mitlub mil-liġi kif ukoll b’nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet viġenti ġewwa Brussels kif rappurtat fil-ġurnal Belgjan Le Soir? Il-fatt li l-Gvern Malti qal li issa l-pożizzjoni ġiet regolarizzata ma jiskolpa fl-ebda mod kull abbuż li seta' sar fl-imgħoddi min-naħa tad-diriġenti Maltin.

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija numru 0210 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fl-4 ta' Frar 2011. Jirriżulta wkoll illi fl-1997 dis-sistema ġiet approvata mid-Direttur Servizzi Finanzjarji ta' dak iż-żmien wara l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta' dak iż-żmien. Ta' min issemmi ukoll li skond il-proċeduri anke il-Ministeru tal-Finanzi kellu japprova din is-sistema fl-1997. Ma hemm xejn li jindika li ma aġixxewx 'in good faith'. Ta' min jinnota li s-sistema - fejn għall-fini ta' PAYE u Kontribuzzjonijiet tas-Sigurta Soċjali, l-allowances ma kienux suġġetti għal bolla - li ġiet introdotta fl-1997 u li bdiet tiġi phased out mill-1 ta' Jannar 2006 'il quddiem - mhux biss hija legali f'Malta imma jidher li tintuża sal-lum minn deversi Ambaxxati oħra fil-Belġju.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — fuel

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'kienet l-ispiża fuq fuel għall-karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2010 xahar b'xahar?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2010 l-ispiża tal-fuel, inkluża wkoll dik ta' disgħa u għoxrin Ambaxxata/Rappreżentanza ta' Malta, f'pajjiżi differenti, kienet tammonta għal €72,834. Id-dettalji jinsabu fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ftehim fuq l-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23660, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni/għaqdiet f'Malta li bbenefikaw minn dan il-ftehim kemm ilu li daħal fis-seħħ? Jekk iva, kemm kienu l-individwi/għaqdiet li bbenefikaw? F'liema suġġetti saret il-kollaborazzjoni u f'liema sena?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — karozzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ta' liema ditta huma? Jista' jgħid ukoll liema huma dawk il-karozzi li jintużaw fil-weekends u fil-festi? Min jagħmel użu minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji mitluba jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ftehim fuq l-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm saru inizjattivi xjentifiċi u/jew teknoloġiċi a termini tal-ftehim indikat fil-mistoqsija parlamentari 23369 u jagħti d-dettalji ta' kull inizjattiva?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ftehim fuq l-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23369, jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin ipoġġi dan il-ftehim, ossia kopja tiegħu u l-estensjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Hawnhekk mehmuża tinsab kopja tal-"Ftehim bejn Malta u ċ-Ċina fl-Oqsma tax-Xjenza u t-Teknoloġija". Skont il-Ftehim, il-perjodu ta' validita' kien għal ħames snin iżda dan jiġi estiż awtomatikament għal perjodu ieħor ta' ħames snin fis-sena 2008. B'hekk il-Ftehim għadu fis-seħħ, u jibqa' hekk sakemm waħda mill-partijiet ma tindika li ma tixtieqx iġġedded il-Ftehim.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — direct orders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ingħataw direct orders matul is-sena 2010 mill-Ministreru, dipartimenti u entitajiet oħra fid-dikasteru tiegħu, xahar b'xahar? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu u f'kemm kienu jammontaw? Jista' jgħid ukoll għal kull każ lil min ingħataw?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xiri ta' bnadar bi prezz iktar mid-doppju

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22161, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min kienu l-persuni mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u mis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru rispettivament, li waslu għall-ftehim imsemmi fl-istess tweġiba?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ftehim sar bejn id-Direttorat tal-Immaniġjar tal-Finanzi tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u s-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru.

Applikazzjoni għaċ-ċittadinanza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-appikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għandha qed tiġi proċessata flimkien mal-ħafna applikazzjonijiet oħra li d-Dipartiment taċ-Cittadinanza u tal-Expatriates għadu qiegħed jipproċessa.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' impjegati fi ħdan il-ministeru u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu li għandhom diżabilità?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq nifnorma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jħaddem total ta' 345 impjegati fi ħdan il-Ministeru u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu. In-numru ta' impjegati li għandhom diżabilità huwa ta' tlieta (3) li jammonta għal 0.9 tat-total.

Ftehim fuq l-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma lill-Kamra tar-Rappreżentanti xi ftehim għandu pajjiżna maċ-Ċina fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija?

Response (BORG, TONIO)

Malta għandha Ftehim fuq Kooperazzjoni fix-Xjenza u t-Teknoloġija maċ-Ċina. Dan il-ftehim ġie ffirmat fil-31 ta' Ottubru 2002 u daħal fis-seħħ fis-6 ta' Ġunju 2003. Il-validità ta' dan il-Ftehim ġiet awtomatikament estiża għal ħames snin oħra fis-sena 2008 biex b'hekk għandu jibqa' fis-seħħ sal-2013.

rifjut ta' Visa u friżar ta' assi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'pożizzjoni ħa jew se jieħu l-Gvern Malti fil-konfront ta' talbiet minn għadd ta' diplomatiċi fuq livell Ewropew li jridu li jittieħdu miżuri punittivi bħar-rifjut ta' Visa u friżar ta' assi fuq l-ex President Tuneżin Zine el Abidine Ben Ali u l-familja tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Nhar it-Tnejn 31 ta' Jannar 2011, fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, jien flimkien ma' sħabi l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri tal-Unjoni, fost affarijiet oħra, iddiskutejna dak li qiegħed jiġri fit-Tuneżija fejn permezz tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill "Council Conclusions" tennejna l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tagħti l-apppoġġ tagħha għal tranżizjoni demokratika fit-Tuneżija b'mod partikolari fit-tħejjija għall-Elezzjonijiet Ġenerali. Ħsibna li nadottaw ukoll miżuri restrittivi sabiex biex ikunu ffriżati l-assi ta' dawk il-persuni li immiżappropjaw fondi pubbliċi Tuneżini. Meta dawn il-miżuri restrittivi ikunu ppubblikati bħala Regolament tal-Unjoni, ikunu jorbtu ukoll lil Malta u jiffurmaw parti mil-leġiżlazzjoni ta' pajjiżna. Dwar il-miżuri punittivi, bħaċ-ċaħda għal hruġ ta' viża, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iStati Membri taż-żona Schengen għadhom ma ħadu l-ebda pożizzjoni għall-eventwalità ta' applikazzjonijiet għal ħruġ ta' viżi lill-ex-President Tuneżin u l-familjari tiegħu.