Legislature:
Category:
Reset
Active:

IVF – Embrijuni ffriżati – Liġi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ilha li għaddiet il-liġi biex jiġu ffriżati l-embrijuni ż-żejda li ma ntużawx fl-IVF? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ġew addottati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi biex jiġu krijopreservati embrijuni daħlet fis-seħħ bl-emendi tal-2018.  Sa llum il-ġurnata ma kien hemm ebda addozzjoni.

Trabi mwielda - Teenage mothers

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twieldu trabi minn teenage mothers minn Jannar sa Ġunju 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ta’ kemm twieldu trabi minn teenage mothers bejn Jannar u Mejju 2026 tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Mother age (years) Number of births <17 4 17 4 18 11 19 14 Source: National Obstetrics Information System (NOIS) DHIR

Kura komunitarja - Investiment

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’investiment sar fil-kura komunitarja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diversi investimenti fil-kura komunitarja biex jgħinu lill-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, u li kontinwament qegħdin ikomplu jiġu estiżi u introdotti. Fost dawn ġew introdotti s-servizzi u investimenti msemmija hawn taħt: 1.  Ċentri għall-Anzjanità Attiva 2.  Skema ta’ Carer fid-Dar 3.  Servizz ta’ Konsulent Ġerjatriku fil-Komunità 4.  Servizz ta’ Psikjatra fil-Komunità 5.  Servizz ta’ Psikoterapija 6.  Servizz ta’ Kontinenza 7.  Ċentri tal-Attività tad-Dimensja 8.  Interventi mit-Tim tad-Dimensja 9.  Servizz Dijetetiku Domiċiljari 10.   Servizz ta’ Tabib tal-Familja fil-Komunità 11.   Servizz Domiċiljari ta’ Infermier u Carer 12.   Servizz ta’ Handyman 13.   Servizz għall-Immaniġġjar tad-Dijabete fid-Dar 14.   Servizz ta’ Home Help 15.   Kiri ta’ Sodod Motorizzati 16.   Servizz ta’ Meals on Wheels 17.   Servizz ta’ Night Shelter 18.   Servizz ta’ Occupational Therapy 19.   Servizz ta’ Flebotomija (Teħid tad-Demm) 20.   Servizz ta’ Fiżjoterapija 21.   Servizz ta’ Podjatrija 22.   Respite fid-Dar 23.   Servizz ta’ Silver-T 24.   Social Work 25.   Servizz ta’ Telecare 26.   Telecare on the Move 27.   Roħs fuq il-Kera tat-Telefown 28.   Skontijiet għall-Anzjani 29.   Klinika Multidixxiplinari ġewwa Dar Padova, f’Għajnsielem, Għawdex

Djar tal-anzjani - Carers

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm carers impjegati fi djar tal-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ carers impjegati mal-Anzjanita’ Attiva u l-Kura fil-Komunita’ fid-djar tal-anzjani huwa ta’ 190; filwaqt li t-total ta’ carers impjegati f’San Vinċenz de Paule hu ta’ 201.

Djar tal-anzjani – Lista ta’ stennija – Anzjani fil-komunità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1518, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif f'leġiżlaturi oħra dejjem kien jingħata n-numru ta’ anzjani fil-komunità li jkunu qed jistennew biex jidħlu fi djar tal-anzjani u issa dan in-numru mhux qed jingħata?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar

Il-Mosta – Dar tal-Anzjani – Xogħlijiet

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser tkun lesta d-Dar tal-Anzjani tal-Mosta? Jista' jgħid ukoll għaliex ix-xogħlijiet qed idumu daqshekk u meta ser jirritornaw lura l-anzjani li nħarġu mid-dar biex isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar

Dar Kenn għal Saħħtek

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qed jirċievu kura fuq bażi residenzjali f’Dar Kenn għal Saħħtek? Jista’ jagħti rendikont ta’: i.    in-numru ta’ residenti skont l-età tagħhom; ii.   kemm hemm sodod disponibbli u kemm minnhom huma okkupati; u iii.  kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għal kura residenzjali, u kemm ilha tistenna l-persuna li ilha l-aktar fuq din il-lista?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li f’Dar Kenn għal Saħħtek hemm 22 sodda disponibbli, li 10 minnhom huma meħudin minn residenti li qed jirċievu l-kura fuq bażi residenzjali. Għaldaqstant ma teżisti l-ebda lista ta’ stennija. L-iżgħar resident għandu 19-il sena, filwaqt li l-akbar wieħed għandu 72 sena.

Ministeru għas-Saħħa – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Epipens għall-adulti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ingħataw Epipens lill-adulti minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Settembru 2026, l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: 2026 Epipens lill-Adulti Epipens lill-Minorenni Jannar 0 0 Frar 0 0 Marzu 3 0 April 35 2 Mejju 70 29 Ġunju 83 46 Lulju 90 39 Awwissu 72 48 Settembru 54 49 Ta’ min jinnota li dawn l-Epipens bdew jitqassmu lejn l-aħħar ta’ Marzu 2026, wara l-istqarrija annessa https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2026/03/17/PR260438.aspx

Sptar Mater Dei - Chillers bil-ħsara

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk matul it-tielet ġimgħa ta’ Lulju 2026 iċ-chillers tal-Isptar Mater Dei kinux bil-ħsara, u b’riżultat ta’ dan, kienx hemm swali mingħajr arja kkundizzjonata u laboratorji bil-magni weqfin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul it-tielet ġimgħa ta’ Lulju tas-sena kurrenti, żviluppat ħsara teknika f’uħud miċ-chillers tal-Isptar Mater Dei. B’konsegwenza ta’ dan, f’xi swali, l-arja kkundizzjonata kienet inqas b’saħħitha minn kif tkun normalment.

Ortopedija – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila l-lista ta’ stennija biex persuna isirilha debridement and/or repair peroneus brevis tendon fil-qasam tal-ortopedija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sat-30 ta’ Settembru 2026 kien hemm 5 pazjenti li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, biex isirilhom debridement and/or repair peroneus brevis tendon fil-qasam tal-ortopedija.

Anzjani bil-kundizzjoni tad-dimenzja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1087 u jgħid kemm hawn anzjani f’pajjiżna li ġew dijanjostikati bil-kundizzjoni tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani qed jirċievu servizzi speċjalizzati u x’tip ta’ servizzi qed jingħataw?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar

Kura tad-dimenzja – Carers – Taħriġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1088 u jgħid kemm għandna carers f’pajjiżna li rċevew taħriġ speċjalizzat fil-kura tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll fiex jikkonsisti dan it-taħriġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li fir-rigward ta’ taħriġ speċjalizzat fil-kura tad-dimensja, 521 carer irċieva taħriġ provdut mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunita’ bejn l-2023 u l-2026. Dan it-taħriġ għandu l-għan li jsaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet prattiċi tal-parteċipanti sabiex ikunu jistgħu jipprovdu kura u appoġġ ta’ kwalità lill-persuni li jgħixu bid-dimensja, abbażi ta’ approċċi person-centred. It-taħriġ jinkludi introduzzjoni għad-dimensja u l-aktar tipi komuni tagħha, l-għarfien tas-sinjali u s-sintomi tal-kundizzjoni, strateġiji effettivi ta’ komunikazzjoni verbali u mhux verbali, kif ukoll l-immaniġġjar ta’ mġiba li tista’ tkun ta’ sfida. Issir wkoll enfasi fuq l-importanza li jiġu mħarsa l-indipendenza, l-awtonomija u d-dinjità tal-persuna, kif ukoll fuq l-użu ta’ attivitajiet sinifikanti biex jiġu promossi l-involviment, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja.

EHIC - Talbiet għal rimborż – Żmien medju

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu ż-żmien medju li jgħaddi bejn meta titressaq talba għal rimborż lil pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u meta effettivament jasal il-ħlas, u jekk hemmx talbiet li ilhom pendenti aktar minn sena? Jekk iva, jista’ jgħid x'passi qed jittieħdu biex dawn jinġabru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti jaqgħu taħt il-liġi ta’ l-Unjoni Ewropeja bin-numru 987/09.

EHIC – Talbiet għal rimborż – Ammont imħallas

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mill-valur totali tat-talbiet għal rimborż imressqa lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea permezz tas-sistema tal-EHIC matul l-aħħar sitt xhur, effettivament tħallas u daħal fil-kaxxa ta' Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u liema pajjiżi għandhom l-akbar ammonti pendenti?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

EHIC – Talbiet għal rimborż

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il talba għal rimborż tressqet mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea permezz tas-sistema tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC/E-111) għal servizzi mogħtija fl-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur u x'kien il-valur totali ta' dawn it-talbiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2026, l-Isptar Mater Dei irreġistra 3,892 każ relatat ma’ pazjenti koperti taħt is-sistema EHIC/E-111, bil-kontijiet tagħhom jiġu riferuti lill-Uffiċċju tal- Entitlement biex issir it-talba ta’ rimbors mill-pajjiż rispettiv. Il-valur totali mitlub għal dawn il-kontijiet ammonta għal €3,729,853.94.

L-Isptar Mater Dei – Flus dovuti minn pazjenti barranin

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus dovuti lill-Isptar Mater Dei minn pazjenti barranin matul l-aħħar sitt xhur, u kemm minn dan l-ammont ġie rkuprat mill-isptar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x'miżuri qed jittieħdu biex jinġabar il-bilanċ pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2026, l-Isptar Mater Dei ffattura servizzi b’valur ta’ €3,056,208.12 lill-pazjenti li kienu suġġetti għal ħlas dirett. Minn dan l-ammont, €1,779,624.39, ekwivalenti għal 58.2%, ġew irkuprati jew regolarizzati, filwaqt li €1,276,583.73 baqgħu pendenti fid-data tal-analiżi. L-Isptar Mater Dei jopera proċess strutturat ta’ kontroll tal-kreditu li jibda mill-ħruġ tal-kont, li fil-maġġoranza tal-każijiet issir fil-ħin tar-rilaxx tal-pazjent b’mod mediku. F’dan l-istadju, il-pazjent jingħata spjegazzjoni ċara dwar il-mezzi kollha disponibbli sabiex jiġi regolarizzat il-ħlas dovut. Fejn ikun hemm polza tal-assigurazzjoni fis-seħħ, il-pazjent jingħata l-assistenza meħtieġa sabiex il-kumpanija tal-assigurazzjoni tingħata d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kollha relevanti sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-garanzija tal-ħlas. Meta l-ispejjeż mediċi ma jkunux koperti mill-polza tal-assigurazzjoni, jew meta l-pazjent ma jkollux assigurazzjoni valida, il-pazjent jintalab iħallas l-ammont dovut direttament. F’każijiet fejn il-ħlas immedjat ma jkunx possibbli, l-Isptar jista’ jidħol f’arranġamenti ta’ ħlas skedat mal-pazjent. Il-ħlasijiet taħt dawn il-ftehimiet jiġu segwiti regolarment mid-dipartiment tal-Billing sabiex jiġi żgurat li l-obbligi miftehma jiġu osservati. Il-każijiet kollha pendenti huma segwiti b’mod attiv permezz ta’ ittri ta’ tfakkira, komunikazzjoni telefonika u kuntatt dirett mal-pazjent jew mar-rappreżentanti tiegħu. Fejn dawn il-miżuri ma jwasslux għar-regolarizzazzjoni tad-dejn, l-Isptar jieħu l-passi ulterjuri previsti, inkluż ir-riferiment għal proċeduri legali għall-irkupru tal-ammonti dovuti.

L-Isptar Mater Dei – Ħlas għas-servizzi mogħtija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-pazjenti kollha li kienu obbligati jħallsu għas-servizzi mogħtija mill-Isptar Mater Dei matul l-aħħar sitt xhur, kemm kienu ċittadini tal-Unjoni Ewropea mingħajr EHIC, u kemm kienu ċittadini ta' pajjiżi terzi? Jista’ jgħid ukoll x’kien il-perċentwal ta’ dawk li fil-fatt ħallsu għas-servizzi li ngħatawlhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu Marzu – Awwissu 2026, kien hemm 597 kont relatat ma’ trattamenti mogħtija lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea (li ma kellhomx EHIC) u 2,361 kont relatat ma’ trattamenti mogħtija lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Mill-valuri totali: Ċittadini tal-UE: tħallas 63.1% (€344,988.89 minn €547,015.47) Ċittadini ta’ pajjiżi terzi: tħallas 57.2% (€1,436,203.83 minn €2,509,192.65)

L-Isptar Mater Dei – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi l-proċedura li tiġi segwita fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (non-EU) li jattendu fl-Isptar Mater Dei kemm fid-Dipartiment tal-Emerġenza kif ukoll għal kwalunkwe ammissjoni jew proċedura sussegwenti? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn jiġux iċċarġjati, u b’liema tariffi?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei, kull pazjent li jattendi fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew għal ammissjoni sussegwenti jingħata l-kura medika meħtieġa skont il-kundizzjoni klinika tiegħu. Il-proċess ta’ verifika tal-intitolament u l-arranġamenti ta’ ħlas isiru matul il-passaġġ tal-pazjent fl-isptar meta l-pazjent ikun klinikament stabbli u jkun sigur li jsiru tali arranġamenti. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx intitolat għal kura mingħajr ħlas, il-kontijiet jinħarġu skont it-tariffi applikabbli stabbiliti taħt l-Att dwar il-Ħlasijiet għall-Kura tas-Saħħa (Healthcare Fees Act) u l-leġiżlazzjoni relatata. Matul l-ewwel sena ta’ residenza tagħhom f’Malta, ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma normalment meħtieġa jkunu koperti b’polza privata ta’ assigurazzjoni tas-saħħa. F’dawn il-każijiet, l-Isptar Mater Dei jagħmel il-proċess meħtieġ sabiex l-ispejjeż tal-kura jiġu rkuprati mill-assigurazzjoni rispettiva fejn il-kopertura tkun applikabbli. Fejn l-ispejjeż ma jkunux koperti mill-assigurazzjoni jew fejn ma teżistix kopertura valida, il-pazjent jintalab iħallas għall-kura u s-servizzi mogħtija. L-uffiċjali finanzjarji tal-Isptar Mater Dei jsegwu l-kontijiet pendenti permezz tal-proċeduri stabbiliti ta’ kontroll u rkupru tad-dejn, inkluż kuntatt mal-pazjent, segwitu għal dokumentazzjoni nieqsa, arranġamenti ta’ ħlas fejn applikabbli u segwitu mal-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Meta l-miżuri kollha ta’ rkupru tad-dejn ma jwasslux għall-ġbir tal-ammont dovut, il-każ jista’ jiġi riferut għal passi legali skont il-proċeduri stabbiliti tal-Isptar Mater Dei.

Formularju tal-Gvern - Mediċini għall-kura ta’ kundizzjonijiet psikjatriċi - Investiment

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien l-investiment fuq il-mediċini għall-kura ta’ kundizzjonijiet psikjatriċi li ddaħħlu fil-Formularju tal-Gvern matul l-aħħar sentejn, maqsuma skont il-mediċina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li sar investiment ta’ iktar minn 5 miljun ewro fuq il-mediċini għall-kura ta’ kundizzjonijiet psikjatriċi li ddaħħlu fil-Formularju tal-Gvern matul l-aħħar sentejn. Infurmat li l-prezzijiet ikunu ppubblikati fis-sejħiet għall-offerti fuq l-ePPS.