Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid meta ser jittieħdu l-passi neċessarji biex il-bajja tax-Xemxija tiġi mnaddfa sew, u jiġi assigurat li tinżamm fi stat nadif matul is-sena kollha, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jara li l-bollards matul il-front kollu ta’ San Pawl il-Baħar jiġu miżbugħa kif kien isir fil-passat? Jista’ jara wkoll li jkun hemm koordinazzjoni ma’ ministeri oħra fit-twettiq ta’dan ix-xogħol?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Public Expo Village 2025 – Nefqa
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2025?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28345 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kif qed jintefqu l-fondi li qed jinġabru mit-taxxa ta’ 50 ċenteżmu għal kull turist għal kull lejl (sa massimu ta’ €5 għal kull persuna), li qed tinġabar mill-istabbilimenti turistiċi madwar Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min għandu l-kontroll fuq in-nefqa ta’ dawn il-fondi?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret minn pajjiżna fi ħdan l-Unjoni Afrikana matul l-aħħar tliet snin u ċjoè matul is-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul il-perjodu 2022 - 2024, Malta kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Unjoni Afrikana (UA) bħala Stat osservatur. L-ingaġġ ta’ Malta mal-UA iseħħ primarjament permezz tal-Ambaxxata tagħna f’Addis Ababa, akkreditata mal-Kummissjoni tal-UA. Dan ir-rwol jippermetti komunikazzjoni kontinwa, segwitu istituzzjonali u kontribuzzjoni politika kostanti.
L-Ambaxxata Maltija f’Addis Ababa għandha funzjoni ewlenija mhux biss fil-monitoraġġ u l-lobbying, imma wkoll fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej fil-kuntest Afrikan, speċjalment f’oqsma bħal paċi u s-sigurtà, il-governanza tal-migrazzjoni u s-sigurtà marittima.
Fuq livell tematiku, Malta tiffoka fuq oqsma fejn għandha valur miżjud: l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-wirt kulturali u l-liġi marittima. Għal diversi drabi, l-Ambaxxata ġiet mitluba tikkontribwixxi f’diskussjonijiet dwar il-politiki Afrikani f’dawn is-setturi, fosthom dawk relatati mal-Istati Gżejjer Żgħar u l-ekonomija blu.
Malta tagħmel użu wkoll min-netwerks multilaterali, inkluż il-Commonwealth u l-UNESCO, biex tappoġġa inizjattivi ta’ kooperazzjoni u kandidaturi strateġiċi, fosthom għall-Kunsill tal-IMO.
Ir-rappreżentanza ta’ Malta kkontribwiet b’mod regolari fil-formulazzjoni tal-politiki tal-UE lejn l-Afrika permezz tal-Grupp COAFR, kif ukoll fil-kuntest tal-laqgħat mal-EUSR għall-Afrika. Malta kienet preżenti wkoll fis-Summit UE–UA tal-2022 fi Brussell, fejn ġiet adottata d-Dikjarazzjoni Konġunta favur sħubija ġusta u proprjetà Afrikana tas-soluzzjonijiet.
B’mod konsistenti, Malta enfasizzat l-importanza ta’ koerenza bejn l-inizjattivi Ewropej u l-prijoritajiet Afrikani, inkluż dawk ta’ komunitajiet bħall-ECOWAS u l-AES.
Fl-aħħar nett, l-esperjenza miġbura f’dawn it-tliet snin qed tiddawwar f’kontribut għat-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Afrika 2025–2030. L-għan hu li Malta tkompli tkun sieħeb kredibbli, proporzjonat u allinjat mal-viżjoni tal-kontinent Afrikan u l-UE.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma kompliet titwettaq matul is-snin 2024 u 2025, b’rabta mal-Malta Africa Strategy for Partnership 2020-2025?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2024 u l-2025, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu kompla jwettaq il-Malta Africa Strategy for Partnership 2020–2025, li għandha l-għan li ssaħħaħ relazzjonijiet sostenibbli mal-pajjiżi Afrikani fuq livell politiku, ekonomiku u multilaterali, b’enfasi fuq proprjetà Afrikana tas-soluzzjonijiet, governanza tajba u koerenza reġjonali.
Il-ħidma ewlenija kienet tinkludi:
– Il-konsolidazzjoni tal-preżenza diplomatika f’Addis Ababa u f’Accra, li qed jiffaċilitaw il-kuntatt regolari ma’ sħab Afrikani u jikkontribwixxu għal involviment iktar iffukat fir-reġjuni rispettivi;
– L-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali aktar sodi mal-Etjopja u mal-Ghana, inkluż permezz ta’ laqgħat ministerjali u djalogi tematiċi dwar it-turiżmu, l-edukazzjoni, il-konnettività u kwistjonijiet ta’ sigurtà reġjonali;
– L-istabbiliment ta’ rappreżentanza diplomatika għal diversi Stati oħra permezz ta’ ħatriet ta’ Ambaxxaturi mhux residenti, fosthom għall-Angola, il-Capo Verde, in-Namibja, in-Niġerja, ir-Rwanda, is-Senegal, u s-Seychelles, bħala parti mill-istrateġija diplomatika ta’ Malta għall-Afrika;
– Parteċipazzjoni attiva fil-fora bejn l-UE u l-Afrika, inkluż il-proċess ta’ reviżjoni tad-Dokument Konġunt UE–UA u l-Ministerial Summit tal-2025, kif ukoll il-laqgħat regolari fil-Grupp Afrikani tal-Kunsill (COAFR);
– Koordinazzjoni kontinwa mar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għall-Afrika, b’mod partikolari permezz ta’ Ambaxxatur inkarigat mill-monitoraġġ tal-iżviluppi u l-kontribut ta’ Malta f’dawn il-qafas;
– Kontribut f’suġġetti ta’ rilevanza tematika bħall-ġustizzja klimatika, il-governanza diġitali u l-konnettività edukattiva, li ġew indirizzati kemm f’laqgħat bilaterali kif ukoll f’fora multilaterali;
– Bidu tal-proċess ta’ reviżjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Afrika lejn it-tmiem tal-2024, biex jiġu identifikati l-prijoritajiet għal perjodu ġdid 2025–2030, f’konformità mal-Istrateġija tal-Politika Barranija mġedda tal-Ministeru.
L-attivitajiet imwettqa sa issa kkontribwixxew għal profil aktar ċar u kredibbli ta’ Malta bħala sieħeb proporzjonat, realistiku u impenjat favur djalogu strutturat mal-kontinent Afrikan.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’tip ta’ permess għandu kull każin f’Malta u Għawdex biex ikun jista’ jopera?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Birżebbuġa — Wesgħa Carmelo Caruana - Permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numri tal-permessi relatati mal-imwejjed u s-siġġijiet f’Wesgħa Carmelo Caruana, f’Birżebbuġa, u jannetti magħhom is-site plan, il-pjanta u t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kull permess?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Ambaxxata ta’ Malta fil-Kajr matul is-sena 2024?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma u inizjattivi li ittieħdu mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna għall-Eġittu tul is-sena 2024 huma:
Introduzzjoni
L-Ambaxxatur Roberto Pace qiegħed iservi bħala l-Ambaxxatur ta’ Malta ġewwa l-Eġittu, u huwa akkreditat ukoll għas-Sudan.
Fis-sena 2024 saru sensiela ta’ laqgħat bilaterali ma’ Ministri u uffiċjali Eġizzjani, li jirriflettu r-rabtiet sodi bejn iż-żewġ pajjiżi. Dawn l-impenji komplew isaħħu l-kooperazzjoni f’oqsma bħall-kummerċ, l-enerġija, is-sostenibbiltà, il-migrazzjoni, u l-kura soċjali. Ġew iffirmati wkoll żewġ Memoranda ta’ Ftehim importanti fl-oqsma tal-enerġija u l-politika soċjali. Fl-istess ħin, tniedu inizjattivi ġodda biex jiġu mħeġġa r-rabtiet kulturali u soċjali bejn il-komunitajiet Maltin u Eġizzjani.
Fl-istess sena, is-sitwazzjoni fis-Sudan kompliet tiggrava minħabba l-gwerra ċivili li qed tikkawża ħsarat kbar u sfidi umanitarji drastiċi. L-Ambaxxata kompliet bil-ħidma tagħha sabiex tagħmel analiżi kontinwa tas-sitwazzjoni politika u umanitarja fis-Sudan u tassisti fl-isforzi ta’ paċi u stabbiltà fir-reġjun.
Bilaterali
Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-ħidma kienet mifruxa kif indikat hawn taħt:
Eġittu
- Analiżi tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż, inkluż monitoraġġ regolari tal-iżviluppi politiċi u istituzzjonali, il-politika barranija tal-Eġittu, u l-impatt tagħhom fuq ir-reġjun u fuq l-interessi ta’ Malta fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani.
- Diskussjonijiet regolari mal-Ambaxxaturi u d-Deputati tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fuq żviluppi fl-Eġittu, kif fuq interessi u pożizzjonijiet komuni.
- Taħditiet interni kontinwi mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta’ Malta dwar il-politika Maltija lejn il-Lvant Nofsani, kif ukoll dwar diversi temi li jolqtu r-relazzjonijiet bilaterali u dawk reġjonali, inkluż l-enerġija rinnovabbli, il-migrazzjoni, il-kummerċ, is-sigurtà marittima, u l-kooperazzjoni ekonomika u kulturali.
- Taħditiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu u mal-Uffiċċju tas-Servizzi tas-Sigurtà Eġizzjan fir-rigward tas-sigurtà domestika u l-impatt fuq ċittadini u interessi Maltin.
- Diskussjonijiet u koordinazzjoni ma’ diversi Ministeri tal-Eġittu waqt diversi laqgħat u żjarat, fosthom iż-żjara f’Malta tal-Ministru għall-Elettriku u l-Enerġija Rinnovabbli, Dr Mohamed Shaker El-Markabni, kif ukoll iż-żjarat fl-Eġittu tal-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju, Julia Farrugia, u tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli.
- Parteċipazzjoni f’diversi avvenimenti kulturali, konsolari, ekonomiċi, politiċi u diplomatiċi organizzati mill-Ministeri Eġizzjani, mill-Unjoni Ewropeja u mill-korp diplomatiku fil Kajr u f’Lixandra, bħala parti mill-ħidma diplomatika ta’ rutina.
- Laqgħat u taħditiet mal-Ministeru tal-Avjazzjoni Ċivili, ma’ linji tal-ajru, mas-settur privat dwar il-potenzjal fil-qasam tat-turiżmu, b’enfasi fuq l-esplorazzjoni ta’ rotot ġodda diretti bejn iż-żewġ pajjiżi.
- Taħditiet dwar diversi Memorandum ta’ Ftehim bejn Malta u l-Eġittu li għadhom qed jiġu negozjati, li jkopru oqsma ta’ interess reċiproku.
- Appoġġ għal artisti u riċerkaturi Maltin li jixtiequ jikkollaboraw jew jesebixxu l-ħidma tagħhom fl-Eġittu, kif ukoll promozzjoni ta’ boroż ta’ studju u laqgħat skont it-tema tal-borża ta’ studju (bħal MEDAC u-Sigurtà Marittima).
- Arranġament ta’ sapport reċiproka bejn l-Eġittu u Malta għall-kandidatura taż-żewġ pajjiżi fil Kategorija C tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
- Diskussjonijiet mal-UE u mal-gvern Eġizzjan fuq medda ta’ xhur li finalment wasslu għall-evakwazzjoni ta' pazjenti mediċi Palestinjani minn Gaza f'April 2025.
- Appoġġ kontinwu liċ-ċittadini u turisti Maltin fl-Eġittu, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza konsulari jew każijiet ta’ vulnerabilità.
Sudan
- Analiżi kontinwa tas-sitwazzjoni politika u umanitarja fis-Sudan biex jinftiehem aħjar l-impatt fuq ir-reġjun u l-politika ta’ Malta.
- Diskussjonijiet regolari mal-Ambaxxaturi u d-Deputati tal-pajjiżi tal-UE għas-Sudan, speċjalment dawk li jkopru s-Sudan u l-pajjiżi tal-madwar mill-Kajr.
- Taħditiet Interni kontinwi mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta’ Malta dwar diversi temi li jolqtu r-relazzjonijiet bilaterali u dawk reġjonali, inkluż l-iżvilupp tas-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan, il-migrazzjoni, u l-appoġġ għal inizjattivi ta’ paċi u stabbiltà fir-reġjun.
- Taħditiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan, b’attenzjoni għar-rwol tal-Eġittu fil-ħidma ta’ medjazzjoni u stabilizzazzjoni fir-reġjun.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja Maltija fl-Awstralja matul is-sena 2024?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma u inizjattivi li ttieħdu mill-Kummissjoni Għolja Maltija fl-Awstralja tul is-sena 2024 huma:
Fl-2024, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Canberra u l-Konsulati Ġenerali f’Sydney u Melbourne komplew il-ħidma tagħhom, fuq livell politiku u konsolari rispettivament, madwar l-Awstralja u New Zealand. Il-ħidma rriflettiet il-valuri u l-prijoritajiet strateġiċi ta’ Malta filwaqt li rawmet rabtiet b’saħħithom mal-komunità Maltija-Awstraljana, ħidma li tejbet il-viżibilità ta’ Malta fiċ-ċrieki diplomatiċi, saħħet il-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali, u pprovdiet servizzi essenzjali liċ-ċittadini u lid-dixxendenti ta’ Malta.
Kuntatti politiċi u diplomatiċi
Matul is-sena 2024, ir-rappreżentanti ta’ Malta pparteċipaw f’aktar minn ħamsin avveniment diplomatiku, kulturali u komunitarju li jkopru livelli federali, statali u lokali. Dawn kienu jinkludu ċerimonji ta’ livell għoli, laqgħat ta’ informazzjoni dwar il-politika, kommemorazzjonijiet, u inizjattivi ta’ diplomazija kulturali. F’dawn l-avvenimenti, ġew enfasizzati l-impenn ta’ Malta għas-solidarjetà internazzjonali u l-kooperazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni Għolja kompliet tipparteċipa fl-laqgħat ta’ koordinazzjoni diplomatika tal-Unjoni Ewropea. Il-punti ewlenin tal-kollaborazzjoni tal-UE inkludew l-involviment ta’ Malta f’avveniment ta’ livell għoli dwar l-enerġija fl-Università ta’ New South Wales, kif ukoll il-parteċipazzjoni fl-Ikla Korporattiva Ministerjali tal-UE u kommemorazzjonijiet immexxija mill-UE kontra l-piena tal-mewt. F’Ottubru 2024, il-Kummissarju Għoli ngħaqad ma’ rappreżentanti oħra tal-UE għal żjara f’Perth, li għenet biex jissaħħu r-rabtiet mal-istituzzjonijiet f’Western Australia u enfasizzat l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni u l-investiment. Għalkemm il-Kummissjoni hija bbażata fl-Awstralja, ir-rappreżentanti pparteċipaw b'mod virtwali f'laqgħat ikkoordinati mid-Delegazzjoni tal-UE bbażata fi New Zealand.
Il-Kummissjoni Għolja żammet it-tradizzjoni li tospita r-riċeviment tal-jum nazzjonali ta’ Malta. Dan l-avveniment annwali serva bħala pjattaforma distinta biex jiġu ċċelebrati l-indipendenza u l-wirt ta’ Malta. Għal din l-attività attendew personalitajiet ta’ statura għolja fis-soċjetà Awstraljana, membri tal-korp diplomatiku, uffiċjali tal-gvern, u rappreżentanti tal-komunità Maltija-Awstraljana. Ir-riċeviment offra wkoll okkażjoni biex tintwera ir-rikkezza kulturali, il-potenzjal ekonomiku u l-ħidma internazzjonali ta’ Malta.
Il-Kummissarju Għoli attenda bosta laqgħat ta' informazzjoni ospitati mid-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ (DFAT), li koprew suġġetti bħal-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-QUAD (partnership bejn l-Awstralja, l-Indja, il-Ġappun u l-Istati Uniti, u l-iżviluppi tal-AUKUS (partnership bejn l-Awstralja, l-Istati Uniti, u r-Renju Unit).
Preparazzjonijiet għal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth (CHOGM) li saret f'Samoa
Matul is-sena li għaddiet kien hemm enfasi partikolari fuq it-tħejjijiet għal din il-laqgħa. Il-Kummissarju Għoli (HC) għamel żjara preparatorja f'Samoa f'Lulju 2024 u aktar tard, laqa' d-delegazzjoni Maltija fi Brisbane matul it-tranżitu tagħhom qabel komplew il-vjaġġ għas-summit. F’Novembru, il-Kummissarju Għoli akkumpanja delegazzjoni Parlamentari Maltija f’Sydney biex tattendi s-67 Konferenza Parlamentari tal-Commonwealth. Id-delegazzjoni kienet magħmula mill-Onor. David Agius, Deputat Speaker, l-Onor. Davina Sammut Hili u l-Onor. Robert Cutajar. L-HC iffaċilita wkoll il-laqgħat tad-Delegazzjoni mad-diaspora Maltija f’Sydney.
Xogħol Konsulari
Is-servizzi konsulari, bħal kull sena oħra kien wieħed mill-aktar komponenti essenzjali u viżibbli tal-ħidma fl-2024. Il-Kummissjoni Għolja tiżgura wkoll li ċ-ċittadini u d-dixxendenti Maltin li jgħixu fi New Zealand jirċievu l-istess livell ta’ servizz u rappreżentanza bħal dawk fl-Awstralja. L-inizjattiva "Consul on the Move" (COTM) għal darb'oħra wriet li hija kruċjali biex is-servizzi jsiru aċċessibbli għal dawk li jgħixu f'żoni remoti. Fl-2024, saru żjarat tal-COTM fi New Zealand (33 appuntament), Brisbane (42), Perth (31), u Adelaide (12), li ppermettew liċ-ċittadini Maltin f’dawk il-postijiet jirċievu assistenza fl-applikazzjonijiet tal-passaport, taċ-ċittadinanza, awtentikazzjoni tad-dokumenti, reġistrazzjonijiet, u kwistjonijiet konsulari oħra. Il-Kummissarju Għoli kellu numru ta’ laqgħat mal-Australian Border Force dwar ċittadini Maltin miżmuma fl-Awstralja, fejn saru talbiet min-naħa Awstraljana biex ikunu mibgħuta lejn Malta.
Kooperazzjoni Kulturali
Id-diplomazija kulturali ingħatat importanza b’inizjattivi mfassla biex jippromwovu l-wirt, il-lingwa u l-arti kontemporanja ta’ Malta. Il-Kummissjoni Għolja u l-Konsulati Ġenerali ospitaw il-wiri tal-film Malti Carmen, avveniment li ntlaqa' tajjeb minn membri tal-komunità Maltija u l-korp diplomatiku madwar it-tliet stati. Kien hemm diversi attivitajiet oħra li kienu jinkludi parteċipazzjoni Maltija fil-Festival tal-Films tal-Amerika Latina u kollaborazzjonijiet ma’ artisti Maltin-Awstraljani. Saru laqgħat ma' talent lokali, bħal-leġġenda tal-mużika Maltija-Awstraljana Troy Cassar-Daley, u l-artista Maltija Stephanie Borg. Il-Kummissarju Għoli ffaċilita attività fejn ġew imqassma kotba bil-lingwa Maltija għal assoċjazzjonijiet tal-komunità u ta preżentazzjonijiet lill-Assoċjazzjoni Maltija-Awstraljana ta' Canberra u Queanbeyan.
Xogħlijiet fil-Kummissjoni
Ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u ta’ kostruzzjoni fuq ir-residenza uffiċjali f’Canberra mxew skont il-pjan, bit-tlestija tal-proġett skedata għal Settembru 2025.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja Maltija fil-Ghana matul is-sena 2024?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2024, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Accra kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Ghana, f’oqsma strateġiċi bħall-kummerċ, l-iżvilupp, il-kultura u d-diplomazija.
Mill-aspett kummerċjali, il-Kummissjoni appoġġat seba’ kumpaniji Maltin li kisbu riżultati konkreti, inkluż ftehim għal faċilità medika, bejgħ ta’ assi tal-avjazzjoni, u proġetti fil-kostruzzjoni u fl-agrikoltura. Barra minn hekk, tnax-il kumpanija Maltija għamlu żjara l-Ghana. Żdied ukoll l-interess minn kumpaniji ġodda, li wassal li llum il-Ghana tinsab fil-ħames post fost id-destinazzjonijiet ta’ esportazzjoni barra mill-UE. Din hija partikularment sinifikanti minħabba li l-kummerċ bilaterali bejn Malta u l-Ghana kien kważi ineżistenti qabel it-twaqqif tal-Kummissjoni Għolja. Minn naħa tal-Ghana, il-Kummissjoni Għolja ffaċilitat it-twaqqif ta’ żewġ kumpaniji mill-Ghana f’Malta, it-tnejn li huma joperaw fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali u l-ICT.
Il-Kummissjoni Għolja kienet ukoll involuta b’mod attiv fil:
• Malta Enterprise Startup Festival u l-EU Startup Summit f’Malta;
• L-EU-Ghana Business Forum u l-West Africa Building & Construction Exhibition fil-Ghana.
Fl-iżvilupp, il-Kummissjoni ffaċilitat boroż ta’ studju u apprentistati għal 18-il persuna, u appoġġat diversi inizjattivi edukattivi u soċjali ma’ NGOs lokali. Saru wkoll kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet akkademiċi Ghanjani, partikolarment fl-agrikoltura u s-sigurtà marittima.
Fil-qasam kulturali, il-Kummissjoni appoġġat il-kooperazzjoni bejn AP Valletta u msieħba Ghanjani fuq il-wirt arkitettoniku, li wasslet għall-pubblikazzjoni ta’ studju u restawr ta’ siti storiċi. Iffaċilitat ukoll l-iffilmjar tas-serje televiżiva “Liquorish” fil-Ghana.
Politikament, minkejja li kienet sena elettorali fil-Ghana, il-Kummissjoni rnexxielha tiffinalizza u tiffirma żewġ Memoranda ta’ ftehim (MoU), iffukati fuq l-istandardizzazzjoni tal-kompetenzi fi ħdan il-Malta Medicines Authority u l-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA). Dawn il-Memoranda ġew ikkumplementati minn żjarat uffiċjali mill-Ghana Standards Authority u il-Ghana Food and Drugs Authority. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Għolja ffaċilitat l-iffirmar ta’ tliet Memoranda oħra bejn is-settur privat Malti ma’ entitajiet governattivi u istituzzjonijiet akkademiċi Ghanjani.
Kien hemm ukoll żjara statali f’Marzu li ġiet ikkoordinata b’suċċess mill-istess Kummissjoni. Inoltre, l-impjegati tal-Kummissjoni Għolja pparteċipaw f’missjonijiet ta’ osservazzjoni tal-elezzjonijiet, u taw sehemhom f’għadd ta’ gruppi ta’ ħidma relevanti fl-aħħar parti tas-sena.
Dan l-ingaġġ jikkonferma l-impenn ta’ Malta lejn relazzjoni serja u sostenibbli ma’ wieħed mill-imsieħba l-aktar stabbli tal-Afrika tal-Punent, fil-kuntest tal-Istrateġija Nazzjonali Afrikana tagħna.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Nefqa fuq fjuri
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23473, fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21834, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti l-informazzjoni limitatament għall-2024, u ċjoè kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-sena 2024 u jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra, u fil-każ kemm kienet l-ispiża?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri hija koperta mill-kategorija Operational and Maintenance Expenses fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Infiq fuq reklamar
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26741 u jgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?
Response (BORG, IAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Interpellant. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħmel użu mill-mezzi tax-xandir (media houses) lokali sabiex ikun jista’ jwassal informazzjoni dwar servizzi, inizjattivi u informazzjoni oħra importanti għall-pubbliku inġenerali. Fir-rigward tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, din tagħmel użu wkoll minn mezzi tax-xandir internazzjonali sabiex tkun tista’ tirreklama l-prodott turistiku Malti.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti dettalji dwar il-pakketti finanzjarji u perkaċċi oħra li kienu jirċievu Ambaxxaturi residenti u dawk mhux residenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ambaxxaturi mhux residenti għandhom honoraria fissa ta’ €5000.00 fis-sena.
Minn naħa l-oħra, l-Ambaxxaturi residenti għandhom diversi allowances fosthom il-Post Adjustment Allowance (PAA), il-Communication Allowance (CA) u r-Representation Allowance (RA) li jitħallsu ma’ kull paga.
Il-PAA u s-CA huma marbuta mal-pajjiż li fih huma residenti, skond il-cost of living u jitħallsu mill-Ambaxxata waqt li r-RA titħallas mal-paga ta’ Malta u hija fissa għal kulħadd.
Mal-bidu tal-posting tagħhom, l-Ambaxxaturi residenti jieħdu “Settling-in allowance”, somma ta’ darba skond il-cost of living tal-pajjiż. Hemm ukoll Outfit Allowance li tittieħed darba kull 3 snin li jkunu posted. Is-salarju tal-Ambaxxaturi residenti huwa marbut ma’ Skala 3 taċ-Ċivil.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24380 u 24766 u jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi nxtraw 22 karozza ġdida mid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu.
Dawn inxtraw lill-uffiċjali fi gradi maniġerjali u li skont il-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures huma intitolati għall-vettura. Kopja ta’ dan il-manwal, diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Finalment irrid nirrimarka li x-xiri ta’ dawn il-vetturi jsir skont il-proċedura applikabbli skont il-Public Procument Regulations.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1827, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference li saru mill-Kumitat li taħt il-mansjoni tiegħu jaqa’ l-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26625, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’inhi l-kompożizzjoni tal-Kumitat bħalissa u jispeċifika d-data ta’ meta kien maħtur kull membru fuq il-Bord?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat reġa’ twaqqaf fil-25 ta’ Frar 2025 u huwa kompost minn rappreżentanti tal-:
Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu;
Transport Malta;
Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi;
Uffiċju tal-Prim Ministru;
Uffiċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu;
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar;
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol;
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika;
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.
Tajjeb jingħad li dan il-kumitat huwa ex-officio u għaldaqstant il-membri ma jitħalsux.
Għawdex — Lukandi u stabbilimenti oħra ta’ residenza temporanja - Numru ta’ sodod
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hu mistenni li jkun in-numru ta’ sodod għat-turisti fil-lukandi u stabbilimenti ta’ residenza temporanja oħra (inkluż B&Bs) f’Għawdex matul din is-sena, maqsuma lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll ta’ liema klassi huma dawn ir-residenzi f’Għawdex, skont l-istatistika miġbura mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma tistax tgħid b’kemm se jiżdiedu jew jonqsu s-sodod reġistrati peress li dan jiddependi mill-operaturi kkonċernati li jiddeċiedu huma jekk jikkanċellawx xi liċenzja u/jew jekk japplikawx għal xi liċenzja ġdida matul is-sena.