Għawdex — direct orders mogħtija mill-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-kunsilli lokali f'Għawdex f'dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament għal kull
kunsill, d-dettalji dwar ix-xogħol u l-pagamenti relattivi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza li kull ammont taħt il-€1,164.69 hu permess li jingħata minn Kunsill Lokali permezz ta’ direct order. Għaldaqstant dan ifisser li x-xiri anke ta’ oġġetti żgħar, bħal stationery isir permezz ta’ direct order. Japprezza għalhekk li l-ammont ta’ xiri li jsir b’dan il-mod huma ferm voluminuż.
L-Onorevoli Interpellant hu għaldaqstant ġentilment mitlub jindika x’valur u x’tip ta’ xogħol, servizz jew oġġetti qed jistaqsi dwarhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-perċentwali ta' nies arrestati relatati mad-drogi? Kemm minn dawn jispiċċaw il-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mit-total globali ta’ persuni arrestati mill-Pulizija matul is-sena l-oħra, kien hemm 16.6% li kienu ġew arrestati fuq reati relatati mad-droga.
Għalkemm ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-mistosija, ninsab infurmat illi mill-każi relatati ma' droga, mill-Qorti kien hemm 79 persuna li ngħataw sentenza ta’ ħabs matul is-sena l-oħra,.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-perċentwali ta' nies arrestati fuq offiżi relatati ma' kannabis? Kemm min dawn jispiċċaw il-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mit-total globali ta’ persuni arrestati mill-Pulizija matul is-sena l-oħra b’konnessjoni ma' droga, kien hemm 26% li kienu ġew arrestati fuq reati relatati mal-Cannabis.
Għalkemm ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-mistosija ninsab infurmat illi mill-każijiet relatati mal-Cannabis deċizi mill-Qorti matul is-sena l-oħra, kien hemm 14-il persuna li ngħataw sentenza ta’ ħabs wara li kienu misjuba ħatja ta’ traffikar tal-Cannabis.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fl-2010 u fl-2011 li tinkludi pulizija, qrati u ħabs fuq kawżi relatati ma' pussess jew traffikar ta' kannabis?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi x-xogħol tal-Korp tal-Pulizija ma jinvolvix biss investigazzjonijiet dwar abbuż mill-Cannabis, lanqas ma hemm xi grupp ta’ Pulizija assenjati biss fuq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet relatati mal-Cannabis. Barra minnhekk, minħabba n-natura tax-xogħol tal-Pulizija minnu nifsu u l-esiġenzi li jistgħu jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra, huwa impossibbli li wieħed jikkwantifika bl-eżatt kemm qed tkun l-ispiża tal-Korp tal-Pulizija fuq kawzi relatati ma’pussess jew traffikar ta’ Cannabis.
Għar-rigward tan-nefqa totali għall-perijodu msemmi li tirrigwardja l-ħabs fuq kawzi relatati ma' pussess jew traffikar ta' kannabis, ninsab infurmat illi mhux kull priġunier għandu l-istess bżonnijiet, għalhekk din l-istatistika ma tistax tkun eżatt.
Fejn jidħol il-Qorti, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — tnaqqis mill-budget
Question
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried iqiegħed lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-Gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari wkoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi essenzjali bħal dawk li jipprovdu l-membri fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod mhuma se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom dawk marbuta maż-żewġ entitajiet partikolari li għadni kif irreferejt għalihom.
Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — allowances lill-Impjegati fuq xogħol f'Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu allowances l-impjegati tal-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom xi xogħol Għawdex mill-2011 sal-lum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-ammont imħallas fuq allowances lill-impjegati fil-perijodu imsemmi huwa kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Segretarjat Permanenti €44.26 - Il-ħlas kien jikkonsisti f'rimbors ta' spejjeż għall-ikel u trasport.
Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija €16,849.13 - Il-ħlas kien jikkonsisti fi spejjeż marbuta ma' trasport u ikel.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diploma fl-IT mill-MCAST tissodisfax l-entry requirements għall-Kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li kif kienu r-rekwiżiti fl-aħħar sejħa għall-ingaġġ fil-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, il-kwalifiki msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti. Però wieħed dejjem għandu jivverifika meta jkun hemm sejħa ghall-applikazzjonijiet fil-Gazzetta tal-Gvern.
San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr u l-Mos — kwestjoni dwar parking
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' drabi, matul dawn l-aħħar xhur, Ottubru 2011sal-15 ta' Marzu 2012, fejn kien hemm ħruġ ta' permessi mill-Pulizija biex ma jkunx hemm parking f'xi parti partikulari ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr u l-Mosta?
Jista' l-Ministru jagħti wkoll taghrif dwar jekk kienx hemm pulizija preżenti fuq il-post biex jassiguraw li ma jkunx hemm parking fil-postijiet indikati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma toħroġx permessi biex ma jkunx hemm parking. Però fejn ikun hemm xi attivitajiet pubbliċi, bħal ma huma purċissjonijiet reliġjużi, attivitajiet sporitiv, attivitajiet politiċi jew xi attivitajiet oħra li jkunu jirrikjedu li ma jkunx hemm vetturi ipparkjati f'xi toroq, il-Pulizija tagħmel dawk l-arranġamenti meħtieġa.
San Pawl il-Baħar, il-Qawra, l-Mellieħa u n-Naxxar — full complement ta' pulizija fl-għasses
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx vacancies partikulari għal dak li hu l-full complement ta' pulizija, u uffiċjali oħra tal-pulizija li suppost qed iservu fl-għassa ta' San Pawl il-Baħar, il-Qawra, l-Mellieħa u n-Naxxar rispettivament? Jekk hemm, f'liema gradi huma l-uffiċjali nieqsa u x'qed isir biex il-vacancies jimtlew?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija fid-Distretti tal-Pulizija, inkluż dawk li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant mhux wieħed fiss u jvarja minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet tal-kommunità.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32428 b'mod partikolari għal dawk li huma correctional officers, jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki u/jew merti wieħed/waħda għandu jkollu biex jiġi impjegat/impjegata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fl-aħħar ingaġġ, barra l-kondotta tal-Pulizija, l-applikanti kienu mitluba jipproduċu l-iSchool leaving Certificate. Infurmat ukoll illi biex l-applikant jiġi mpjegat ried itemm b’suċċess kors ta’ taħriġ.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32428 fejn ġie indikat li fil-31 ta' Jannar 2012, kien hemm b'kollox 136 correctional officers,
a) jista' l-Ministru jgħid jekk dawn humiex kollha attwalment qed jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin;
b) jekk m'humiex kollha qed jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, jista' jgħid kemm minn dawn mhux qed jaħdmu hemm u allura fejn qegħdin jaħdmu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32428, ninsab infurmat illi mill-Correctional Officer impjegati mal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin hemm 6 fil-Forensic Unit, 5 is-SATU, 2 il-Caritas, u 1 qiegħed bil-career break.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm hemm pulizija assenjati xogħol fl-għassa tal-Qawra? Xi gradi għandhom dawn il-pulizija? Kemm minnhom iservu fl-uffiċċju tal-istess għassa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33026.
Naxxar — Kunsill Lokali - investigazzjoni dwar infiq ta' flus
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq talba ta' numru ta' kunsilliera tan-Naxxar sabiex jiġi investigat infiq ta’ flus mill-fondi tal-kunsill, peress li din it-talba ġiet acknowledged fl-20 ta’ Dicembru, 2011 u s’issa għadu ma sar xejn dwar dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-monitoirng unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kkonkluda l-investigazzjoni tiegħu. Fil-jiem li ġejjin il-kunsilliera li ressqu l-ilment ser jiġu nfurmati b'dawn il-konklużjonijet kif ukoll se tingħata kopja ta' dawn lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Jista' l-Ministru jassigura li l-bandli tal-Fgura (ta' ħdejn l-iskola) jkunu mgħassa kif suppost b'rondi mill-pulizija eċċ. minħabba li ħafna residenti qed iħossu li mhemmx il-livell ta' protezzjoni meħtieġa, partikolarment kif jidlam? Huwa konxju l-Ministru minn din il-problema?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel ronda fil-post indikat. Dan isir kemm mill-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll mit-Taqsima ta’ kontra d-Droga u dik tal-Mobile.
kunsilli lokali — informazzjoni dwar kuntratti ta' ġbir ta' skart
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31723 u jagħti d-dettalji tal-kuntratti ta' ġbir tal-iskart [bieb bieb], ġbir tal-iskart bulky (bieb bieb), knis ta' toroq u postijiet oħra pubbliċi u tindif tal-latrini li ngħataw mill-kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, sena b'sena, kuntratt b'kuntratt, lil min u b'kemm u t-tul ta' żmien li jkopri kull kuntratt? Jista' jgħid jekk dawn il-kuntratturi humiex jingħataw id-differenza fil-prezz għall-għoli tad-diesel u/jew fuel ieħor, kull meta jogħla l-fuel? Jista' jara li dawn il-kuntratti u d-dettalji msemmija fl-ewwel parti ta' din il-mistoqsija u kuntratti oħra li jistgħu jingħataw mill-kunsilli lokali, jibdew jiġu ppubblikati fuq il-website tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali bil-għan li jkun hemm trasparenza u dan għaliex dan huwa infiq ta' flus il-poplu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Intant infurmat li l-kuntratti l-ġodda jistipulaw li l-kuntratturi għandhom jingħataw mill-Kunsilli Lokali d-differenza fil-prezz tal-fuel li jista’ jkun hemm. Infurmat ukoll illi l-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali f’dak li jirrigwardja l-funzjoni statutorja tal-gbir ta’ skart domestiku kull sena tiżdied biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha ikkoncernati. Għalhekk id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ser jieħu l-passi neċessarji sabiex il-Kunsilli Lokali kollha jaderixxu.
Waqt li nfakkar li kull sejħa għall-offerti u kwotazzjoni mill-Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali jkunu reklamati fil-ġurnal
The Malta Independent
kull nhar ta’ Erbgħa, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali se jieħu l-passi meħtieġa biex l-istess kuntratti jibdew ikunu ppubblikati fis-sit elettroniku tiegħu.
Attachments:32705 - Kuntratti.docx32705 - Gbir ta' Skart.rtf
Tribunali tar-Reġjuni — impjegati bi ħlas ta' self employed
Question
Jista' l-Ministru jispjega għaliex ċerti impjegati tat-Tribunali ta' ċertu reġjuni dan l-aħħar tħallsu ta' self-employed meta dawn l-istess impjegati m'humiex registrati bħala self-employed mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Jista' jgħid meta dawn l-impjegati se jiġu impjegati mar-reġjun u ġaladarba dan isir, jista' l-Ministru jiggarantixxi li s-salarju tagħhom isir dejjem u fil-ħin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bis-saħħa ta’ l-Art. 25 tar-Regolamenti dwar il-Kumitati Reġjonali permezz tal-Avviż Legali Nru 320/ 2011, illi “Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-artikolu 110(6) tal-Kostituzzjoni, il-Kumitat jista’ jaħtar lil dawk l-impjegati l-oħra hekk kif il-Kumitat jidhirlu meħtieġa għall-qadi effiċjenti tal-funzjonijiet tal-Kumitat, b’dan illi l-Kumitat ma jistax jimpjega mingħajr l-approvazzjoni tad-Direttur.”
Għalhekk id-Dipartiment Għall-Gvern Lokali ħareġ Memo 7/2012 illi jistipola il-kriterji tal-ingaġġi ta’ nies mal-Kumitati Reġjonali.
Id-Dipartiment huwa infurmat li l-impjegati kollha li taw is-servizzi tagħhom lill-Kumitati Konġunti rċevew is-salarju tagħhom kemm tax-xahar ta’ Jannar kif ukoll ta' Frar 2012, mill-Kumitat Reġjonali rispettiv tagħhom.
Minn informazzjoni li għandu d-Dipartiment, jirriżulta illi xi Kumitati Reġjonali assorbew nies illi sa issa kienu, jew impjegati mal-Kumitati Konġunti preċedenti, jew ma' kumpaniji illi jipprovdu servizzi lill-Kumitati Konġunti, jew ħaddiema fuq bażi ta’ ‘
self employed’
mal-Kumitati Konġunti, jew inkella ġew issekondati minn xi Kunsill Lokali.
Intant ninfurmak li garanzija tas-salarju tista’ tingħata biss mill-Kumitat Reġjonali. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali dejjem esiġa li s-salarji dovuti jitħallsu fil-ħin.
Jekk impjegat hu self employed jew le, kull Kumitat Reġjonali għandu jara li jimxi skont il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Avviz Legali 66 tal-2012 li ħareġ fid-9 ta' Frar 2012 hux se jerġa' jinbidel? Dan għaliex securities u bouncers qed japplikaw għal din il-liċenzja ġdida u qegħdin jiġu infurmati mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li l-ewwel iridu jagħmlu kors ieħor, meta l-avviz legali msemmi jgħid ċar u tond li min jissottometti l-applikazzjoni qabel il-31 ta' Marzu 2012 m'għandux għalfejn jagħmel kors ieħor? Jista' l-Ministru jgħid jekk hiex se tgħola l-ħlas tal-liċenzja meta kulħadd jaf x'miżerja ta' pagi għandhom dawn l-impjegati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Mhuwiex maħsub li se jkun hemm xi emendi għall-Avviż Legali 66 tal-2012. Ninsab infurmat illi fil-fatt dawk il-persuni li ser japplikaw għal-liċenzji fil-kategoriji l-ġodda skont Regolament 3 tal-istess Avviż Legali mhux qed ikunu mitluba jagħmlu kors ieħor.
Fir-rigward tal-prezz tal-liċenzji, nixtieq ninforma lill-Onovervoli Interpelant illi ma hemm l-ebda ħsieb illi dan jogħla.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il supretendent għandu l-Korp tal-Pulizija? X'jisimhom u f'liema distrett iservu? Hemm każijiet fejn f'distrett wieħed hemm iktar minn supretendent wieħed? F'liema distrett? Għaliex? Minn meta dan id-distrett okkorendo għandu iktar minn supretendent wieħed? Fl-aħħar għaxar snin, liema distrett kellhom iktar minn supretendent wieħed u għal kemm żmien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 25 membru tal-Korp li jokkupa il-kariga ta’ Supretendent. Dawn huma stazzjonati fid-diversi branki tal-Korp skont kif jirrikjedu l-esiġenzi tas-servizz. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm Distrett wieħed fejn hemm stazzjonati żewġ Supretendenti. Dan minħabba raġunijiet ta’ tibdil loġistiċi li l-Korp kien se jkun kostrett li jagħmel u li issa ġew solvuti. Għalhekk huwa mistenni li fi żmien qasir, wieħed minn dawn is-Supretendenti se jkun assenjat b’doveri oħra skont il-ħtiġijiet tal-Korp. Infurmat ukoll ill matul dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm Distrett ieħor fejn ukoll kien hemm stazzjonati żewġ Supretendenti.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadhom ma nbdewx proċeduri kriminali fil-konfront tal-uffiċċjal tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li allegatament sawwat pajżan nhar it-18 ta’ Settembru 2011 f’Naxxar Road, San Ġwann?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-inċident li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ġie nvestigat kemm minnaħa tal-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, kif ukoll minnaħa tat-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp. Jirriżulta li l-uffiċjal tal-Pulizija nvolut uża dik il-forza minima u neċessarja sabiex ikun jista’ jesegwixxi l-arrest tal-persuna li kienet għadha kif kisret id-disposizzjonijiet tal-Att dwar l-Iskart, kif ukoll naqset li tagħti l-partikolarijiet tagħha lill-uffiċjal tal-Pulizija. Dan tikkonfermah il-persuna pajżana stess kif ukoll xhieda oħra okkulari li kienu preżenti waqt dan l-inċident. Għalhekk ma jirriżultax li hemm lok sabiex jinbdew proċeduri kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.