Każijiet ta' serq ta' karozzi privati u jew self drive
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' serq ta' karozzi privati/self drive rappurtati lill-pulizija matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, ġew irrapportati lill-pulizija 163 serqa ta’ vetturi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' serqiet minn residenza privati rappurtati lill-pulizija matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, ġew rapportati lill-pulizija 466 serqiet minn djar privati. Minn dawn 109 kienu jikkonċernaw oġġetti misruqa minn fuq barra tar-residenzi u 59 minn residenzi li ma kienux okkupati.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — informazzjoni dwar il-priġunieri
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin illum u għal liema reat huma ġew issentenzjati? X’etajiet għandhom dawn il-priġunieri? X’għajnuna prattika qegħdin jingħataw sabiex ma jerġgħux jiżbaljaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Popolazzjoni fil- Faċilità Korrettiva ta’ Kordin illum 2 ta’ Lulju 2012 hija ta’ 591 persuna b’ kollox. In-numru ta’ persuni li qed iservu sentenza huwa 401.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabelli li juru ir-reat li tiegħu nstabu ħatja u ġew sentenzjati u l-eta’.
Għar-rigward tal-aħħar parti tad-domanda, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlmentari Numru 34374.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema żmenijiet il-klandestini kienu jinżammu f'bini fid-depot tal-pulizija? Matul dawk iż-żminijiet kemm minnhom ippruvaw jaħarbu u f'liema dati? Kemm minnhom ippruvaw jaħarbu min-naħa tas-sur ta' wara d-depot u waqgħu 'l isfel għal ġol-foss? F'liema dati u x'kien l-isem ta' kull wieħed minnhom? X'investigazzjonijiet saru dwar kull każ u x'kienu r-riżultati ta' dawn l-investigazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi, l-immigranti illegali kienu jinżammu fid-depot tal-Pulizija bejn is-sena 2002 u s-sena 2006. Tagħrif dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ma jinżammx taħt forma ta’ statistika u għaldaqstant qed jiġi riċerkat.
Kumitati Konġunti għal Kumitati Reġjonali — transizzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-ħaddiema tat-Tribunali Lokali f'Malta u Għawdex waqt it-transizzjoni minn Kumitati Konġunti għal Kumitati Reġjonali u x'qed isir sabiex jiġu integrati f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema li kienu jagħtu servizz lit-Tribunali Lokali meta dawn kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitati Konġunti qegħdin jagħtu servizz temporanju lill- Kumitati Reġjonali. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali m’għandu l-ebda talba għal impjegati bl-istess skali mill-Kumitati Reġjonali. Ta’ min ifakkar li hi r-responsabbiltà tal-Kumitat Reġjonali skont Artiklu 25 tal-Avviż Legali 320 tal-2011, illi jagħmel talba lid-Direttur sabiex ikun jista’ jimxi mal-Liġi, u wara l-approvazzjoni li tingħata, tkun tista’ tinħareġ sejħa għall-ingaġġ fis-settur pubbliku, li l-Kumitati Konġunti jagħmlu parti minnu. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħareġ memorandum dwar dan li fih spjega l-istruttura li biha l-Kumitati Konġunti għandhom jimxu f’dan ir-rigward.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35947 u jgħid jekk iż-żamma u tindif tal-Għajn tal-Ħasselin, l-Imsida taqax taħt il-gvern ċentrali jew il-kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali konxju mir-responsabbiltajiet statutorji tal-Kunsilli Lokali kif elenkati fl-Att dwar Kunsilli Lokali, se jitlob lill-Kunsill Lokali tal-Imsida biex jagħmel il-manutenzjoni u t-tindif meħtieġ ta’ l-Għajn tal-Ħasselin.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu illi fiċ-ċentri ta’ detenzjoni ġewwa Ħal Safi, ix-shifts huma koperti biss permess ta’ tliet suldati tal-armata u saħansitra f’ċerti shifts saħansitra qed ikunu żewġt suldati bejn żewġt points, jiġifieri suldat ma' B Block u suldat ieħor li jieħu ħsieb żewġt warehouses oħra, u ma' dawn hemm biss 11-il uffiċjal magħrufin bħala detention officers, maqsumin bejn iż-żewġ postijiet ‘il fuq imsemmieha, sabiex iservu t’għassa ma' 735 immigrant irregolari? Jista' jgħid jekk hux se jikkonsidra li jżid il-compliment bi b’żewġ suldati oħra f’kull shift kif ukoll jiżdiedu aktar uffiċjali magħrufa bħala detention officers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm tnejn jew tlett suldati li huma responsabbli mis-superviżjoni ta’ kull shift u dawn jitqassmu bejn żewġ binjiet fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi. Infurmat ukoll li għaddej proċess biex jiżdied in-numru ta’ detention officers.
Jista' l-Prim Ministru jipprovdi rapporti dettaljati ta’ injuries li jsofru s-suldati flimkien ma' detention officers meta jkunu on duty fejn ossia jiġu maltrattati mill-istess immigranti residenti ġewwa Safi Barracks?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li bosta mill-ġlied li jinqala' ġewwa ċ-ċentru tad-detenzjoni f’Safi Barracks, huwiex ibbażat fuq it-tip ta’ ikel ipprovdut, fejn saħansitra hemm differenza fit-tip u l-ammont provdut li jasal bi żball ġewwa ċ-ċentru msemmi minflok fejn suppost kellu jkun indirizzat, jiġifieri fil-Faċilità korrettiva ta’ Kordin? Jista' jipprovdi rapporti dettaljati li tressqu lill-ogħla uffiċjali fi ħdan l-armata dwar dan.u jikkonferma jekk huwiex lest illi jintbagħat uffiċjal li jispezzjona l-ikel għall-għarrieda on site?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li huwa rari ħafna li qatt inqala xi ġlied jew disgwid ġewwa ċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi minħabba kwistjonijiet dwar ikel. L-ikel, ta’ kuljum jiġi spezzjonat mill-uffiċjali nkarigati miċ-ċentri ta' detenzjoni. M’inhiex infurmat li l-uffiċjali għolja tal-Armata qatt irċevew xi rapporti uffiċjali dwar xi ilmenti dwar l-ikel.
Jista' l-Prim Minstru jikkonferma jekk huwiex minnhu li fil-warehouse guardroom ilhom mingħajr arja kkundizzjonata għal aktar minn xahrejn minħabba ħsara li żviluppat? Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se jiġi rranġat fl-aqsar żmien possibbli l-air conditioner imsemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-sistema tal-arja kundizzjonata fil-guardroom tal-Warehouses Compound fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi ġiet irrappurtata bil-ħsara din il-ġimgħa stess u l-apparat ġie spezzjonat minn tekniċi tas-Servizz tad-Detenzjoni fejn instab li l-ħsara kienet estensiva u ma kienx prattiku li l-apparat jissewwa. Minħabba f'hekk inbeda l-proċess biex tinxtara sistema tal-arja kundizzjonata ġdida.
Jista’ l-Prim Ministru jivverifika jekk huwiex minnhu li ġewwa ċ-ċentru ta’ detenzjoni ġewwa Safi Barracks, ġiex irrapportat illi hemm każijiet ta’ fleas fejn jorqdu l-immigranti rregolari kif ukoll hemm rapporti ta’ ammont ta’ ġrieden? Jista’ jgħid x’soluzzjoni ngħatat sabiex jiġi kkontrolat dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi xahar ilu l-immigranti akkommodati f'Warehouse 2 fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi lmentaw li ħwejjiġhom, saqqijiet u l-friex imtlew b'insetti rqaq. Tlett kuntratturi ġew imqabda jagħmlu spezzjoni tal-post fejn instab li l-inħawi kienu mimlija bed bugs. Ġie mqabbad kuntrattur minnhom li wettaq fumigazzjoni ta' Warehouse 2 fil-15 ta' Ġunju filwaqt li l-friex u l-ħwejjeġ tal-immigranti ntbagħtu għal ħasil. Operazzjoni simili ser terga' issir fis-6 ta' Lulju. B'relazzjoni ma’ dan ukoll, għal dawn l-ħames snin kumpanija privata ġiet mogħtija kuntratt biex tipprovdi servizz ta' kontroll ta' ġrieden fiċ-ċentri tad-detenzjoni.
Kunsilli lokali — applikazzjoni għal programm ġdid tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali mis-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali, matul l-ewwel xhur (sal-aħħar ta' Ġunju) applikaw għal xi programm ġdid tal-Unjoni Ewropea? Liema kienu dawn il-programmi li saru l-applikazzjonijiet għalihom kunsill kunsill? Meta ħarġu s-sejħiet ghħal dawn il-programmi?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' u-bends ( u t-tabelli ta' fuqhom) li huma approvati mill-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, il-Mosta, il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? F'liema toroq tal-lokalitajiet rispettivi jinsabu dawn it-tabelli? Kemm hu l-ħlas globali li daħlu l-kunsilli lokali (kunsill kunsill) għal dawn it-tabelli, matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35989 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza rigward ERDF funds bejn il-PPCD u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, ir-Rabat, Ħ’Attard u Ħal-Lija bejn l-1 ta’ Frar 2010 u t-30 ta' Ġunju 2010?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33851 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammont tal-kontijiet tat-telefon, linja linja, li kull kunsill lokali għandu għas-sena 2010, 2011 u sa 31 ta' Marzu 2012? Jista' jippreżenta l-istess informazzjoni għax-xahar ta' Marzu 2012?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33851.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35931 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Peress li r-residenti ta' Triq Skerla, Sannat qed jilmentaw dwar l-istat ħażin tat-triq, jista' jgħid meta se ssir il-manutenzjoni fuq din it-triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tas-Sannat, konxju tal-ħsarat fit-triq imsemmija, ftit tax-xhur ilu għamel xogħol ta’ patching f’din it-triq. Intant il-Kunsill Lokali wasal biex jibda xogħol ta’ pavimentar fl-ispazju miftuħ fl-istess triq permezz tal-iskemi marbuta mal-proġett Eko-Għawdex. F’partijiet oħrajn tat-triq il-Kunsill Lokali drabi oħrajn għamel xi tiswijiet bil-cold asphalt. Se tinġibed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali sabiex jieħu nota tal-materja u jieħu azzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji biex ikun hemm fixed point tal-pulizija wara jew ħdejn residenza ta’ xi ħadd? Jista' jgħid kemm hawn mxerrda ma' Malta u Għawdex u f’liema lokalitajiet qiegħdin? Kemm hi l-ispiża biex iżżomm fixed points?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma diġa ġie spjegat fi Tweġibiet għall Mistoqsijiet oħra simili, mhix il-prassi li tagħrif dwar miżuri ta’ sigurtà li jittieħdu mill-awtoritajiet kkonċernati u l-modalitajiet ta’ tali protezzjoni u fejn jittieħdu, għandu jkun ippublikat. L-istess sigurta’ hekk titlob.
Kif ukoll spjegat fit-Tweġiba preċedenti, huwa diffiċli sabiex wieħed jikkwantifika kemm tiswa s-sigurta’ li l-pulizija tagħmel ma’ persuni. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija d-differenza fl-iskala tas-salarju fil-grad ta’ kuntistabbli tal-pulizija. Però jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni paga medja ta’ kuntistabbli, mingħajr
allowances
ta’ Ħdud u festi, huwa stmat illi fil-preżent din tiswa madwar €1,353 kull ġurnata, mingħajr ħlasijiet ta’
overtime
li jista’ jkun hemm.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li jsiru linji sofor fl-inħawi magħrufa tal-Fossa, il-Belt Valletta, sabiex ma jsirx aktar ipparkjar ta' vetturi, u li minħabba f'hekk intilfu 'l fuq minn 35 parkeġġ, itteħdietx waqt laqgħa tal-kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li d-deċiżjoni sabiex isiru linji sofor fl-inħawi magħrufa tal-Fossa, l-Belt, ma tteħditx waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali. Dan sar biex tiġi ndirizzata l-problema ta’ aċċessibilità għas-servizzi fl-inħawi, fosthom il-passaġġ ta’ servizzi ta’ emerġenza. Dan wara li ambulanza ma setgħetx tgħaddi minħabba l-vetturi pparkjati.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24447 għall-perjodu bejn l-2004 u l-2010. Intant id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor il-bqija tal-informazzjoni rikjesta mill-Onorevoli Interpellant permezz ta’ Memo 30/2012. Hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut, l-informazzjoni tkun ppreżentata fil-Parlament.