Legislature:
Category:
Reset
Active:

learning support assistants li għaddew

Question

Wara li ħarġu r-riżultati tal-learning support assistants, tista' l-Ministru tgħid kemm se jdaħħal il-gvern mill-65 li għaddew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-65 supply learning support assistants se jkunu impjegati skont il-ħteġijiet tad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Kuntratti

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn fl-ewwel disa' xhur ta’ din-sena lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Tista' tgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt? Minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Tista' tgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

każ ta' tifla li trid tbiddel l-iskola

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' tifla ta' 12-il sena, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tixtieq tbiddel l-iskola fejn tattendi għax fejn qiegħda mhijiex għal qalbha, tant li qed jaqbduha dwejjaq kbar u bħalissa anke ċertifikat għandha? Tista' tara x'jista' jsir peress li l-Prinċipal tal-iskola fejn tixtieq tmur ma sab l-ebda problema li t-tifla tibda tmur hemm, imma l-Prinċipal tal-iskola fejn qed tattendi bħalissa waqqafha milli titlaq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Prinċipali taż-żewġ kulleġġi ħadmu flimkien u qablu li ma jkunx ta’ ġid għat-tifla jekk tibdel l-iskola f’dan l-istadju. Id-diffikultajiet li għandha t-tfajla mhux se jgħaddu billi tiġi trasferita bejn skola u oħra. Għaldaqstant it-tifla se tibqa’ tingħata kull għajnuna li għandha bżonn min-nies professjonali tal-kulleġġ.

Atleti promettenti — benefiċċji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-atleti promettenti u ta' klassi li jaħdmu fis-settur privat u li b'arranaġament ma' min iħaddimhom ibbenefikaw mill-fond maħsub biex jagħti għajnuna lil atleti bħal dawn li naqqsu l-ġimgħa tax-xogħol tagħhom biex jagħmlu taħriġ aħjar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari numru 28196.

ITS — konferenza għall-istaff

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport finali (proceedings) tal-konferenza Forward with Confidence li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi organizza għall-istaff akkademiku tiegħu f’lukanda tas-Sliema f’April 2011? X’kien l-iskop ta’ din il-konferenza? X’ġid ħareġ minnha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskop prinċipali ta’ din il-konferenza kien sabiex tiġi ppreżentata u diskussa il-viżjoni l-ġdida tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Il-ġid prinċipali kien li l-impjegati akkademiċi tal-ITS ngħataw stampa ċara dwar id-direzzjoni l-ġdida li l-istitut, kif ukoll dwar trends kurrenti li qed jiġu implimentati fl-industrija tat-turiżmu lokali u internazzjonali, tagħrif li l-għalliema jistgħu jgħaddu lill-istudenti tagħhom fil-klassi.

ITS — Disinn tal-kurrikulu l-ġdid

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kien involut fid-disinn tal-kurrikulu l-ġdid li beda jitwettaq mis-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Xi kwalifiki u esperjenza għandha fil-qasam edukattiv kull persuna involuta? X’tip ta’ konsultazzjoni saret fil-livelli differenti fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta ġie approvat dan il-kurrikulu l-ġdid u minn min? Tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kurrikulum il-ġdid ġie mfassal minn għadd ta’professjonisti mill-kamp edukattiv kif ukoll mill-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Il-koordinament sar mill-Kap Eżekuttiv u il-viċi Kap wara proċess ta’ Konsultazzjoni mal-koordinaturi, il-lekċerers kif ukoll l-istudenti. Il-kurrikulu kien approvat mill-Board of Studies, il-Board of Governors u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki. Kopja ta’ dan il-kurrikulum qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — Laboratorju tax-Xjenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm sewa flus biex isir u jiġi attrezzat il-Laboratorju tax-Xjenza li hemm fil-kumpless Martin Luther King, Pembroke, tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta nfetaħ? Kif qed jiġi utilizzat bħalissa? Liema lecturers u korsijiet qed jagħmlu użu minnu? Min hu inkarigat mill-health and safety tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il- Laboratorju tax-Xjenza li hemm fil-kumpless Martin Luther King, Pembroke, tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi sewa €6,546.21. Il-laboratorju nfetaħ fl-2009. Bil-kurrikulum il-ġdid is-suġġetti relatati max-xjenza tal-ikel issa jinsabu f’livelli għola. Għaldaqstant, għal dan is- semester , m'hemm l-ebda lecturers li qed jużawh. Il-persuna inkarigata mill-Health & Safety huwa lecture speċjalizzat.

ITS — Science Centre

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu r-rwol tas-Science Centre fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta twaqqaf u b'liema skop? Min qed jikkontribwixxi għalih bħalissa f’termini ta’ xogħol amministrattiv u xogħol ta’ riċerka akkademika? X’benefiċċji qed jieħdu minnu l-istudenti u l-istaff akkademiku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Science Centre huwa laboratorju li jintuża’ għat-tagħlim tax-Xjenza. Dan kien twaqqaf fl-2009. Bħalissa t-tagħlim li jiġi offrut ma’ dan il-laboratorju se jiġi offrut f’livell aktar ogħli ta’ speċjalizzazjoni u għalhekk bħalissa mhux meħtieġ xogħol amministrattiv jew ta’ riċerka.

ITS — lectures fil-food chemistry u food science

Question

Tista’ l-Ministru tispjega liema tip ta’ lectures fil-food chemistry u food science għandhom l-istudenti fil-korsijiet fl-Istitut ghall-Istudji Turistici? F'liema korsijiet qed jingħataw? Kemm qed jingħataw sigħat f'kull kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn analiżi li saret tas-suġġetti li kienu qed jiġu offruti fil-qasam tax-xjenza tal-ikel, instab li l-lectures ta’ food chemistry kienu ekwivalenti mal-kontenut ta’ suġġett ieħor. Għaldaqstant, biex tiġi evitata duplikazzjoni ta’ tagħlim lill-istudent, kif ukoll biex jiġi assigurata użu aħjar ta’ riżorsi umani, il-food science se jiġi offrut f’livell għola bħala parti minn kors ieħor li se jkun hemm aktar 'il quddiem.

Kunsill Malti għall-Isport — informazzjoni dwar l-assistent tad-direttur

Question

Tista' l-Ministru tgħid b'liema kriterju d-Direttur tal-Kunsill Malti għall-Isport (non executive) għandu assistent? Kemm-il siegħa qiegħed jitħallas u kemm sigħat qed jaħdem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttur li saret referenza għalih qiegħed iwettaq riforma fl-operat ta’ Kumpless Sportiv bil-għan li l-kumpless jitħaddem b’mod aktar effiċjenti filwaqt li jkompli jkattar is-servizzi u jindirizza l-ħtiġijiet tal-klijenti tal-kumpless. Kif ingħad mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, dan id-direttur ma hux wieħed eżekuttiv u kien propriju għalhekk li kien jeħtieġ li jkollu assistenza biex iwettaq il-ħidma tiegħu.

Għawdex — problema biex it-tfal jaslu d-dar

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28860 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilha u ċioe: Peress li in vista tar-riforma tat-trasport pubbliku ħafna tfal f'diversi rħula f'Għawdex qed ikollhom problemi biex jirritornaw id-dar, tista' l-Ministru tgħid u tispjega x'inhu jiġri u kif dawn it-tfal jitwasslu d-dar kif kien jiġri qabel ir-riforma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex tagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru għal Għawdex.

Ħlas għat-trasport tal-iskejjel

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29429, dwar ħlas għat-trasport tal-iskejjel, tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex għal matul is-sena kurrenti hu previst li n-nefqa se tiżdied b'aktar minn €1,700,000.00 jew kważi b'nofs tan-nefqa tas-sena ta' qabel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-raġunijiet li minħabba fihom qed ikun previst li jkun hemm iż-żjieda indikata huma: 1. Il-prezz l-antik kien qed jirrifletti ftehim li sar sitt snin ilu. Minn sitt snin ‘il hawn kien hemm żidiet fil-prezz tal- fuel , fl-għoli tal-ħajja, u fi spejjeż oħra marbuta mal-operat b’mod ġenerali. 2. Id-Direttorat warrab il-vetturi li kellu u li ma kienux jilħqu l-istandards mitluba mill-operaturi. 3. F’numru ta’ Kulleġġi kien hemm żjieda fir-rotot minħabba r-riforma li qed isseħħ fil-Kulleġġi 4. L-operaturi ġew marbuta b’Service Level Agreements li huma ħafna aktar stringenti minn kif kien fil-ftehim ta’ qabel. Dawn jinkludu: a. Il-ħin li fih jinġabru l-istudenti jew jitwasslu lura d-dar ġie mnaqqas bin-nofs fil-każ tal-iskejjel primarji b. Il-ħin li jdumu jistennew li tasal il-vettura wara l-iskola naqas bin-nofs għall-iskejjel sekondarji kollha, u ġie ridott minn siegħa għall-kwarta għall-iskejjel primarji ċ. Ma tħallewx jinħadmu rotot amalgamati, ħlief f’każi limitati d. L-operat ġenerali ġie mtejjeb fis-sens li l-vetturi kollha jridu jkunu jilħqu il-livelli stipulati mill-Malta Trasnport, kemm fil-preżent, kif ukoll għaż-żmien li matulu jkun jorbot il-ftehim; e. Jekk xufier ma jġibx ruħu kif mistenni mid-Direttorat irid jinbidel f. Kull vettura hi marbuta li jkollha Tracking system għall-matul il-ħin tat-trasport tal-istudenti g. Kull operatur jipprovdi rapport ( hard u soft copy ) tar-rotot kollha li ma jilħqux is-Service Level Agreements, u jingħata wkoll aċċess għat-tracking system biex id-Direttorat ikun jista’ jagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa.

Ħal Far — Ċentru ta' Matul il-Jum

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 29163, tista' l-Ministru tgħid jekk din l-istallazzjoni hix ta' detriment għas-saħħa tal-klijenti u tal-ħaddiema taċ- ċentru? Tista tgħid ukoll jekk minbarra r-radar hux se jsir xi bini ieħor?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-operatur ta’ kull tagħmir simili huwa obligat li jikkontrolla li emissjonijiet minn dan it-tip ta’ tagħmir huwa kif stabilit bil-liġi. Il-Malta Communication Authority tagħmel kontrolli regolari fuq stalazzjonijiet tar-radju bħal dawn. Qed jinżamm kuntatt mal-Malta Communication Authority biex jiġi aċċertat li din is-sistema hija skont il-liġi speċjalment la darba din tibda tiffunzjona. Għad m’hemmx informazzjoni ta’ bini ieħor ħlief dak konness ma’ dan it-tip ta’istallazjoni.

Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma — xogħlijiet fil-bitħa tal-iskola ta' San Pawl il-Baħar

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk id-Dipartiment responsabbli fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni talabx lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex il-bini li din il-korporazzjoni tuża parti mill-bitħa tal-iskola ta' San Pawl il-Baħar, ikunx jista' jibda jintuża (naturalment wara li jsiru fihom il-bidliet neċessarji) bħala klassijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s’issa t-talba ma saritx għax il-possibilitajiet ta’ estensjoni qed jiġu studjati.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — infiq f'ċelebrazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema tal-pensjonanti — żieda fl-impjieg

Question

Meta jinqatgħu dawk il-pensjonanti/impjegati li jkunu baqgħu fl-impjieg wara li suppost ikunu ħarġu bil-pensjoni, tista' l-Ministru tgħid kemm jirriżulta li żdiedu l-impjiegi fil-pajjiż sena b'sena minn meta bdiet din l-iskema tal-pensjonanti li jistgħu jibqgħu fl-impjieg basta jħallsu l-Bolla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-informazzjoni ma tistax tingħata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għaliex m’għandniex statistika ta’ gainfully occupied.

Reġistru tar-Reġistrar — numru ta' nies li jfittxu x-xogħol

Question

Filwaqt li nqagħtu tant eluf minn fuq ir-Reġistru tar-Reġistrar u qed jingħaddu dawn il-pensjonanti li baqgħu fl-impjieg, tista' l-Ministru tgħid għaliex in-numru ta' nies ifittxu ix-xogħol qed jibqa' fuq l-istess livell?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżamijiet tal-Matsec u Sec — reviżjoni tal-karta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li wara l-eżamijiet tas-SEC u l-MatSec fl-ewwel sessjoni talbu reviżjoni fil-karta, suġġett b'suġġet fil-livell SEC u fis-Systems of Knowledge, livelli Intermediate u avvanzati fil-MatSec?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żbalji fir-riżultati tal-eżamijiet tas-Sec u l-Matsec

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħarġu riżultati żbaljati u f'liema suġġetti tas-Sec u l-Matsec u meta ġew informati l-istudenti li saru dawn l-iżbalji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn 924 riżultat fl-eżami tal-Ingliż fil-livell tas-SEC f’Settembru 2011 kien hemm żball f’90 minnhom u kien jinħtieġ li l-grad li ġabu l-istudenti jogħla. Mill-ewwel saret il-korrezzjoni neċessarja fis-7 ta’ Ottubru u dakinhar stess l-istudenti ġew informati permezz ta’ sms. Fl-istess ħin inħarget stqarrija għall-istampa. Ma kienx hemm żbalji oħrajn fl-ebda suġġett fil-livelli tas-SEC, Intermedju u Avvanzat f’Settembru u f’Mejju 2011.

Dikjarazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Matsec

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga d-dikjarazzjoni allarmanti tad-Direttur Eżekuttiv tal-Matsec, Dr. Martin Musumeci, dwar l-iżbalji fir-riżultati fejn ġie rapportat li qal "anzi ħriġnihom ir-riżultati għax stajna ma ħriġnihomx u m'għidna xejn"?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk wieħed jikkunsidra korrettament id-dikjarazzjoni li ssemmiet, fil-kuntest sħiħ u oriġinali tagħha kif ukoll fl-ispirtu li oriġinarjament saret bih, jidher ċar li l-Bord tal-eżamijiet tal-MATSEC tant jagħmel l-affarijiet b’mod trasparenti li, ġaladarba nstab żball waqt wieħed mill-passaġġi ta’ ċċekkjar li jsiru, ma sab l-ebda diffikultà – anzi jħossu fid-dmir – li immedjatament jirratifika tali sitwazzjoni biex il-kandidati dejjem jieħdu dak li proprjament ħaqqhom.