Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn se jkun qiegħed jinġieb ir-ramel għall-proġett tat-tkabbir tal-Bajja s-Sabiħa (Pretty Bay) f’Birżebbuġa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-gwida ta’ entitajiet konċernati, bħalissa qegħdin isiru it-testijiet neċessarji biex ikun ikkonfermat il-granulometrija (granulometry) f’siti differenti qabel ikun jista’ jinġieb ir-ramel.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17345 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: B’referenza għall-proġett li kien imħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika fuq ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spinola u l-inħawi u li issa għadda għand Infrastructure Malta, jista’ l-Ministru jagħti update fejn wasal dan il-proġett?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spinola huwa parti minn proġett akbar fiż-żona li jinkludi wkoll ir-riġenerazzjoni ta’ Triq Paceville. Diġà bdew xi xogħlijiet fi Triq Paceville fosthom l-installazzjoni ta’ servizzi ġodda. Bħalissa, flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, għaddej programm ta’ manutenzjoni u tisbiħ fiż-żona.
Fiż-żmien li ilu fil-kariga, jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu u għandu konsulenti/advisors fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, inkluż is-segretarji parlamentari, min huma, kemm jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom in konnessjoni max-xogħol li tqabbdu jagħmlu?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17337, jista’ l-Ministu jagħti lista sħiħa (bl-isem u l-kunjom) tal-konsulenti u kopja tal-kuntratt tagħhom minn meta twaqqfet il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi (FTZD) sakemm din waqfet tiffunzjona fl-2021?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha konsulenti magħha l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turisitiċi (li qabel kienet FTZD) mis-sena 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti lista bl-isem u l-kunjum ta’ dawn il-konsulenti u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratt tagħhom?
Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2024?
Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika - Mobile jew Telephone Line Allowances
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, jgħid jekk il-koordinatur tal-komunikazzjoni fis-Segretarjat tiegħu għandux/għandhiex mobile jew telephone line mħallas minn fondi pubbliċi?
Paceville Town Management Committee – Kopja tal-Agenda
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17065, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Agenda tal-aħħar laqgħa li saret minn Paceville Town Management Committee?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenda tal-laqgħa kienet is-segwenti:
- Rimarki tal-ftuħ miċ-Chairman tal-Kumitat u introduzzjoni tal-membri kollha tal-Kumitat
- Preżentazzjoni miċ-Chairman tal-Kumitat dwar il-mission statement tal-Kumitat
- Preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ TZRA dwar l-akkreditazzjoni tal-
Purple Flag
- Sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.
Paceville Town Management Committee — Laqgħa li jmiss
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17065, jista’ l-Ministru jgħid meta ser issir il-laqgħa li jmiss tal-Paceville Town Management Committee?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-ħsieb huwa li l-Kumitat jiltaqa’ fix-xahar ta’ April.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17064, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri tal-Paceville Town Management Committee, fid-dawl li fit-tweġiba tiegħu ssemma biss mil-liema entità ġejjin?
Ir-Rabat, Għawdex — Pjazza San Ġorġ – Passaġġi pubbliċi– Interventi mill-MTA
Question
Jista’ l-Ministru:
i. jgħid kemm kien hemm drabi f'din l-aħħar sena li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) intervjeniet biex ir-regoli tal-passaġġi pubbliċi fi Pjazza San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex, jibqgħu mħarsa u ma jiġux maħnuqa mill-imwejjed u s-siġġijiet?
ii. jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għandhiex ġurisdizzjoni fuq żgombrar tal-imwejjed u siġġijiet f'okkażjonijiet bħal funerali u tiġijiet u għaliex dan mhux iseħħ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill- Onor. Interpellant illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tgħin u tagħti sapport lill-aġenziji u awtoritajiet oħra sabiex jiġu mħarsa r-regolamenti u jiġu attwati ordnijiet speċifiċi.
L-Awtorità interveniet fil-post imsemmi 25 darba fl-aħħar tnax-il xahar, li sarrfu f’216-il intervent dirett fuq stabbilimenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13702, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, u jagħti rendikont fuq ix-xogħol li sar sabiex titwaqqaf l-entità msemmija fid-Diving Strategy imnedija fl-2022 li tieħu ħsieb is-siti tal-għadis? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi data meta din mistennija li tiġi mnedija?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Istrateġija tal-Għads li ġiet imnedija fl-2022 ma tagħmel l-ebda referenza għal twaqqif ta’ xi entità ġdida biex tieħu ħsieb is-siti popolari mal-għaddasa f’Malta. L-istrateġija tirrikjedi li tiġi appuntata entità sabiex tieħu r-responsabbiltà għall-provvista u l-manutenzjoni ta’ infrastruttura ta’ shore dive sites. Din l-entità hija l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13703 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u jgħid jekk sarux xi preparamenti u jekk l-istakeholders, kemm pubbliċi u anke privati, kif ukoll l-NGOs hux ser ikunu ikkonsultati u/jew ikollhom rappreżentanza u/jew parteċipazzjoni fi ħdan l-entità msemmija fid-Diving Strategy biex din taqdi dmirha b’mod xieraq u kif mistenni?
Tas-Sliema, il-Gżira u Ta’ Xbiex – Xogħol fuq il-promenade
Question
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi pjan li x-Xatt ta’ Ta’ Xbiex u tal-Gżira (il-promenade), kif ukoll ta’ Tas-Sliema, isirilhom upgrade tant meħtieġ? Jekk iva, meta se jinbeda x-xogħol f’kull lokalità?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li TZRA diġà għaddejja bix-xogħlijiet tagħha fuq ix-Xatt ta’ Tas-Sliema li jinkludu tiswijiet ta’ railings u railings ġodda f’żoni speċifiċ tul il-promenade, bankijiet, fanali u qsari ġodda, kif ukoll tiswijiet tal-pavimentar fejn neċessarju Dawn ix-xogħlijiet għaddejjin kontinwament u qed isiru b’konsultazzjoni ma’ stakeholders oħra fosthom l-Enemalta u l-Public Works.
TZRA se tkun qed tibda wkoll xogħlijiet ta’ tisbiħ u tiswija fix-Xatt tal-Gżira.
Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Advisory Cost Limit għal ġbir ta’ informazzjoni
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15430, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-advisory cost biex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba f'dik il-mistoqsija parlamentari?
B’referenza għal xi xogħlijiet li saru fuq il-loġoġ tas-sajjieda fix-Xatt tas-Sajjieda, f’San Ġiljan, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett l-ieħor li kien maħsub fl-istess post għadux fis-seħħ u jekk iva, jagħti update tiegħu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għadu fis-seħħ u l-MTA qed taħdem fuq informazzjoni addizzjonali li ntalbet bħala parti mill-proċess tal-iżvilupp.
Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Mobile jew Telephone Line Allowances
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-koordinatur tal-komunikazzjoni fil-Ministeru tiegħu għandux/għandhiex mobile jew telephone line mħallas minn fondi pubbliċi?
MTA – Sponsorizzazzjoni lis-Soċjetajiet Mużikali biex jiġu organizzati l-festi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15714, peress li l-Ministeru tiegħu, permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), jinvesti miljuni ta' ewro kull sena biex jippromwovi l-gżejjer Maltin barra minn xtutna permezz ta’ diversi interventi skont in-neċessità u l-fondi allokati, jista’ l-Ministru jara li jsir investiment mill-fondi allokati biex jibdew jiġu sponsorjati s-Soċjetajiet Mużikali ta' pajjiżna biex jagħmlu tajjeb għal ċertu spejjeż li jsiru biex jiġu organizzati l-festi f’pajjiżna, peress li dawn jattiraw ammont kbir ta' turisti lejn pajjiżna tul l-istaġun tas-sajf?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15714. Infakkru wkoll li l-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, għadu kemm żied b’45% l-iskema ta’ finanzjament immirata speċifikament għall-festi Maltin.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1241 u 18572 tal-Leġiżlatura XIII u 4438 u 15713 tal-Leġiżlatura XIV fejn il-Ministru kellu jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta' Wied iż-Żurrieq, u peress li preżentement fil-maġġior parti tiegħu l-ispazju hu riservat għal coaches u l-art inkwistjoni hija diġà kommessa li tintuża bħala parkeġġ, u fid-dawl li diġà qed isir dan, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-testijiet u r-rapporti ġeoloġiċi li saru mill-Gvern fiż-żona biex jissostanzja dak li qal fit-tweġibiet tiegħu? Jistgħu fil-frattemp jiġu identifikati żoni oħra f'Wied iż-Żurrieq stess, li fihom jistgħu jiġu pprovduti tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta' turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku sakemm isir dan il-multi-level parking?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1241, 4438 u 15713 ta’ din il-Leġiżlatura, u 18572 tal-Leġiżlatura XIII.
Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika – Bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet – Membri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li le m’hemmx Segretarji Permanenti jew is-Segretarju Permanenti Ewlieni fuq xi bord li jaqa’ taħt il-Ministeru.