Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li vetturi li jinsabu pparkjati u abbandunati fi Triq il-Qadi, fiż-Żejtun, jiġu mneħħija għaliex qed ikunu ta’ inkonvenjent għar-residenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit- 18 ta’ Lulju 2023 saret spezzjoni fit-triq imsemmija u ċjoè fi Triq il-Qadi, u ma rriżultax li kien hemm xi vetturi abbandunati.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Ħaddiema ingaġġati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti (definit jew indefinit) u anke bl-irwol li ġew ingaġġati fih?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – impjegati fis-Servizz Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsam din l-informazzjoni skont il-grad tal-impjegati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9844.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li ġew riveduti r-rotot tal-karozzi tal-linja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsabu nformati li l-bażi tan-network tat-trasport pubbliku bi skeda kien daħal fis-sena 2015. Minn dak iż-żmien sar numru konsiderevoli ta’ tibdil u addizzjonijiet li jikkonsistu fl-introduzzjoni tar-rotot ġodda, tibdil fir-rotta kif ukoll żidiet fil-frekwenzi.
Transport Malta – Eżerċizzju dwar il-frekwenzi tat-trasport
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'eżerċizzju jsir biex Transport Malta tiddeċiedi fejn il-frekwenza tal-karozzi tal-linja għandha tiżdied jew tonqos?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab informat li Transport Malta tagħmel diversi eżerċizzji qabel ma tittieħed id-deċiżjoni jekk il-frekwenza tar-rotot jinħtieġu jiżdiedu jew jonqsu. Dawn jinkludu:
· Minn żmien għal żmien isir eżerċizzju fejn jiġu analizzati n-numru ta’ passiġġieri li jkunu għamlu użu mir-rotot fil-ħinijiet diversi tal-ġurnata. B’dan l-eżerċizzju jiġi stabbilit jekk il-kapaċità tal- frekwenza tar-rotot individwali humiex ilaħħqu mad-domanda.
· Minn osservazzjonijiet li jsiru minn uffiċjali ta' Transport Malta li jwettqu spezzjonijiet regolari minn postijiet differenti
· Konsiderazzjoni tas-suġġerimenti li jaslu kemm għand Transport Malta kif ukoll għand l-operatur privat li jopera s-servizz tat-trasport publiku jiġifieri Malta Public Transport.
· Meta tinħoloq domanda ġdida bħal pereżempju meta daħal is-servizz tal-Fast Ferry fejn minħabba dan is-servizz ġdid daħlu fis-seħħ tlett rotot ġodda sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-ivjaġġar tal-passiġġiera.
Jista’ l-Ministru jgħid liema rotot tal-karozzi tal-linja żdiedu fil-frekwenza tagħhom bejn Jannar u Ġunju 2023?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm żidiet fil-frekwenza fuq ir-rotot sussegwenti:
· 13A Tas-Sliema/ San Ġiljan - il-Belt Valletta
· 42 iċ-Ċirkewwa – il-Belt Valletta
· 48 Buġibba – il-Belt Valletta
· 222 iċ-Ċirkewwa – Tas-Sliema
Ninformah ukoll li sal-aħħar ta’ Lulju 2023 hu mistenni li se jidħlu fis-seħħ żidiet fuq 13-il rotta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar investiment f'karozzi tal-linja ġodda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar investiment f`karozzi tal-linja li għamel l-opertur privat tat-trasport pubbliku kien bejn April u Ġunju ta’ din is-sena fejn dan daħħal fis-servizz 25 karozza tal-linja ġdida ta’ 12-il metru li jaħdmu bl-elettriku. Dawn żdiedu mal-flotta li kien hemm.
Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin jiżdiedu mal-flotta 5 karozzi tal-linja ġodda li wkoll jaħdmu bl-elettriku.
Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jsiru spezzjonijiet ta' sigurtà fuq il-karozzi tal-linja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Public Transport Unit fi ħdan Transport Malta għandha ħamest uffiċjali li xogħlom hu li ta’ kull jum jispezjonaw numru ta’ karrozzi tal-linja għal fost l-oħrajn affarijiet li jikonċernaw is-sigurtà ta’ dawn il- vetturi. Bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena dan il-Unit wettaq medja ta’ 554 spezzjoni fix-Xahar li jikonċernaw s-sigurtà fuq il-karozzi tal-linja.
Dan minbarra spezzjonijiet li jsiru min sezzjoni oħra fi ħdan l-istess Awtorità, jiġifiri il-Vehicle Inspectorate Unit li bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena wettqu medja ta’ 50 spezzjonijiet addizjonali fix-Xahar fuq l-istess karrozzi tal-linja.
Infrastructure Malta – spezzjoni fl-infrastruttura tat-triq qabel u wara inċident tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta tagħmilx xi tip ta' spezzjoni sabiex tara jekk kienx hemm xi ħsara/periklu fl-infrastruttura tat-triq qabel u wara inċident tat-traffiku serju, pereżempju skid test? Jista' juri evidenza ta' dawn ir-rapporti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta tispezjona ħsarat li jiġu rrappurtati fl-infrastruttura tat-toroq arterjali u distributorji u tintervjeni biex jissewwew ħsarat skont il-bżonn.
Transport Malta – rapporti dwar vetturi li jarmu duħħan eċċessiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati rapporti bejn is-sena 2021 u s-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ma’ Transport Malta dwar vetturi li jarmu dħaħen eċċessiv tal-exhaust? Jista’ jgħid kemm vetturi individwali ġew irrappurtati matul l-istess perjodu u x’azzjoni ttieħdet kontra tali vetturi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2021 u s-sena 2023 ġew ippreżentati 802 rapport li minnhom 394 għaddew mill-emissions test, 171 fallew it-test u ġew mħarrka, filwaqt li 237 ma attendewx għat-test u nħarġitilhom restrizzjoni fuq il-liċenzja tal-vettura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10484, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u jara li r-roundabout li hemm kif toħroġ minn Triq il-Karmnu, fil-Fgura, int u sejjer lejn Ħal Tarxien, tiġi mnaddfa u mqiegħda lura għall-pożizzjoni li kienet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm laqgħat miegħu jew fil-Ministeru, mal-Assoċjazzjoni li d-dettaji dwarha qed jingħataw separatament u x’kien l-eżitu in vista tad-diffikultajiet li qegħdin jiltaqgħu magħhom wara xi xogħlijiet li saru?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minix infurmat li saru laqgħat ma' din l-Assoċjazzjoni fil-Ministeru tiegħi. Madankollu ma neskludix li saru laqgħat ma' entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm laqgħat miegħu jew fil-Ministeru mal-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u x’kien l-eżitu tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma’ din il-fondazzjoni kien hemm numru ta’ laqgħat, inkluż miegħi personali u mal-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru. Jiġu kkonsultati spiss fuq proġetti infrastrutturali u riċentament kienu mistiedna wkoll għat-tnedija tal-proġett tal-active mobility routes.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – garaxxijiet tal-karozzi tal-kiri
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10621 u jgħid kemm hu n-numru ta’ public service garages liċenzjati biex jikru karozzi fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? Kemm hu t-total ta’ karozzi liċenzjati f’dawn il-garaxxijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Transport Malta – liċenzji tas-sewqan ta’ opri tal-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10693 u jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li għandhom liċenzja għas-sewqan tal-opri tal-baħar, hekk kif liċenzjati minn Transport Malta? Kemm liċenzji ġodda nħarġu din is-sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant lin-numru totali ta' liċenzji nawtiċi maħruġa taħt ir-Regolamenti tal-Bastimenti Żgħar (Small Ships Regulations S.L. 499.52) bħalissa huwa ta' 25,380. Matul is-sena 2023, sal-lum inħarġu total ta’ 625 liċenzja nawtiku.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu lesti x-xogħlijiet fi Triq Manoel de Vilhena, fil-Gżira (it-triq tal-Knisja), li ilha magħluqa 'l fuq minn sena, u meta se tkun miftuħa għall-karozzi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qed isir bħalissa fiż-żona Ta' Farsina, partikolarment fi Triq id-Deheb Fin u l-madwar f’Ħal Qormi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet ta’ Infrastructure Malta fi Triq id-Deheb Fin, Qormi, jikkonsistu f’xogħolijiet ta’ tqegħid ta' cables tal-Enemalta, mains ġodda tal-ilma kif mitlub mill-WSC, servizzi ġodda ta’ telekomunikazzjoni, bini ta’ bankini ġodda u bini mill-ġdid tat-triq inkluż asfalt.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti legali
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – membri ta’ bordijiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri preżenti kollha ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż iċ-Chairperson u s-Segretarju/a? Jista' jgħid x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull persuna fil-bord jew entità rispettiva?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.