Legislature:
Category:
Reset
Active:

ELC — rapprt mill-Montoring Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar mill-Monitoring Unit lil ELC dwar xogħlijiet li ma sarux sewwa jew nuqqasijiet mill-konsorzju u f’liema każijiet ittieħdu rimedji, sena b’sena mill-2008 'l hawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istess kuntratt li bih ingħata x-xogħol lill-ELC, fil-klawsola 1.3.4 hemm definit il-proċess ta’ ‘Default Notices’. Għall-benefiċju ta’ din il-Kamra, qiegħed inpoġġi dokument fejn wieħed jista’jsib kwotazzjoni ta’ din il-Klawsola. Fid-dawl ta’ dan l-uffiċjal tekniku kuljum jagħmel spezzjonijet madwar Malta u Għawdex. Kull meta jkun innotata li xi xogħol jew żona ma tkunx qegħda tinżamm skont l-istandard meħtieġ, fuq ir-rapport li jsir tinħareġ ‘Notice of Improvement’ lill-Kuntrattur. Hekk kif il-kuntrattur jinnotifika lura li x-xogħol identifikat kien ġie irrranġat, l-uffiċjal inkarigat jerġa’ jispezzjona ż-żona biex jikkonferma jekk l-istandard intleħaqx jew le. Fil-każ li x-xogħol ma jkunx irranġat sal-aħħar tax-xahar, meta jinħareġ iċ-ċertifikat tax-xahar jitnaqqas il-valur tax-xogħol f’dik iż-żona. Tajjeb li wieħed jinnota li fil-maġġoranza tal-każijiet ix-xogħol jkun irranġat f’qasir żmien u allura ma jkunx hemm bżonn li jitnaqqsu pagamenti. Madankollu sa llum il-kuntrattur kien penalizzat kif muri fl-istess dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:

Bastiment San Nikola

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30992, jista’ l-Minsitru jgħid la darba l-bastiment għandu l-VMS (vessel monitoring system), li dan l-apparat jagħti b’mod ċar kemm bastiment dam fuq il-baħar u peress li skont skema li ħarġet kienu se jużaw lilha biex jikkontrollaw kemm ġranet dam bastiment fuq il-baħar, għaliex il-bastiment San Nikola, li kien huwa biss preżentata il-75 days fuq il-baħar by VMS spiċċa ma kwalifikax? Jista’ jgħid jekk kienx hemm ħames kriterji biss biex tkun tista’ tikwalifika għall-iskema tal-fond u li kien il-bastiment San Nikola biss li preżentahom dawn il-kriterji? Jista’ jgħid ukoll jekk id-deċiżjoni ittieħdetx b’mod li ħarġu barra linja mitluba mill-iskema tal-fond? Peress li fl-ebda paragrafu fl-iskema (applikazzjoni għall-iġustament ta’ sforz ta’ sajd taħt l-istrument finanzjarju għal gwida tas-sajd 2004/2006, miżura 3.3 u miżura 3.3.1) jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li ġie deċiż li n-numru ta’ ġranet jinħadem skont it-tul tal-bastiment u l-qabda tal-ħut?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-iskop aħħari ta’ din l-inizjattiva kienet li “(tit)naqqas l-kapaċità tas-sajd, u joħloq bilanċ bejn l-isforz tas-sajd u l-qbid ta’ ħut billi jħalli livell ta’ stokk ta’ ħut sostenibbli.” Għalhekk waqt li fl-stess pubblikazzjoni kien stabbilit li bastiment tas-sajd irid ikollu minimament “attività tas-sajd ta’ ħamsa u sebgħin (75) ġurnata matul l-aħħar żewġ perjodi ta’ tnax-il xahar ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni”, kull applikant kien ukoll meħtieġ li jippreżenta Ċertifkat ta’ bejgħ ta’ ħut tal-aħħar tliett snin maħruġ mis-sezzjoni tal-Bejgħ fit-Taqsima tar-Regolamenti Veterinarji Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd, kif ukoll id-dati ta’ bejgħ ta’ ħut f’dawn l-aħħar sentejn maħruġ mis-sezzjoni tas-suq fit-Taqsima rar-Regolament Veterinarji Konservazzjoni u Kontrol Tas-Sajd. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li fil-perjodu li kienet inħarġet din is-sejħa l-użu tal-VMS kien għadu mhux universalment użat mis-sajjieda u l-anqas ma kien statutorjament mitlub l-użu tiegħu. Għaldaqstant biex tkun konstatata din l-attività tas-sajd, il-bord uża kemm ir-rekords dwar il-ħatt tal-ħut kif ukoll il-VMS. Il-bastiment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant nstab eliġibbli u kkwalifika fir-raba’ post. Skont kif dikarat fl-istess sejħa ppublikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern (paġna 2969) li ġġib id-data tat-3 t’April 2009, il-Fond allokat kien ta’ €370,000, u dan kien ikopri biss b’mod sħiħ it-tkissir tal-ewwel tletta ikklassifikati. Ninforma l-Onorevoli Interpellant li fid-dawl ta’ dan, is-sid tal-bastiment imsemmi kien ġie offrut il bilanċ kollu ta’ €59,013 li kien baqa wara li tkissru l-ewwel tliet bastimenti iżda sid il-bastiment kien għażel li jirrifjuta din l-offerta.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jispeċifika għal liema Segretarjat/i fi ħdan il-Ministeru qed jirreferi.

permessi għal qtugħ jew qlugħ ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jintalbu permessi mid-dipartiment ikkonċernat, meta jkun se jkun hemm qtugħ, jew qlugħ ta' siġar, kif ukoll meta tkun se ssir żabra tal-istess siġar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, Kultura u l-Ambjent li hu responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ippjanar u l-Ambjent li hija responsabbli għall-ħruġ tal-permessi msemmija.

Ta' Qali — naħa tal-Pitkala - strike

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi seħħew fil-kwistjoni li wasslet biex ftit tal-ġimgħat ilu jkun hemm strike min-naħa tal-pitkala f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34635.

Ikel tal-Unjoni Ewropea — lista

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34491 u jgħid kemm kienu n-nies li kwalifikaw għall-ikel tal-Unjoni Ewropea sena b'sena mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti l-lista, lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — tnaqqis baġitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta’ sena. Għalhekk nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tiegħi f’Mistoqsija Parlamentari Numru 32973

Rwejjaħ mill-miżbla tal-Magħtab

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom qed toħroġ ħafna intiena mill-miżbla tal-Magħtab tant li qed iddejjaq ħafna nies li jgħixu qrib u li jxommuha skont kif ikun jonfoħ ir-riħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ma ġewx irrappurtati rwejjaħ mill-miżbla tal-Magħtab. Dan seta’ jigi kkonfermat ukoll fit-8 ta’ Gunju 2012 waqt żjara li għaliha kien hemm prezenti il-Prim Ministru kif ukoll diversi membri tal-istampa lokali u li f’ebda ħin ma ndikaw li kien hemm lok ta’ xi nkonvenjent ta’ din in-natura. Il-gassijiet li joħorġu minn din il-miżbla qed jinġabru minn sistema ta’ pajpijiet mifruxa ma kull naħa tal-miżbla u jigu ttrattati ġo mpjant li jissejjah Regenerative Thermal Oxidiser (RTO) f’temperaturi għoljin ħafna.

skart riċiklat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tunellata ta' skart riċiklat inġabar fl-ewwel 4 xhur tal-2012? Jista' jgħid fejn imur dan l-iskart li suppost huwa riċiklat? Iktar minn hekk allura fejn jerġa' jintuża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35101 imressqa minnu stess għas-Seduta 486 ta’ disa’ t’ijiem ilu. B’ riferenza għall-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill- Onor.Interpelant li t-tunellaġġi imsemmija ġew esportati għar riċiklaġġ lejn dawn il-pajjiżi segwenti: Svezja ,Tajlandja Cina, Singapore, Indonesia, India, Hong Kong, Spanja u Malaysia.L-iskart imbgħad igħaddi minn proċessi skond il-frazzjoni li jerġgħu jibdlulu n-natura tiegħu għal prodott u dan jerġa jkun jista’ jitpoġġa fuq is-suq: ħafna drabi taħt tikketta li turi li hu magħmul minn prodott riċiklat.

gassijiet li qed joħorġu mill-miżbla

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35102 u jgħid jekk il-gassijiet li qed joħorġu mill-miżbla kemm mill-ġdida kif ukoll mill-antika li hemm il-Magħtab x'qed isir minnhom u jekk humiex jinġabru jew jintużaw għal xi ħaġa oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li partijiet mill-gassijiet li qed joħorġu mill-miżbla qiegħdin iservu sabiex tkun iġġenerata enerġija taħt forma ta’ sħana biex tgħin l-impjant RTO u l- flare li jittrattaw il-gassijiet oħra li jkunu ġenerati.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull individwu għandu l-libertà assuluta li ma jirregistrax bħala persuna b’diżabilità anki jekk huwa reġistrat mal- Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità (KNPD). Sakemm impjegat ma jagħżilx li jagħmel dan, huwa ma jistax ikun registrat bħala tali ma’ dan il-Ministeru liema dritt huwa mogħti lill-individwu mid-Data Protection Act. Għaldaqstant, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq ir-rekords uffiċjali fil-preżent ma hemm ħadd li uffiċjalment jista’ jitqies bħala persuna b’diżabilità għalkemm hemm każijiet fejn prima facie jista’ jitqies li huma persuni b’forma ta’ diżabilità. Immedjatament iżda ngħid li n-nuqqas ta’ registrazzjoni uffiċjali ma’ dan il-Ministeru m’għandux jiftiehem li dawn il-persuni ma jingħatawx l-għajnuna u l-konsiderazzjoni meħtieġa biex jinserixxu ruħhom b’mod pożittiv fl-impjieg tagħhom.

Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi — deċiżjonijiet appellati quddiem il-bord tal-Appelli dwar ir-Riżorsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il deċiżjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi ġiet appellata quddiem il-Bord tal-Appelli dwar ir-Riżorsi minn April 2008 sal-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena? Kemm minn dawn l-appelli ġew deċiżi u kemm għad hemm pendenti? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord għall-perjodu msemmi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

permessi għal qtugħ ta' siġar

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 35458, jista' l-Minsitru jagħti l-informazzjoni mitluba għat-terminus tal-Qawra/Bugibba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment konċernati fi ħdan dan il-Ministeru ma kienx avviċinat rigward il-ħruġ ta’ permessi għal qtugħ ta' siġar mit-terminus tal-karozzi tal-linja tal-Qawra/Bugibba jew minn art li tmiss mal-istess terminus.

żona fejn ikun projbit sajd

Question

Jista' l-Ministru jekk hemmx pjanijiet biex ikun hemm żona li fiha se jkun projbit li jsir sajd anki minn sajjieda żgħar? Jista' jgħid jekk din iż-żona hiex bejn il-Qbajjar u l-Munxar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kulturali hu responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

trobbija tan-nagħaġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi kkontrollata t-trobbija tan-nagħaġ? Jista' jgħid hux vera li hemm il-ħsieb li jiġu rtirati l-permessi preżenti kollha tat-trobbija tan-nagħaġ? Jista' jgħid jekk se jsir hekk, hux se jkun hemm xi kwota u kemm se tkun din il-kwota?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’ seduta oħra.

relocation tal-irziezet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35058 u 34651 u cioè: B'referenza għall-proġett tar-relocation ta' 17-il razzett, issa niżlu għal 12-il razzett, flimkien mal-impjant tat-trattament tad-demel ġos-south/Qrendi, liema proġett ilu mwiegħed mill-2007, sallum għad lanqas l-out line permit ma ħareġ, jista' l-Ministru jgħid: a) fejn/fliema stadju wasal; b) kemm intnefqu flus sa issa, u kif intnefqu; ċ) kemm hemm raħħala li konfermaw bil-miktub/intrabtu li jmorru l-Qrendi; d) kemm hu maħsub li jiġi jiswa dan l-impjant, full cost breakdown ; u e) kemm hu maħsub li jiġi jiswa kull razzett, full costs breakdown u min se jħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’ seduta oħra.

permessi għal qtugħ ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru ntalabx jagħti permessi għal qtugħ ta' siġar mit-terminus tal-karozzi tal-linja jew minn art li tmiss mal-istess terminus? Min talab dan il-permess? Min qatgħa dawn is-siġar u min ħallas għall-qtugħ tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jispeċifika għal liema terminus qed jirreferi.

bċejjeċ tal-baħar li jaħdmu ma' fish farms

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm bċejjeċ tal-baħar reġistrati bħala MFA li jaħdmu ma' fish farms tat-tonn? Jista' jgħid jekk dan huwiex legali? Qatt daħlu rapporti? Kemm minn dawn ġew investigati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolament tal-Kunsill (KE) 302/2009 Artikolu 14, u kif stipulat mir-Rakkmandazzjoni ICCAT 10-04 Artikolu 55, jeżiġu li kull bastiment il jaħdem in konnessjoni mal-irziezet tat-tonn irrid jkun irreġġistrat mal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (ICCAT) biex ikun legali. Ninsab infurmat li matul 2012 hemm 21 bċejjeċ tal-baħar reġistrati bħala MFA li jaħdmu ma' fish farms tat-tonn biex jaħdmu bħala bastimenti ta' rmonk jew sapport matul is-sena kkonċernata. Dawn il-bastimenti ġew-notifikati lill-ICCAT u r-reġistrazzjoni tagħhom ġiet rikonoxxuta u ppubblikata mill-ICCAT. Ninsab infurmat ukoll li sa llum qatt ma daħlu raporti fir-rigward ta’ bastimenti li operaw illegalment in konnessjoni mal-irżieżet tat-tonn mingħajr awtorizzazzjoni kif meħtieġ mir-regolamenti msemmija aktar qabel.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.