Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Lista ta’ ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħtu? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Jista’ jippreżenta l-organigramma bl-istruttura tal-istess Segretarjati? Jista’ jindika kemm minn dawn il-ħaddiema huma:
a. f’positions of trust;
b. persons of trust u
ċ. taċ-ċivil?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Kompożizzjoni u l-organigramma ta’ kif inhu strutturat s-Segretarjat Ministerjali, inkluż dawk tas-Segretarju Parlamentari, huma stabbiliti fil-Manwal li l-kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Kiri ta’ karozzi — Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24398 u jgħid kemm intefqu flus biex inkrew karozzi taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nkrew, minn liema kumpanija nkrew, id-data tal-bidu u t-tmiem ta’ kull kirja, jekk inkrewx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nkrew u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inkriet kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19667 jista’ l-Ministru jelenka r-restawr tal-kotba kollha li saru minn kull entità taħt d-dekasteru tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Arkivji Nazzjonali fis-sena 2024 lestew 100 proġett ta’ restawr fuq dokumenti. L-interventi li saru fuq dawn jinkludu tiswija tal-karta, tindif ta’ moffa, saru kaxxi u enclosures oħra għal preservazzjoni tad-dokumenti u saru polyester sleeves biex jiġu ppreservati r-ritratti.
Ninsab infurmat ukoll li Heritage Malta matul 2024 għamlet diversi xogħlijiet fuq il-karta li l-informazzjoni dwarhom qed inpoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19665, fir-rigward Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet effettivament saru tul is-sena 2024 u kemm intefqu flus fl-istess?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24527, jista’ l-Ministru jgħid fil-każ tar-restawr ta’ għamara antika fi ħdan il-Heritage Malta, min qed jagħmel dan ix-xogħol u x’kienet in-nefqa f’dan ir-rigward mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mill-2020 ’l hawn, xogħol ta’ restawr fuq għamara sar billi tqabbdu terzi persuni ikkwalifikati li jagħmlu dan ix-xogħol, jew direttament jew inkella bħala parti minn kuntratt ta’ xogħol ta’ proġett ikbar, bħal pereżempju l-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-Palazz tal-Gran Mastru, fejn ġew irrestawrati għadd kbir ta’ vetrini u bankijiet.
Sena
Min
Nefqa €
2020
James Saliba
c. 10,561
2021
De Valier
c. 79,330
2022
De Valier
c. 80,628
2023
Atelier del Restauro,
De Valier
c. 90,009
2024
De Valier
c. 85,000
Jista’ l-Ministru jgħid jekk attwalment hawnx NGOs li bil-ħidma tagħhom jassistu lill-Heritage Malta fir-rigward ta’ xi mużew partikolari li tmexxi l-istess Heritage Malta u jekk hemm, liema huma?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm NGO wahda li qed tgħin lil Heritage Malta direttament fit-tmexxija ta’ sit partikolari. Din hija Friends of Villa Frere li tassisti fl-amministrazzjoni ta’ Villa Frere.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk attwalment hemmx xi ġranet partikolari fejn il-pubbliku jista’ jaċċessa b’xejn il-mużewijiet immexxija mill-Heritage Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
F’dawn l-aħħar snin, Heritage Malta nediet diversi skemi li joffru lill-pubbliku l-opportunità li jżur is-siti u l-mużewijiet mingħajr ħlas matul is-sena kollha. Fost dawn l-iskemi, nistgħu nsemmu:
o Il-Passaport tal-Istudenti, li jippermetti lill-istudenti sa 16-il sena jżuru s-siti fil-ħin liberu tagħhom, akkumpanjati minn żewġ adulti.
o Il-Passaport tal-Anzjani, li jagħti d-dritt lill-anzjani, flimkien ma’ żewġ adoloxxenti, biex iżuru l-mużewijiet mingħajr ħlas fil-ħin liberu tagħhom.
o Il-ftehim li jippermetti lill-istudenti tal-Post-Secondary u l-Università jżuru s-siti mmexxija mill-aġenzija mingħajr ħlas.
Barra minn hekk, matul is-sena, l-aġenzija torganizza diversi attivitajiet fi ħdan il-mużewijiet u s-siti tagħha, fejn il-pubbliku jista’ jidħol mingħajr ħlas. Fost dawn l-attivitajiet, nistgħu nsemmu l-Open Days, Notte Bianca u Lejl Imkebbes, fejn is-siti ta’ Heritage Malta jkunu miftuħin b’xejn matul dawn l-attivitajiet’ kulturali.
Ta’ min jinnota wkoll li l-aġenzija toffri servizz ta’ gwida b’xejn lil gruppi ta’ skejjel matul is-sena kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid min tella' s-Siġra tal-Milied li ntramat quddiem il-Parlament fid-daħla tal-Belt Valletta f'Novembru 2024? Jista’ jgħid ukoll kienx hemm ħruġ ta' tender jew direct order; kemm hi l-ispiża totali relatata mas-Siġra tal-Milied; u liema kumpanija wettqet ix-xogħol?
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Segretarjat għall-Gvern Lokali – Direct Orders
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-direct orders kollha li huwa awtorizza matul is-snin 2022, 2023 u 2024? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-proċeduri ta’ akkwisti spjegati fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku għaliex l-awtorizzazzjoni tad-direct orders mhux fir-responsabbilità tiegħi.
Għaldaqstant il-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull xiri li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Kunsill Lokali tal-Qala — Triq l-Imġarr - zebra crossing
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għadha ma saritx zebra crossing quddiem l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Qala fi Triq l-Imġarr, mill-Kunsill Lokali tal-Qala? Jista' jgħid f'liema xahar tas-sena 2025 hu maħsub li ssir din iż-zebra crossing?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li, minkejja li l-Kunsill Lokali tal-Qala għandu l-approvazzjoni ta’ Transport Malta f’idejh għal zebra crossing fi Triq l-Imġarr, kien hemm oġġezzjoni minn resident li jgħix fil-propjetà fejn kienet ser issir iz-zebra crossing. B’riżultat ta’ dan, il-Kunsill issottometta applikazzjoni ġdida lil Transport Malta biex jagħmel ċaqliq fil-post taz-zebra crossing sabiex jindirizza l-ilment ta' dan ir-resident. Il-Kunsill ircieva l-approvazzjoni mingħand Transport Malta fl-ahhar jiem u x-xoghol fuq iż-zebra crossing beda.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12697, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu ffinalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, fir-Rabat Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista' jgħid ukoll jekk ingħatawx fondi għal dan ix-xogħol lill-Kunsill Lokali u jekk iva, għal kemm jammontaw dawn il-fondi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għasri, li għalissa mhux possibbli li tingħata data tat-tlestija. Il-Kunsill irċieva l-ammont ta’ € €354,827 bħala l-ewwel parti tal-finanzjament.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab ix-xogħol li qiegħed isir fil-Pjazza Ċentrali tal-Birgu u kemm huwa previst li ser idum biex jitlesta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Birgu li x-xogħol fil-Pjazza Ċentrali jinsab fi stat avvanzat u huwa kkalkulat li dan il-proġett ikun lest għall-ħabta tal-aħħar ta' Marzu 2025.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Vjaġġar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
(a) kemm-il vjaġġ għamel barra mill-pajjiż minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fejn kienet id-destinazjoni?
(b) X'kienet ir-raġuni għal kull vjaġġ u kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljetti tal-ajru, lodging, trasport, ikel, xorb, allowances per diem għal kull persuna li kienet tifforma parti mill-kontinġent u spejjeż oħra, separatament?
(c) Min għand liema aġent tal-ivjaġġar inxtraw il-biljetti tal-ajru u jekk hux b'direct order jew tender, x’tip ta' biljetti tal-ajru inqatgħu (jekk hux economy, business club jew class club) u ma' liema kumpanija tal-ajru?
(d) Kemm kien it-tul ta' żmien għal kull vjaġġ?
(e) Minn min kien iffurmat il-kontinġent tal-Ministru għal kull vjaġġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella hawn taħt. Ninfurmah illi l-iskop għal safar uffiċċjali ikun marbut ma' laqgħat ma' jew li fihom jipparteċipaw Ministri ta' Gvernijiet u Stati oħrajn, laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej u laqgħat oħra li għalihom ikun hemm stediniet uffiċċjali bħala l-Ministru tal-Gvern, inkluż attivitajiet fejn artisti Maltin ikunu qed jesponu t-talenti tagħhom, bħalma hu l-Biennale ta' Venezja jew d-Design Biennale ta' Londra. Infurmat illi l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, per diem allowances huma rregolati skont il-Manual on Transport and Travel Policies li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Għar-rigward tat-tul ta' żmien għal kull vjaġġ, naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan ikun jiddependi mill-aġenda taż-żjara barra l-pajjiż.
20226
20239
20246
MICAS — Mużew tal-Arti Kontemporanja - Struttura ta' evalwazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta’ qafas jew struttura ta' evalwazzjoni stabbilita għall-impatt tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) fuq ix-xenarju kulturali u l-ekonomija ta' Malta? Jekk iva, jista’ jipprovdi d-dettalji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ċertament il-kejl tal-impatt ta’ kwalunkwe mużew jista’ jinvolvi l-valutazzjoni ta’ diversi dimensjonijiet – bħall-impatti soċjali, kulturali, ekonomiċi u edukattivi. Hemm diversi eżempji ta’ strutturi ta’ evalwazzjoni u għodod li jistgħu jgħinu f’din l-analiżi iktar l-quddiem u meta jkun il-waqt biex jitkejjel l-impatt tal-MICAS.
Tajjeb li nirrimarka li qabel ma l-MICAS fetaħ uffiċjalment bħala mużew f’Ottubru 2024, tul is-snin tal-fażi tal-bini, l-kumitat tal-MICAS vara il-MICAS International Art Weekend, fejn kull sena ġew mistiedna artisti internazzjonali ta’ fama.
Min jifforma parti mill-komunità artistika Maltija jixhed għal valur kulturali u didattiku tal-espożizzjoni pubblika ta’ din l-arti kontemporanja madwar Malta (Ugo Rondinone fil-Ġnien Sa Maison issa fil-MICAS; Cristina Iglesias fil-Ġnien Hastings; Michele Oka Doner fil-Belt Valletta), kif ukoll il-valur edukattiv tal-intervisti pubbliċi ma’ dawn l-artisti ta’ fama internazzjonali.
Dan l-impatt intwera ċar, kif tennejt fir-risposta għall-mistoqsija 24376, fejn anke qabel ma tlestew ix-xogħolijiet tal-mużew, artisti Maltin kienu qed jiġu eżebiti f’eżebizzjoni innovativa u virtwali mtella’ mill-MICAS; u issa l-legat ta’ Ray Pitrè sa fl-aħħar ġie iċċelebrata b’mod denju nhar d-9 ta’ Jannar il-MICAS, filwaqt li dalwaqt il-MICAS se torganiżża eżebizzjoni ta’ sitt artisti Maltin taħt tema komuni, mifruxa fuq it-tliet sulari tal-mużew. Dan jixhed programm artistiku maħsub u intenzjonat li jqarreb l-arti Maltija ma’ dik internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx inizjattivi li huma ppjanati biex iżidu l-aċċess pubbliku għal wirjiet u avvenimenti fil-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS), partikolarment għal gruppi edukattivi u komunitarji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa l-MICAS għaddej b’serje ta’ viżti mill-iskejjel Maltin kif ukoll minn komunitajiet ta’ viżitaturi anzjani. Dan se jkun programm ta’ viżti li jkompli tul is-sena, flimkien ma’ attivatijiet pubbliċi bi dħul b’xejn bħall-Open Weekend li sar f’Novembru tal-2024. Ippjanati avvenimenti simili sabiex l-ispazju tal-MICAS isir misraħ ta’ attività kulturali u mhux biss tal-arti viżwali, u b’hekk inkunu qed nagħtu merħba lil prattikanti oħra tal-arti biex jieħdu posthom fuq il-campus tal-MICAS.
Il-MICAS għandu programm artistiku mfassal għas-sentejn li ġejjin li se jinkludu eżebizzjonijiet ta’ artisti Maltin kif ukoll barranin. L-għan tal-MICAS huwa li jqarreb udjenzi Maltin mal-arti kontemporanja, u dan huwa process li għandu jitmexxa minn esperti, b’missjoni ta’ edukazzjoni, għax nirrikonoxxu l-benefiċċju tal-arti fil-ħajjiet tagħna u għall-iżvilupp uman tas-soċjetà tagħna. Bl-istess mod, il-MICAS irid jikseb attenzjoni internazzjonali sabiex jagħti pjattaforma mistħoqqa lill-artisti Maltin – pjattaforma li tiġi żgurata kemm mill-arkitettura attraenti ta’ dan il-mużew, u mill-missjoni tal-bord u d-direzzjoni artistika.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-ispiża tad-delegati u l-persuni oħra li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu li telgħu ġewwa l-mużew Louvre ta’ Abu Dhabi għall-esebizzjoni temporanja fejn kienu esibiti ż-żewġ Ċippi fl-2023, u jagħti rendikont ta’ kollox separat, fosthom: titjiriet tal-ajru, akkomodazzjoni, u per diem fost affarijiet oħra? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa totali u jagħti rendikont separat tal-esebizzjoni taż-żewġ Ċippi ġewwa pajjiżna din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra mgħoddija lili mill-Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ġiet ikkanċellata 'il-Ġimgħa tal-Karriera' ġewwa Bighi taħt il-kappa ta’ Heritage Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Ġimgħa tal-Karrieri, li kienet ippjanata li ssir is-sena l-oħra, ġiet posposta għall-2025 u mhux ikkanċellata. Ir-raġunijiet kienu varji, fosthom il-fatt li kien hemm ħafna attivitajiet ta’ terzi ippubliċiżżati illi kienu ħa jnaqqsu mill-konkorrenza tal-attivita’ tal- karrieri.
Għarb Għawdex – Triq Albert W. Ketelby – culverts tal-ilma u bini ta’ triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tinbena mill-ġdid u jsiru l-culverts tal-ilma fi Triq Albert W. Ketelby, fl-Għarb Għawdex, mill-Kunsill Lokali tal-Għarb?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb li wara li jitlestew xogħlijiet li qed isiru preżentement fi triq oħra ġewwa l-lokalità, jibdew ix-xogħlijiet meħtieġa fi Triq Albert W. Ketelby. Ix-xogħlijiet huma previsti li jitlestew sa l-aħħar tas-sena 2025.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda u jitlesta (xahar u sena) x-xogħol kollu kemm hu relatat mas-sejħa 'WORKS – ROADWORKS IN TA’ SANNAT, IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER CFT CA UNIQUE ID: SNTLC/07/2023' li nħarġet mill-Kunsilli Lokali Sannat? Jista’ jgħid liema toroq saru sa issa u tlesta ix-xoghol kollu u liema toroq baqolom issir ix-xoghol fuqom u f'liema xahar ta' din is-sena hu maħsub li jsir ix-xogħol fuqhom u jitlesta kompletament?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li x-xogħolijiet fi Triq Dun Lazzru Camilleri, Triq Xagħman u Triq Paranji bdew f’2024 u għandhom jitlestew sa Ġunju 2025. Hekk kif jitlestew jibda x-xogħol fuq iż-żewġ toroq l-oħra li jgħamlu parti mit-Tender, iġifieri Triq Seguna u Triq Zabetta. Id-dettalji huma miġbura fit-tabella hawn taħt.
'WORKS – ROADWORKS IN TA’ SANNAT, IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER CFT CA UNIQUE ID: SNTLC/07/2023'
Meta beda
Dettalji
Meta jintemm
1
Triq Dun Lazzru Camilleri
April 2024
Qed isiru xogħlijiet ta’ servizzi mhux parti mit-tender tal-Kunsill imma xogħol ta’ entitajiet oħra. Meta dan ix-xogħol ikun tlesta, ikun jista’ jinbeda x-xoghol tal-asfaltar li huwa t-tender speċifika ta’ din il-PQ maħruġa mill-Kunsill Ta’ Sannat.
Previżjoni - Ġunju 2025
2
Triq Xaghman
April 2024
Qed isiru xogħlijiet ta’ servizzi mhux parti mit-tender tal-Kunsill imma xogħol ta’ entitajiet oħra. Meta dan ix-xogħol ikun tlesta, ikun jista’ jinbeda x-xoghol tal-asfaltar li huwa t-tender speċifika ta’ din il-PQ maħruġa mill-Kunsill Ta’ Sannat.
Ġunju 2025
3
Triq Paranji
April 2024
Tlesta x-xogħol tas-servizzi u l-ewwel kisja ta’ asfaltar saret f’Diċembru 2024.
Previżjoni - Ġunju 2025
4
Triq Seguna
Triq Seguna għadu ma bediex x-xogħol għax iridu jitlestew is-servizzi. Malli dawn jitlestew jibdew ix-xogħlijiet tal-asfaltar.
Previżjoni - Diċembru 2025
5
Triq Zabetta
Għandhom jibdew x-xogħlijiet f’din it-triq appena jitlestew t-toroq l-oħra li huma mibdija.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet marbuta ma’ Triq Tal-Barrani, Ħal Tarxien? Jista’ jgħid dawn ix-xogħlijiet x’inhuma u kemm ser idumu sabiex ikunu lesti?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.